Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-industrija tal-azzar: Il-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tħares l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa

Brussell, is-16ta' marzu 2016

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi miżuri ta' politika biex tappoġġa lis-settur tal-azzar Ewropew biex jegħleb l-isfidi serji li qed jiffaċċa, l-aktar minħabba l-kapaċità żejda dinjija.

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippreżentat Komunikazzjoni li turi kif is-settur tal-azzar Ewropew jista' jegħleb l-isfidi tiegħu fuq perjodu qasir u fit-tul bl-appoġġ tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-UE.

Huwa meħtieġ sforz konġunt biex ikunu jistgħu jingħelbu dawn l-isfidi serji kkawżati mill-kapaċità żejda dinjija, żieda drammatika fl-esportazzjonijiet u mewġa mingħajr preċedent ta' prattiki kummerċjali inġusti. L-ispejjeż għolja tal-enerġija u t-tibdil fil-kundizzjonijiet tas-suq jirrikjedu li l-industriji intensivi fl-użu tal-enerġija jadattaw u jinnovaw sabiex jiżguraw il-kompetittività u s-sostenibilità fit-tul tagħhom.

Il-Viċi President Jyrki Katainen, responsabbli għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività qal: "Għandna nagħmlu aktar biex ngħinu lis-settur tal-azzar u lil industriji oħra li jużaw ħafna enerġija biex jadattaw, jinnovaw u jikkompetu fuq il-bażi ta' kwalità, teknoloġija avvanzata, produzzjoni effiċjenti u forza tax-xogħol b'livell għoli ta' ħiliet. Issa għandna livell rekord ta' miżuri ta' antidumping fuq prodotti tal-azzar u l-Kummissjoni hija determinata li terġa' tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi dinjija. Se nieħdu passi biex inkomplu nirrazzjonalizzaw il-proċeduri tagħna, iżda l-Istati Membri jridu wkoll jaġixxu flimkien u jadottaw b'urġenza l-proposta leġiżlattiva tagħna sabiex nimmodernizzaw l-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ tal-UE u l-kummerċ aktar ġust nagħmluh realtà."

Il-Kummissjoni diġà qiegħda taġixxi b'determinazzjoni biex tappoġġa lill-industrija tal-azzar sabiex tegħleb l-isfidi fuq terminu qasir tagħha. Bil-Komunikazzjoni "L-Azzar: Inħarsu l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa" l-Kummissjoni tħabbar miżuri ġodda fuq terminu qasir li se jsaħħu d-difiża tal-UE minn prattiki kummerċjali inġusti, kif ukoll azzjoni aktar fit-tul biex ikunu garantiti l-kompetittività u s-sostenibbiltà fit-tul tal-industriji li jużaw ħafna enerġija bħall-azzar:

  • Difiża kontra prattiki kummerċjali inġusti: Il-Kummissjoni diġà qiegħda timponi numru rekord ta' miżuri biex tinnewtralizza l-effett ta' ħsara tad-dumping, b'37 miżura ta' antidumping u ta' kontra s-sussidji fuq prodotti tal-azzar (li 16 minnhom huma fuq importazzjonijiet tal-azzar miċ-Ċina). Il-Kummissjoni se tkompli taċċellera l-adozzjoni ta' miżuri antidumping u tinsab lesta li tagħmel proposti addizzjonali biex tħaffef il-proċedura globali u ttejjeb l-effiċjenza tas-sistema attwali. Wasal iż-żmien li nappoġġaw ir-retorika bl-azzjoni: adozzjoni mingħajr dewmien mill-koleġiżlaturi tal-proposta tal-Kummissjoni mill-2013 sabiex jiġu mmodernizzati l-istrumenti tal-ħarsien tal-kummerċ u tiġi miżjuda l-ħeffa u l-effikaċja tagħhom. B'mod partikolari, it-tneħħija tal-hekk imsejħa "regola tad-dazju inferjuri" f'ċerti ċirkostanzi tkun tippermetti li jiġu imposti dazji antidumping aktar għolja. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll sistema ta' sorveljanza preventiva dwar il-prodotti tal-azzar. Miżuri ta' sorveljanza preventivi huma parti mill-istrument ta' salvagwardja eżistenti tal-UE u jistgħu jiġu introdotti meta x-xejriet tal-importazzjoni jheddu li jikkawżaw dannu lill-produtturi tal-Unjoni.
  • Indirizzar tal-kawżi tal-kapaċità żejda dinjija: Minbarra miżuri mmirati biex jindirizzaw il-kapaċità żejda dinjija, il-Kummissjoni qiegħda tindirizza l-kawżi ta' bażi tal-problema fil-livell bilaterali u multilaterali. Dan qed isir mas-sħab ewlenin tal-UE (iċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja, ir-Russja, it-Turkija u l-Istati Uniti) kif ukoll f'fora internazzjonali rilevanti bħall-OECD u d-WTO. Il-ġimgħa li għaddiet stess, saru laqgħat bilaterali maċ-Ċina u mal-Ġappun. Il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ din il-ħidma internazzjonali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-G20.
  • Investiment f'soluzzjonijiet u teknoloġiji tal-futur għal industrija aktar kompetittiva: Il-kompetittività fit-tul tal-industriji li jużaw ħafna enerġija tiddependi fuq il-kapaċità tagħhom li jiżviluppaw teknoloġiji innovattivi f'oqsma bħalma huma l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jew il-qbid u l-użu tal-karbonju. Dan jeħtieġ aktar investiment privat u pubbliku fl-innovazzjoni, fir-riċerka u f'teknoloġiji ġodda. Fil-livell tal-UE, hemm diversi fondi disponibbli biex jappoġġaw l-industrija tal-azzar fil-perkors tal-immodernizzar tagħha. Dawn il-fondi jinkludu t-EUR 315-il biljun tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (li diġà appoġġa l-immodernizzar ta' fabbrika tal-azzar), il-Fondi Strutturali u tal-Investiment tal-UE u l-programm ta' finanzjament tar-riċerka tal-UE Orizzont 2020. Il-Komunikazzjoni tal-lum telenka l-alternattivi differenti b'mod ċar. L-industrija għandha tagħmel użu sħiħ minn dawn il-possibilitajiet.
  • Immodernizzar tal-industrija tal-azzar permezz ta' investiment fin-nies: Li nżommu industrija tal-azzar moderna u kompetittiva jitlob forza tax-xogħol b'ħiliet u mħarrġa sewwa. Bl-aġenda li ġejja Ħiliet Ġodda, il-Kummissjoni se timmira li tibni impenn komuni biex isir investiment fin-nies u l-ħiliet tagħhom b'koperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u s-sħab soċjali. Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-Fond Soċjali Ewropew huma disponibbli biex jappoġġaw lill-ħaddiema u lill-komunitajiet lokali tagħhom, u jtaffu l-konsegwenzi soċjali ħżiena fil-kuntest tar-rilokazzjoni.
  • Għażliet ta' politika ffukati fl-oqsma bħall-kompetizzjoni, l-enerġija, l-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet u l-ekonomija ċirkolari se jgħinu lill-industrija tal-azzar biex tikseb suċċess: Ir-regoli riveduti tagħna dwar l-għajnuna mill-Istat jipprovdu opportunitajiet wiesgħa għall-Istati Membri biex jappoġġaw it-teknoloġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni transfruntieri u skemi tal-enerġija rinnovabbli transfruntieri. Ir-rieżami propost tas-sistema tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, li bħalissa qed jiġi diskuss mill-koleġiżlaturi, għandu jkun ta' għajnuna għas-settur tal-azzar u jiżgura li dan ikollu livell xieraq ta' appoġġ fil-kuntest tat-tqassim tal-kwoti ta' emissjonijiet. Il-politika tal-Kummissjoni fl-oqsma tat-tibdil fil-klima u l-ekonomija ċirkolari hija wkoll rilevanti f'dan il-kuntest.

Sfond

L-industrija tal-azzar fl-Ewropa hija minn ta' quddiem fid-dinja f'ċerti segmenti tal-prodotti tal-azzar, tirrappreżenta 1.3% tal-PDG tal-UE u kienet tipprovdi madwar 328,000 impjieg fl-2015. L-industrija tal-azzar hija wkoll sors importanti ta' impjiegi indiretti, peress li għandha rwol sinifikanti għal ħafna setturi industrijali oħra bħalma hi l-industrija awtomobilistika. Minkejja l-potenzjal tas-settur tal-azzar Ewropew u l-isforzi sinifikanti li saru biex dan jiġi innovat u mmodernizzat, il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fis-suq globali tal-azzar iddeterjorat f'dawn l-aħħar snin. Eċċess ta' produzzjoni tal-azzar f'pajjiżi terzi bħaċ-Ċina żied l-esportazzjonijiet, baxxa l-prezzijiet, u wassal għal mewġiet mingħajr preċedent ta' prattiki kummerċjali inġusti, li ħolqu kundizzjonijiet mhux ekwi fuq livell globali.

L-isfidi attwali għall-industrija tal-azzar huma serji, iżda jistgħu jingħelbu jekk il-partijiet kollha jaħdmu flimkien fi spirtu ta' koperazzjoni leali. Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi s-sitwazzjoni mill-qrib u hija lesta li tippreżenta miżuri addizzjonali, kif meħtieġ. M'għandniex żmien x'nitilfu biex inħarsu l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa.

Il-Komunikazzjoni "L-Azzar: Inħarsu l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa"

MEMO – Mistoqsijiet Frekwenti

Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa / Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi

Il-Fondi Strutturali u tal-Investiment tal-UE

Orizzont 2020

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

L-Unjoni tal-Enerġija

Il-Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari

IP/16/804

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar