Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Lura lejn Schengen: Il-Kummissjoni tipproponi Pjan ta’ direzzjoni biex titreġġa’ lura s-sistema Schengen li taħdem għal kollox

Brussell, I-4ta' marzu 2016

Lura lejn Schengen: Il-Kummissjoni tipproponi Pjan ta’ direzzjoni biex titreġġa’ lura s-sistema Schengen li taħdem għal kollox

Illum, il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta’ direzzjoni mirqum tal-passi konkreti li hemm bżonn jittieħdu sabiex il-ġestjoni tal-fruntieri esterni u interni tal-UE terġa’ tiġi f’postha. Il-ħolqien taż-żona Schengen mingħajr fruntieri interni wassal għal benefiċċji kbar għaċ-ċittadini Ewropej kif ukoll għan-negozji, madankollu f’dawn l-aħħar xhur is-sistema ġiet ittestjata bl-aħrax minħabba l-kriżi tar-refuġjati. Il-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta’ Frar stabbilixxa l-mandat ċar biex jitreġġa’ lura t-tħaddim normali taż-żona Schengen, u biex dan isir flimkien bi ftehim, filwaqt li jingħata appoġġ sħiħ lill-Istati Membri li qegħdin jaffrontaw ċirkostanzi mhux faċli.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: “Iż-żona Schengen hija fost l-aktar kisbiet għeżież għall-integrazzjoni Ewropea, u l-prezz li jkollu jitħallas jekk nitilfuha jkun tassew qares. L-għan tagħna huwa li nneħħu l-kontrolli kollha fil-fruntieri interni mill-aktar fis possibbli, u sa mhux aktar tard minn Diċembru 2016. Għal dan l-għan, neħtieġu approċċ Ewropew ikkoordinat għall-kontrolli temporanji fil-fruntieri fil-qafas tar-regoli ta’ Schengen minflok it-taħlita ta’ deċiżjonijiet unilaterali li teżisti bħalissa. Sadanittant irridu nimplimentaw kompletament il-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ direzzjoni tagħna sabiex insaħħu l-kontroll tal-fruntiera esterna tagħna u ntejbu t-tħaddim tas-sistema tal-ażil tagħna. Irridu wkoll nissoktaw bil-ħidma tagħna mat-Turkija biex il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunta jkun implimentat kompletament u l-fluss tal-wasliet jitnaqqas b’mod sostanzjali.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos, żied jgħid: Permezz ta’ dan il-pjan ta’ direzzjoni, qegħdin nippreżentaw il-passi li jmiss li rridu nieħdu flimkien biex inreġġgħu lura t-tħaddim normali taż-żona Schengen mill-aktar fis possibbli, u dan jitlob li nieħdu għadd ta’ azzjonijiet importanti. L-ewwel nett, l-Istati Membri kollha jridu japplikaw ir-regoli – l-approċċ "permissiv" irid jintemm u l-Istati Membri jridu jagħtu aċċess lill-applikanti għall-ażil, iżda jiċħdu d-dħul lil dawk li jixtiequ biss jgħaddu mit-territorju tagħhom. It-tieni nett, irridu nirranġaw in-nuqqasijiet serji fil-fruntieri esterni tagħna – billi tabilħaqq żona interna mingħajr kontrolli fil-fruntieri tista’ biss tkun possibbli jekk ikollna protezzjoni qawwija tal-fruntieri esterni tagħna. Għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni għal Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta – ippreżentata f’Diċembru – jeħtieġ li tiġi adottata mill-Istati Membri mingħajr dewmien sabiex tkun tista’ diġà tibda titħaddem matul is-sajf. Issa wasal iż-żmien li l-Istati Membri jiġbdu l-istess ħabel fl-interess komuni li jissalvagwardjaw waħda mill-iprem kisbiet tal-Unjoni.”

Il-prezz tan-nuqqas ta’ Schengen

Il-kontrolli temporanji fil-fruntieri mhux biss huma ta’ intopp għall-moviment liberu tal-persuni, iżda wkoll iġorru magħhom spejjeż ekonomiċi sinifikanti. Il-Kummissjoni stmat li jekk il-fruntieri interni jerġgħu jiġu stabbiliti kompletament fiż-żona Schengen jiġu ġġenerati spejjeż diretti immedjati ta’ bejn EUR 5 biljun u EUR 18-il biljun fis-sena (jew bejn 0,05 % u 0,13 % tal-PDG). Dawn l-ispejjeż ikunu kkonċentrati fuq ċerti atturi u reġjuni iżda inevitabbilment jolqtu lill-ekonomija tal-UE kollha kemm hija. Pereżempju:

  • Stati Membri bħall-Polonja, in-Netherlands jew il-Ġermanja jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ aktar minn EUR 500 miljun fi spejjeż addizzjonali għat-trasport bit-triq tal-oġġetti ta’ merkanzija;

  • in-negozji ta’ Spanja jew tar-Repubblika Ċeka jkollhom iħallsu aktar minn EUR 200 miljun fi spejjeż addizzjonali;

  • Il-kontrolli fil-fruntieri jiġu jiswew lill-1,7 miljun ħaddiem transfruntier bejn EUR 1,3 biljun u EUR 5,2 biljun f’termini ta’ ħin mitluf;

  • Minn tal-anqas 13-il miljun lejl f’termini ta’ turiżmu jistgħu jintilfu, bi spiża totali ta’ EUR 1,2 biljun;

  • Bejn EUR 0,6 biljun u EUR 5,8 biljun fi spejjeż amministrattivi jkollhom jitħallsu mill-gvernijiet minħabba l-bżonn ta’ aktar persunal għall-kontrolli fil-fruntieri.

L-iżgurar tal-protezzjoni tal-fruntieri esterni

Is-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE u l-iżgurar tal-kontrolli effiċjenti fil-fruntieri huma prerekwiżit f’żona ta’ moviment liberu. Din għandha tkun responsabbiltà konġunta. F’Diċembru, il-Kummissjoni ppreżentat proposta ambizzjuża għal Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta . Huwa fundamentali li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw din il-proposta sa mhux aktar tard minn Ġunju, sabiex tkun tista’ tibda topera matul is-sajf. Illum, il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri u lill-Frontex biex jibdew diġà t-tħejjijiet neċessarji għat-tnedija tas-sistema l-ġdida, b’mod partikolari billi jidentifikaw ir-riżorsi umani u tekniċi neċessarji. Il-Kummissjoni tappella wkoll biex sadanittant jingħata appoġġ akbar mill-Istati Membri għall-operazzjonijiet eżistenti tal-Frontex.

Sostenn immedjat għall-Greċja

L-influss massiv ta’ migranti jpoġġi l-kontroll fil-fruntiera esterna ta’ kwalunkwe Stat Membru taħt pressjoni liema bħalha. Il-fruntiera esterna fil-Greċja tinsab taħt pressjoni enormi u hemm bżonn immedjat biex in-nuqqasijiet attwali fil-ġestjoni tal-fruntieri jiġu indirizzati. Hemm għadd ta’ passi b’definizzjoni ċara li jridu jittieħdu fix-xhur li ġejjin:

  • L-esperti tal-Kummissjoni fil-Greċja għandhom ikomplu jikkooperaw mal-awtoritajiet Griegi u jikkoordinaw mal-atturi l-oħra involuti;

  • Għandu jkun hemm identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ 100 % ta’ kull dħul, inklużi verifiki sistematiċi tas-sigurtà mal-bażijiet tad-dejta;

  • Il-Greċja għandha tippreżenta pjan ta’ azzjoni biex tindirizza r-Rakkomandazzjonijiet tal-Evalwazzjoni ta’ Schengen u valutazzjoni tal-ħtiġijiet sabiex l-Istati Membri l-oħra, l-Aġenziji tal-UE u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jipprovdu appoġġ f’waqtu;

  • Jekk ikun hemm bżonn, il-Frontex għandha tħejji minnufih biex jintbagħtu aktar timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntieri u tniedi appelli addizzjonali għal kontribuzzjonijiet, sat-22 ta’ Marzu;

  • L-Istati Membri l-oħra għandhom jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom u jirrispondu għal dawn l-appelli fi żmien 10 ijiem billi jipprovdu riżorsi umani u tagħmir tekniku.

Se tiġi segwita wkoll it-triq tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunta bejn l-UE u t-Turkija u tal-iskema volontarja ta’ ammissjoni umanitarja mat-Turkija sabiex twassal għal tnaqqis f’qasir żmien fl-għadd ta’ wasliet fil-Greċja. Implimentazzjoni aktar effettiva tal-iskemi ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza u aktar ritorni lejn it-Turkija lejn il-pajjiżi ta’ oriġini għandhom ukoll itaffu l-pressjoni fuq il-Greċja.

Sadanittant, filwaqt li ħraxu l-kontrolli fil-fruntieri tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent u filwaqt li l-fluss tal-migranti fil-Greċja għadu għaddej, in-numru ta’ migranti qiegħed jakkumula fil-Greċja. Minħabba f’hekk, huwa aktar u aktar urġenti u neċessarju li l-Istati Membri jxammru l-kmiem fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar ir-Rilokazzjoni. Il-Kummissjoni se tassisti fl-isforzi biex jitħaffu kemm ir-rilokazzjoni kif ukoll se tirrapporta kull xahar dwar il-progress li jkun sar. Aktar kmieni din il-Ġimgħa, il-Kummissjoni ppreżentat proposti għal Strument ta’ Assistenza ta’ Emerġenza ġdid għal rispons aktar mgħaġġel għall-kriżijiet fl-UE.

L-applikazzjoni tar-regoli u t-tmiem tal-approċċ permissiv

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta’ Frar urew biċ-ċar li l-approċċ permissiv attwali la huwa aċċettabbli legalment u lanqas politikament. L-Istati Membri jridu jagħti aċċess għall-proċeduri ta’ ażil lill-applikazzjonijiet kollha li jsiru fil-fruntieri tagħhom. Id-deċiżjoni dwar liema Stat Membru huwa responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni għandha mbagħad tittieħed f’konformità mal-liġi tal-UE, b’mod partikolari mas-sistema eżistenti ta’ Dublin. Dan ifisser li jrid ikun hemm opportunità reali biex min qiegħed ifittex ażil jiġi rritornat lejn l-ewwel pajjiż ta’ dħul. Għaldaqstant il-Kummissjoni tipprevedi li l-preżentazzjoni rigward l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li jissoktaw it-trasferimenti lejn il-Greċja skont Dublin issir qabel il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju.

Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom jiċħdu d-dħul fil-fruntiera lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għad-dħul tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u li ma ppreżentawx applikazzjoni għall-ażil minkejja li kellhom l-opportunità li jagħmlu dan. Ma għandux jintesa li skont il-liġi tal-UE, min qiegħed ifittex ażil ma għandu l-ebda dritt li jagħżel l-Istat Membru li jagħtih il-protezzjoni. Dawn iċ-ċaħdiet għandhom jiġu applikati fil-fruntiera esterna ta’ Schengen u fil-fruntieri tal-Istati Membri li għandhom kontrolli temporanji fil-fruntieri interni. Applikazzjoni effettiva ta’ dawn il-linji ta’ politika se tikkontribwixxi għal tisħiħ tas-sistemi ta’ Schengen u ta’ Dublin u tal-iskema ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza.

Kontrolli fil-fruntieri interni: minn taħlita għal approċċ koerenti

Il-kontrolli temporanji fil-fruntieri fi fruntieri interni għandhom jibqgħu ta’ eċċezzjoni u proporzjonali mal-objettiv li kollox jerġa’ lura għan-normal mill-aktar fis possibbli. Minn Settembru 2015, tmien pajjiżi reġgħu introduċew il-kontrolli fil-fruntieri fil-fruntieri interni tagħhom għal raġunijiet marbuta mal-kriżi tar-refuġjati. Sa issa, dan twettaq abbażi ta’ azzjonijiet unilaterali, fil-qafas tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (l-Artikoli 23-25).

Jekk il-pressjonijiet migratorji attwali u n-nuqqasijiet serji fil-kontroll fil-fruntieri esterni jissoktaw wara t-12 ta’ Mejju, il-Kummissjoni jkollha tippreżenta proposta skont l-Artikolu 26(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li tirrakkomanda lill-Kunsill approċċ tal-UE koerenti għall-kontrolli fil-fruntieri interni sa ma n-nuqqasijiet strutturali jiġu rranġati. Il-Kummissjoni se tkun lesta għal tali eventwalità u f’dak il-każ taġixxi bla dewmien, filwaqt li tipproponi kontrolli fil-fruntieri fil-partijiet tal-fruntiera fejn ikunu neċessarji u proporzjonati.

L-objettiv ikun li l-kontrolli kollha fil-fruntieri interni jitneħħew sa Diċembru biex b’hekk iż-żona Schengen tkun tista’ tirritorna għat-tħaddim normali tagħha sat-tmiem l-2016.

Għal aktar informazzjoni:

Komunikazzjoni: Back to Schengen - A Roadmap

Annessi: Back to Schengen – A Roadmap

Progress Report on the implementation of the hotspot approach in Greece

EU-Turkey Joint Action Plan – Third implementation report

Stqarrija għall-istampa: Commission Visa Progress Report: Turkey makes progress towards visa liberalisation

SKEDA INFORMATTIVA: The Schengen Rules Explained (Ir-regoli ta’ Schengen spjegati)

SKEDA INFORMATTIVA: EU-Turkey Joint Action Plan - Implementation report

SKEDA INFORMATTIVA: Il-Greċja: Progress Report

ANNESS: PJAN TA’ DIREZZJONI

Il-pjan ta’ direzzjoni lura lejn żona Schengen li taħdem għal kollox, jinvolvi l-passi li ġejjin:

  • Fl-4 ta’ Marzu (u kull xahar wara dan): il-Greċja tirrapporta dwar il-progress tagħha rigward l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet identifikati fir-Rakkomandazzjoni dwar it-tkomplija tat-trasferimenti skont Dublin.

  • Mhux aktar tard mit-12 ta’ Marzu 2016: il-Greċja tippreżenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kunsill, flimkien ma’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet.

  • Fis-16 ta' Marzu 2016: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-riforma tar-Regolament ta’ Dublin imsejsa fuq l-objettiv tas-solidarjetà u tal-qsim ġust tal-piżijiet bejn l-Istati Membri.

  • Fis-16 ta' Marzu 2016: il-Kummissjoni tippreżenta l-ewwel Rapport tagħha dwar ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni.

  • Mhux aktar tard mit-22 ta’ Marzu 2016: il-Frontex tniedi appelli addizzjonali għall-kontribuzzjonijiet biex jintbagħtu aktar timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntieri f’appoġġ għall-Greċja.

  • Mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2016: l-Istati Membri jwieġbu għall-appell tal-Frontex billi jipprovdu riżorsi umani u tagħmir tekniku.

  • Mhux aktar tard mit-12 ta’ April 2016: il-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-adegwatezza tal-pjan ta’ azzjoni mħejji mill-Greċja.

  • Fis-16 ta' April 2016: il-Kummissjoni tippreżenta l-Ewwel Rapport tagħha dwar ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni

  • Mill-11 sas-17 ta’ April 2016: se ssir evalwazzjoni ta’ Schengen tal-fruntieri tal-ajru, tal-art u tal-baħar tal-Greċja mill-esperti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni.

  • Mhux aktar tard mit-12 ta’ Mejju 2016: il-Greċja tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

  • Fit-12 ta’ Mejju 2016: jekk in-nuqqasijiet serji fil-kontroll fil-fruntieri esterni jissoktaw, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta skont l-Artikolu 26(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

  • Fit-13 ta’ Mejju 2016: jekk in-nuqqasijiet serji fil-kontroll fil-fruntieri esterni jissoktaw, il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 26(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għal approċċ koerenti tal-Unjoni fil-konfront tal-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni.

  • Fis-16 ta’ Mejju 2016: il-Kummissjoni tippreżenta t-Tielet Rapport tagħha dwar ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni.

  • Mhux aktar tard minn Ġunju 2016: il-koleġiżlaturi jilħqu qbil politiku dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u jadottaw l-att legali.

  • F’Ġunju 2016: il-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjoni tagħha dwar il-possibbiltà li jerġgħu jinbdew it-trasferimenti skont Dublin lejn il-Greċja.

  • Mhux aktar tard minn Awwissu 2016: il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tibda topera.

  • Mhux aktar tard minn Settembru 2016: il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tkun qiegħda taħdem għal kollox u tkun wettqet l-ewwel testijiet tal-vulnerabilità sabiex tkun tista’ tittieħed kwalunkwe miżura preventiva neċessarja.

  • F’Diċembru 2016: jekk is-sitwazzjoni ġenerali tippermetti, id-data fil-mira sabiex jintemmu l-miżuri ta’ salvagwardja ta’ eċċezzjoni li jkunu ttieħdu.

IP/16/585

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar