Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tipproponi biex jissaħħaħ l-iskambju ta’ rekords kriminali rigward ċittadini ta’ pajjiżi terzi

Strasburgu, id-19ta' jannar 2016

Illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tar-rekords kriminali ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-UE billi tiġi aġġornata s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS).

Illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tar-rekords kriminali ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-UEbilli tiġi aġġornata s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS). Din hija miżura ewlenija tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, li għandha l-għan li ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità transkonfinali serja. Din l-inizjattiva se tiżgura li l-ECRIS, li diġà qed tintuża b'mod wiesa' biex jiġu kkondiviżi r-rekords kriminali ta’ ċittadini tal-UE, tintuża b'mod sħiħ.

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri qalet: "L-attakki ta' Pariġi li seħħew f'Novembru kkonfermaw il-ħtieġa urġenti għal kooperazzjoni aktar imsaħħa u kontinwa fl-UE. L-ECRIS hija għodda importanti kontra l-kriminalità transkonfinali, peress li tippermetti li l-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni dwar kundanni preċedenti kullimkien fl-UE. Illum qed nipproponu li din l-għodda tiġi aġġornata biex jiġi żgurat aċċess faċli għall-kundanni ta’ ċittadini mhux tal-UE. L-imħallfin, il-prosekuturi jew il-pulizija se jkunu attrezzati aħjar għall-kooperazzjoni madwar l-UE li se tiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini kollha madwar l-UE. Permezz tal-marki tas-swaba' taċ-ċittadini mhux tal-UE, se jkollna għodda b'saħħitha biex nindirizzaw dokumenti foloz ta' identitajiet.”

L-ECRIS, li ġiet stabbilita fl-2012, tippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali biex jirċievu informazzjoni dwar kundanni penali preċedenti taċ-ċittadini fi Stati Membri oħra jew għal proċeduri tal-qorti inkella għal skopijiet oħra bħal investigazzjonijiet kriminali. Dan jippermetti li jkun hemm skambju rapidu u effiċjenti ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, li jikkontribwixxi għat-titjib tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu transkonfinali. Bħalissa, permezz tal-ECRIS, l-Istati Membri jibagħtu madwar 288,000 talba kull sena rigward kundanni penali preċedenti madwar l-UE.

Bħala parti mill-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, il-Kummissjoni qed tieħu passi biex tadatta għal theddid ġdid u li qed jevolvi billi jiġi żgurat li l-kundanni penali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu nstabu ħatja fl-UE jkunu aċċessibbli faċilment fl-ECRIS. Dan se jiżgura li l-iskambju effettiv tad-dejta tar-rekords kriminali jkopri kemm liċ-ċittadini tal-UE kif ukoll lil dawk li mhumiex, biex b’hekk jinħolqu l-benefiċċji li ġejjin:

  • L-iżgurar ta' aktar sigurtà għaċ-ċittadini kollha madwar l-UE: Kondiviżjoni mtejba tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali se tikkontribwixxi lejn ġlieda aħjar u aktar rapida kontra attività kriminali u terroristika aħjar, sabiex is-sigurtà taċ-ċittadini madwar l-UE tkun aktar sikura.
  • Tingħata spinta u titjieb il-kooperazzjoni ġudizzjarja: Is-simplifikazzjoni tat-tiftix għal rekords kriminali ta' ċittadini mhux tal-UE se tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali biex jagħmlu aktar użu mill-ECRIS.
  •  
  • It-tnaqqis fl-ispejjeż u titjib fl-effiċjenza: Billi jiġi inkluż indiċi ta' rekords kriminali ta’ ċittadini mhux tal-UE fis-sistema tal-ECRIS, l-Istati Membri li jkunu qed ifittxu rekords preċedenti kriminali ta’ ċittadini mhux tal-UE ma jkollhomx aktar bżonn jibagħtu rikjesti lill-Istati Membri kollha. Dan inaqqas l-ispejjeż u l-piż amministrattiv għall-awtoritajiet nazzjonali. Se jkun ukoll aktar faċli għal ċittadini mhux tal-UE biex juru li għandhom kondotta kriminali nadifa (pereżempju għal skopijiet ta’ impjieg).
  • Identifikazzjoni aħjar bi skambju ta’ marki tas-swaba’: sabiex tiġi ttrattata d-diffikultà li tista' tinħoloq fl-identifikazzjoni korretta ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u biex jiġi indirizzat l-użu ta' identitajiet foloz, id-dejta tal-marki tas-swaba’ se tkun parti mill-informazzjoni tar-rekords kriminali skambjata.

Sfond

Is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali “ECRIS” ġiet stabbilita fl-2012 abbażi tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI. Din għandha l-għan li tippermetti skambju effiċjenti ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-kundanni penali fl-UE. L-ECRIS hija parti ewlenija mill-prijorità tal-Kummissjoni ta’ żona komuni ta’ ġustizzja u drittijiet fundamentali, kif ukoll tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (IP/15/4869), li titlob b’mod espliċitu għall-inklużjoni ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-ECRIS sabiex titjieb il-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera u t-terroriżmu.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissarju Jourová se tippreżenta l-proposta lill-Kunsill Informali Ġustizzja u Affarijiet Interni fis-26 ta’ Jannar 2016. Il-proposta se tiġi mbagħad diskussa ulterjorment mill-Kunsill tal-Ministri u mill-Parlament Ewropew. Ladarba l-proċess leġiżlattiv ikun komplut, id-Direttiva se tidħol fis-seħħ sena wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali. Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-applikazzjoni tagħha sabiex teżamina l-effikaċja tagħha.

Għal aktar tagħrif

IP/16/87

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar