Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

It-twettiq tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali – il-Kummissjoni tadotta l-ewwel inizjattivi konkreti

Brussell, is-26ta' april 2017

Sabiex il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jsir realtà għaċ-ċittadini tinħtieġ responsabbiltà konġunta.

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-għodod għat-twettiq tal-Pilastru jinsabu f'idejn l-Istati Membri, kif ukoll f'idejn is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – u b'mod partikolari l-Kummissjoni Ewropea – jistgħu jgħinu billi jistabbilixxu l-qafas u jagħtu d-direzzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni mhux biss tipproponi l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda llum qed tippreżenta wkoll għadd ta' inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi marbuta mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, l-informazzjoni tal-ħaddiema, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u l-ħin tax-xogħol.

L-ewwel u qabel kollox, din il-ħidma li twettqet taħt it-tmexxija tal-Viċi President Dombrovskis u tal-ewwel Viċi President Timmermans tinkludi proposta mmirata biex ittejjeb il-kundizzjonijiet għall-ġenituri u għall-carers li jaħdmu billi tippermettilhom jirrikonċiljaw il-ħajja tal-familja mal-karriera professjonali.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: “Il-fatt li qed ngħixu fis-seklu 21 ifisser li l-attitudni tagħna lejn il-ħajja u x-xogħol, lejn in-nisa u l-irġiel, għandha tirrifletti wkoll is-seklu 21. Uliedna ma għandhomx ikunu marbuta jissodisfaw il-mudell tan-nanniet tagħna. Ma jeżistix bilanċ wieħed “tajjeb”. Għandu jkun hemm għażla, u wasal iż-żmien li l-persuni kollha jingħataw għażla reali dwar kif jixtiequ jsawru ħajjithom, irabbu lill-uliedhom, isegwu karriera, jieħdu ħsieb lill-anzjani tagħhom u jgħixu ħajjithom.”

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobbiltà tal-Ħaddiema, Marianne Thyssen, ikkummentat hekk: "Li nżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol mhijiex biss kwistjoni ta' ġustizzja, iżda tippreżenta wkoll rebħa tripla. Dan huwa fl-interess tal-ġenituri u tal-carers li jaħdmu li se jgawdu minn bilanċ aħjar bejn il-ħajja privata u dik professjonali, huwa fl-interess tan-negozji li se jibbenefikaw billi jattiraw u jżommu t-talenti u huwa fl-interess tal-Istati Membri li llum qegħdin iġarrbu telf ta' EUR 370 biljun kull sena minħabba diskrepanza fl-impjieg bejn l-irġiel u n-nisa.”

"Il-ħolqien ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja huwa sfida li n-nisa u l-irġiel mal-Ewropa kollha jiffaċċjaw ta' kuljum" qalet Vĕra Jourová, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri. "Huwa d-dmir tagħna li nwettqu l-qafas korrett sabiex in-nies ikunu jistgħu jagħmlu l-għażla tagħhom. Il-proposta tagħna timmira li ssaħħaħ id-drittijiet u ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-ġenituri u għall-carers biex ikunu jistgħu jirrikonċiljaw ix-xogħol mar-responsabbiltajiet tal-familja. Din se tagħti aktar flessibbiltà u protezzjoni aħjar lill-ommijiet, lill-missirijiet u lill-carers, jekk jixtiequ jieħdu ħin frank biex jieħdu ħsieb uliedhom, jibbenefikaw minn arranġamenti ta' xogħol flessibbli jew jirritornaw fid-dinja tax-xogħol.”

Il-proposta dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tistabbilixxi għadd ta' standards minimi ġodda jew ogħla għal-liv tal-ġenituri, tal-paternità u tal-carers. Din tinkludi d-dritt ġdid għall-missirijiet li jieħdu mill-inqas għaxart ijiem ta' xogħol frank mat-twelid ta' wliedhom. Din il-proposta tipprevedi wkoll li d-dritt eżistenti ta' erba' xhur liv tal-ġenituri jista' jittieħed għal tfal li jkollhom sa tnax-il sena, meta mqabbel mal-linja gwida attwali mhux vinkolanti tal-età ta' tmien snin. Il-liv tal-ġenituri wkoll isir dritt individwali għall-ommijiet u għall-missirijiet mingħajr it-trasferiment tal-erba' xhur lill-ġenitur l-ieħor, li jservi ta' inċentiv qawwi għall-irġiel biex jużaw ukoll din il-possibbiltà. Għall-ewwel darba se jiġi introdott liv ta' ħamest ijiem fis-sena għall-carers, f'każ ta' mard ta' qarib dirett. Dawn l-arranġamenti kollha ta' liv marbut mal-familja se jiġu kkumpensati mill-inqas fil-livell ta' benefiċċji tal-mard. Permezz ta' din il-proposta, il-ġenituri ta' tfal li għandhom sa tnax-il sena u l-carers se jkollhom ukoll id-dritt li jitolbu arranġamenti ta' xogħol flessibbli, bħal sigħat ta' xogħol imnaqqsa jew flessibbli jew flessibbiltà fuq il-post tax-xogħol. Il-proposta tqis il-bżonnijiet tal-intrapriżi żgħar u medji u tfittex li tiżgura li ma jiġux affettwati b'mod proporzjonat.

Il-miżuri proposti huma maħsuba b'mod partikolari biex iżidu l-possibbiltajiet għall-irġiel li jassumu r-responsabbiltajiet tal-ġenituri u tal-indukrar. Dan se jkun ta' benefiċċju għat-tfal u se jgħin biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, u b'hekk titnaqqas id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa fl-impjieg, li fl-2015 kienet għadha tlaħħaq il-11.6 % u li saħansitra tiżdied għal 30 % meta l-familji jkollhom tfal żgħar taħt l-età ta' sitt snin. Dan huwa wieħed mill-elementi li jwasslu għal differenza bejn il-pagi (16.3 %) u l-pensjonijiet (40 %) tal-irġiel u n-nisa. L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva sakemm jiġu ggarantiti r-riżultati mitluba taħt din id-Direttiva.

Minbarra din il-proposta leġiżlattiva, illum il-Kummissjoni qed tniedi wkoll żewġ konsultazzjonijiet mas-sħab soċjali, li juru l-importanza tal-kontribuzzjoni tas-sħab soċjali fit-twettiq tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u li jikkonformaw mar-rwol tagħhom skont it-Tratttati. L-ewwel konsultazzjoni mas-sħab soċjali tikkonċerna l-immodernizzar tar-regoli dwar il-kuntratti tax-xogħol. Permezz tad-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub (91/533/KEE), l-impjegati li jkunu qed jibdew impjieg ġdid għandhom id-dritt li jinnotifikaw bil-miktub l-aspetti essenzjali tar-relazzjoni tal-impjieg tagħhom. Dan id-dritt għadu rilevanti ħafna, iżda jista' jkun li jrid jiġi aġġustat fid-dawl tar-realtajiet u tal-prattiki ġodda fis-swieq tax-xogħol biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti anki f'dinja tax-xogħol li dejjem tinbidel. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tixtieq tiftaħ dibattitu dwar is-salvagwardji minimi li jistħoqqlu kull ħaddiem, inklużi dawk li jaħdmu f'impjieg mhux standard. Il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi reviżjoni ta' din id-Direttiva sa tmiem din is-sena.

Il-Kummissjoni qed tagħti wkoll bidu għal konsultazzjoni mas-sħab soċjali dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, biex tiddefinixxi regoli ġodda possibbli f'dan il-qasam. Id-drittijiet u l-obbligi marbuta mal-protezzjoni soċjali ġew żviluppati matul iż-żmien prinċipalment għall-ħaddiema impjegati b'kuntratti standard, iżda dawn ma ġewx żviluppati biżżejjed għall-persuni li jaħdmu għal rashom u li għandhom impjieg mhux standard. Illum l-arranġamenti ta' xogħol aktar flessibbli jipprovdu opportunitajiet ta' xogħol ġodda speċjalment għaż-żgħażagħ iżda jistgħu possibbilment joħolqu prekarjetà u inugwaljanzi ġodda. Il-Kummissjoni tixtieq telimina d-diskrepanzi u tesplora modi biex tiżgura li kull min jaħdem ikollu aċċess għal kopertura tal-protezzjoni soċjali u għal servizzi għall-impjiegi abbażi tal-kontribuzzjonijiet tagħhom.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni llum adottat kjarifika tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, fejn tipprovdi gwida dwar kif għandhom jiġu interpretati diversi aspetti ta' din id-direttiva b'konformità ma' korp tal-ġurisprudenza dejjem jikber. Din se tgħin lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-acquis b'mod korrett u biex jevitaw aktar ksur.

Sfond

It-twettiq tal-prinċipji u tad-drittijiet definiti taħt il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa r-responsabbiltà konġunta tal-istituzzjonijiet tal-UE, tal-Istati Membri, tas-sħab soċjali u ta' partijiet ikkonċernati oħrajn. Il-Kummissjoni Ewropea se tgħin biex tistabbilixxi l-qafas u twitti t-triq dwar kif għandu jiġi implimentat il-Pilastru, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-kompetenzi tal-Istati Membri u titqies id-diversità tas-sitwazzjonijiet madwar l-Istati Membri u r-realtajiet tal-lum u ta' għada.

L-inizjattivi ppreżentati llum juru kemm is-sustanza tal-kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati kif ukoll il-modi kif dan jista' jsir skont il-Pilastru. Għadd ta' prinċipji u drittijiet inklużi fil-Pilastru se jirrikjedu inizjattivi leġiżlattivi ulterjuri sabiex isiru effettivi, kif jidher fid-Direttiva proposta dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Meta jkun meħtieġ, id-dritt tal-Unjoni eżistenti se jiġi aġġornat, ikkomplementat u infurzat aħjar, kif tixhed il-kjarifika dwar id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol. Fil-każijiet kollha l-Kummissjoni se tfittex konsultazzjoni u parteċipazzjoni wesgħin tal-partijiet ikkonċernati kollha kif ukoll ir-rwol partikolari tas-sħab soċjali, kif jidher fiż-żewġ konsultazzjonijiet il-ġodda.

L-inizjattivi kollha adottati llum jagħmlu parti mill-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2017. Hemm mnejn li jiġu diskussi aktar inizjattivi fil-livell tal-UE fil-kuntest tal-programm ta' ħidma annwali tal-Kummissjoni.

Għal aktar tagħrif

Ara l-MEMO: It-twettiq tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali - Mistoqsijiet u Tweġibiet

Skeda informattiva: BIDU ĠDID BIEX JIĠI APPOĠĠAT IL-BILANĊ BEJN IX-XOGĦOL U L-ĦAJJA PRIVATA GĦALL-ĠENITURI U GĦALL-CARERS

Komunikazzjoni: Inizjattiva li tappoġġa l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-carers 

Directive on Work-Life Balance

First phase consultation of Social Partners under Article 154 TFEU on a possible revision of the Written Statement Directive (Directive 91/533/EEC) in the framework of the European Pillar of Social Rights – C(2017) 2611 (L-ewwel fażi tal-konsultazzjoni mas-Sħab Soċjali skont l-Artikolu 154 tat-TFUE dwar il-possibbiltà ta' reviżjoni tad-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub (id-Direttiva 91/533/KEE) fil-qafas tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali)

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal: Evalwazzjoni REFIT tad-“Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub” (id-Direttiva 91/533/KEE) – C(2017) 2611

First phase consultation of Social Partners under Article 154 TFEU on a possible action addressing the challenges of access to social protection for people in all forms of employment in the framework of the European Pillar of Social Rights – C(2017) 2610 (L-ewwel fażi tal-konsultazzjoni mas-Sħab Soċjali skont l-Artikolu 154 tat-TFUE dwar il-possibbiltà ta' azzjoni li tindirizza l-isfidi tal-aċċess għal protezzjoni soċjali għall-persuni f'kull tip ta' impjieg fil-qafas tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali)

Id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol: Interpretative Communication on Directive 2003/88/EC of the European Parliament and of the Council of 4 November 2003 concerning certain aspects of the organisation of working time – C(2017) 2601 (Komunikazzjoni Interpretattiva dwar id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol)

“Investing in Children Recommendation - SWD on implementation: Commission Staff Working Document - Taking stock of the 2013 Recommendation on ‘Investing in children: breaking the cycle of disadvantage” (Rakkomandazzjoni dwar l-Investiment fit-Tfal - Dokument ta' Ħidma tal-Persunal dwar l-implimentazzjoni: Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Tiġi eżaminata r-Rakkomandazzjoni tal-2013 dwar “L-Investiment fit-Tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ”)

Active Inclusion Recommendation - SWD on implementation: Commission Staff Working Document on the implementation of the 2008 Commission Recommendation on the active inclusion of people excluded from the labour market (Rakkomandazzjoni dwar l-Inklużjoni Attiva - Dokument ta' Ħidma tal-Persunal dwar l-implimentazzjoni: Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies li huma esklużi mis-suq tax-xogħol)

Segwi lill-Viċi President Timmermans fuq Facebook u Twitter

Segwi lill-Viċi President Dombrovskis fuq Facebook u Twitter

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Facebook u Twitter, #SocialRights

Segwi lil Vera Jourovà fuq Twitter

IP/17/1006

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar