Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ekonomija Ċirkolari: Regolament ġdid biex jitħeġġeġ l-użu ta' fertilizzanti organiċi u bbażati fl-iskart

Brussell, is-17ta' marzu 2016

Il-Kummissjoni tippreżenta l-ewwel riżultat dwar il-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari b'regoli ġodda dwar fertilizzanti organiċi u bbażati fl-iskart fl-UE

L-użu mill-ġdid ta' materjal dirett li bħalissa qed jintrema bħala skart huwa wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari adottat f'Diċembru 2015. Illum il-Kummissjoni qed tipproponi Regolament li se jiffaċilita konsiderevolment l-aċċess għas-suq uniku tal-UE tal-fertilizzanti organiċi u bbażati fl-iskart, billi jġibhom fl-istess livell ta' kompetizzjoni mal-fertilizzanti mhux organiċi, tradizzjonali. Dan se joħloq opportunitajiet tas-suq ġodda għall-kumpaniji innovattivi filwaqt li fl-istess ħin se jnaqqas l-iskart, il-konsum tal-enerġija u l-ħsara ambjentali.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Jyrki Katainen, responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: "Il-veru ftit mir-riżorsi abbundanti tal-bijoskart jiġu ttrasformati fi prodotti fertilizzanti ta' valur. Il-bdiewa tagħna qed jużaw fertilizzanti manifatturati minn riżorsi importati jew minn proċessi intensivi fl-enerġija minkejja l-fatt li l-industrija tagħna tista' tivvalorizza dan il-bijoskart f'nutrijenti riċiklati. Dan ir-Regolament se jgħina ndawru l-problemi f'opportunitajiet għall-bdiewa u għan-negozji."

Ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni dwar il-konverżjoni tal-bijoskart f'materjal dirett li jista' jintuża għall-manifattura ta' prodotti fertilizzanti. Jiddefinixxi r-rekwiżiti tas-sikurezza, tal-kwalità u tat-tikkettar li l-prodotti fertilizzanti kollha jridu jkunu konformi magħhom biex dawn jiġu kummerċjalizzati liberament fl-UE. Il-produtturi jkunu jridu juru li l-prodotti tagħhom jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti, kif ukoll il-limiti għall-kontaminanti organiċi, il-kontaminanti mikrobjali u l-impuritajiet fiżiċi qabel ma jwaħħlu t-tikketta CE.

Ir-regoli l-ġodda se japplikaw għat-tipi kollha ta' fertilizzanti biex ikun hemm garanzija tal-ogħla livelli ta' protezzjoni tal-ħamrija. Ir-Regolament jintroduċi limiti stretti għall-kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi. Il-limiti se jsiru iktar stretti minn 60 mg/kg għal 40 mg/kg wara tliet snin, u għal 20 mg/kg wara 12-il sena, biex b'hekk jonqsu r-riskji għas-saħħa u l-ambjent.

Il-Kummissjoni qed tipproponi armonizzazzjoni fakultattiva, għaliex xi prodotti fertilizzanti mhumiex prodotti jew kummerċjalizzati fuq livell transfruntier fi kwantitajiet kbar: skont l-istrateġija tal-kummerċ tagħhom u t-tip ta' prodott, il-manifatturi jistgħu jagħżlu li l-prodott tagħhom ikollu t-tikketta CE, u b'hekk jiġi kummerċjalizzat liberament fis-suq uniku skont ir-regoli Ewropej komuni, jew li jiġi kummerċjalizzat skont l-istandards nazzjonali bbażati fuq ir-rikonoxximent reċiproku fis-suq uniku. Dan jiżgura li jitqiesu l-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar u tas-sussidjarjetà.

Sfond

Ir-Regolament dwar il-Fertilizzanti eżistenti tal-2003 jiżgura l-moviment liberu fis-suq uniku primarjament għal fertilizzanti konvenzjonali, mhux organiċi, li huma tipikament estratti mill-minjieri jew prodotti kimikament. Dawn il-proċessi jikkonsmaw ħafna enerġija u huma intensi fis-CO2. Prodotti fertilizzanti innovattivi li huma prodotti minn materjali organiċi ma jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Fertilizzanti preżenti. L-aċċess tagħhom għas-suq uniku għalhekk jiddependi mir-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri, u minħabba regoli nazzjonali diverġenti, huwa spiss diffiċli.

Ir-Regolament dwar il-Fertilizzanti eżistenti jonqos ukoll milli jindirizza t-tħassib ambjentali li jirriżulta mill-kontaminazzjoni mill-fertilizzanti tal-ħamrija, tal-ilmijiet interni, tal-ilmijiet tal-baħar, u fl-aħħar mill-aħħar, tal-ikel.

Ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-investiment bħalissa qed javvanzaw b'mod rapidu, qed jikkontribwixxu għall-ekonomija ċirkolari billi joħolqu impjiegi lokali u billi jiġġeneraw valur minn materjal dirett sekondarju li, li kieku kien jintrema bħala skart.

L-opportunitajiet tas-suq għal kumpaniji li jipproduċu prodotti fertilizzanti organiċi huma sinifikanti. Illum 5% tal-bijoskart huwa riċiklat. Skont l-istimi, jekk jiġi riċiklat iktar bijoskart, dan jista' jissotitwixxi sa 30% tal-fertilizzanti mhux organiċi. Bħalissa, l-UE timporta madwar 6 miljun tunnellata ta' fosfati fis-sena iżda sa 30% ta' dan it-total jista' jiġi sostitwit permezz tal-estrazzjoni mill-ħama tad-dranaġġ, l-iskart bijodegradabbli, id-dqiq mil-laħam u l-għadam mitħun jew id-demel.

Passi li jmiss

L-abbozz tar-Regolament issa se jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-adozzjoni. Ladarba jiġi adottat, se jkun direttament applikabbli, mingħajr il-ħtieġa ta' traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali, wara perjodu ta' tranżizzjoni biex il-kumpaniji u l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jippreparaw għar-regoli l-ġodda.

Aktar informazzjoni

IP/16/827

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar