Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tilqa' l-ftehim politiku sabiex tagħti spinta għas-servizzi tal-internet mobbli permezz ta' frekwenzi tar-radju ta' kwalità għolja

Brussell, I-14ta' dicembru 2016

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu dwar kif jikkordinaw l-użu tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz sabiex l-Ewropej kollha jkollhom servizzi tal-internet mobbli u jkun hemm applikazzjonijiet ġodda transkonfinali, u b'hekk tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tal-5G sal-2020.

Id-domanda għall-konnettività bla wajers bl-użu ta' smart phones u apparati futuri li jaħdmu bil-5G qiegħda dejjem tikber. Se jkun hemm kważi tmien darbiet aktar traffiku tal-internet mobbli fl-2020 milli llum. Din il-konnettività tiddependi fuq l-ispettru tar-radju – ir-riżors ewlieni u limitat għall-komunikazzjonijiet bla wajers. Minħabba li l-frekwenzi tar-radju m'għandhomx fruntieri, iż-żmien tar-rilaxx tal-ispettru jeħtieġ ikun koordinat aħjar fil-livell tal-UE sabiex tiġi evitata l-interferenza. Dan se jgħin ukoll is-servizzi innovattivi, bħall-karozzi konnessi, il-kura tas-saħħa mill-bogħod jew l-istrimjar tal-vidjows waqt l-ivvjaġġar sabiex jiffunzjonaw mal-kontinent kollu.

Illejla, negozjaturi mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni laħqu ftehim politiku fuq approċċ fl-UE għall-użu tal-banda ta' frekwenzi ultra-għolja (UHF) (470-790 MHz) inkluż il-banda ta' frekwenzi 700 MHz (694-790 MHz). Dan il-ftehim jibni fuq il-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni fi Frar 2016. Il-Kunsill wasal għall-pożizzjoni komuni tiegħu fis-26 ta' Mejju u l-Parlament (Kumitat ITRE) – fl-10 ta' Novembru. Iż-żewġ istituzzjonijiet huma mistennija japprovaw il-ftehim b'mod formali fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-ftehim tal-lejla huwa wkoll l-ewwel ftehim li sar taħt l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali ppreżentata mill-Kummissjoni f'Mejju tal-2015.

Andrus Ansip, il-Viċi-President tas-Suq Uniku Diġitali laqa' tajjeb il-ftehim tal-lum. "Il-koordinazzjoni aħjar tal-ispettru hija essenzjali sabiex tipprovdi internet ta' kwalità għolja lill-Ewropej kollha. Din twitti t-triq għall-5G, il-ġenerazzjoni li jmiss ta' netwerks ta' komunikazzjoni, u l-internet tal-oġġetti. Għamilna l-ewwel pass illum b'approċċ konġunt sabiex tintuża l-banda ta' frekwenzi 700 MHz fl-UE. Għandna nagħmlu aktar minn hekk u dan hu wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Kodiċi ġdid tal-Komunikazzjoni Elettronika u l-pjan ta' azzjoni 5G ippreżentat aktar kmieni din is-sena. Għandna nimxu 'l quddiem kemm jista' jkun malajr fb'dawn l-inizjattivi li huma essenzjali sabiex ikun hemm konnettività tal-ewwel klassi fis-Suq Uniku Diġitali. Ilħaqna l-ewwel ftehim illum, għandna nilħqu ħafna oħrajn kemm jista' jkun malajr". (bloggata riċenti dwar Il-konnettività, l-ispettru tar-radju u s-Suq Uniku Diġitali: it-tħejjija għall-futur).

Günther H. Oettinger, Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, qal: "Strateġija koordinata għall-banda ta' frekwenzi UHF kollha tistabbilixxi l-viżjoni Ewropea tagħna. Din se tiżgura li l-Ewropej jistgħu jagħmlu użu minn servizzi innovattivi u kontenut kreattiv waqt li jivjaġġjaw mit-tablets u l-ismartphones tagħhom, kif ukoll fuq is-settijiet ta' TV smart fid-dar. Ir-rilaxx koordinat tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz huwa pass kbir'l quddiem fit-triq tal-Unjoni lejn il-5G".

Il-banda ta' frekwenzi ultra-għolja (UHF) tkopri l-firxa 470-790 MHz u bħalissa tintuża għat-televiżjoni diġitali terrestri u għal mikrofoni bla wajers fil-ħolqien ta' programmi u ta' avvenimenti speċjali. Bħala riżultat tal-ftehim tal-lum:

  • Il-banda ta' frekwenzi 700 MHz għandha tkun assenjata lill-operaturi tal-mowbajl u ssir disponibbli għall-użu ta' broadband bla wajers mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2020 fl-Istati Membri tal-UE kollha. Eċċezzjonijiet iġġustifikati kif jixraq – abbażi ta' raġunijiet iddefiniti fid-Deċiżjoni – huma possibbli sat-30 ta' Ġunju 2022.

    L-Istati Membri se jadottaw il-pjanijiet nazzjonali għar-rilaxx ta' din il-banda ta' frekwenzi u jagħmluhom pubbliċi sat-30 ta' Ġunju 2018. Barra minn hekk se jkollhom bżonn jikkonkludu l-ftehim ta' koordinazzjoni transfruntiera sat-tmiem tal-2017.
  • Fil-banda ta' frekwenzi ta' taħt is-700 MHz (470-694 MHz), qed tingħata prijorità fit-tul għall-użu tax-xandir sal-2030. Tali prijorità hija bbilanċjata bl-opportunità għal kull Stat Membru sabiex ikollu approċċ aktar flessibbli għall-użu alternattiv tal-ispettru – bħal servizzi multimedjali avvanzati mobbli – skont il-livelli differenti ta' użu ta' televiżjoni diġitali terrestri (DTT). Il-Kummissjoni se tirrieżamina wkoll l-użu ta' din il-banda ta' frekwenzi biex tkun tista' tiżgura l-użu effiċjenti tal-ispettru.

L-approċċ koordinat stabbilit permezz ta' din id-Deċiżjoni jorbot mal-proposti usa' tal-Kummissjoni sabiex jitnaqqsu d-differenzi bejn il-prattiki regolatorji u għal koordinazzjoni aħjar tal-assenjament tal-ispettru tar-radju deskritti fl-abbozz tal-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjoni Elettronika f'Settembru 2016. (Stqarrija għall-istampa, MEMO) Il-Kodiċi jipproponi li l-liċenzji jkunu għal perjodu taż-żmien twil, iżda jkollhom rekwiżiti aktar stretti biex l-ispettru jintuża b'mod effettiv u effiċjenti. Dan jipproponi wkoll koordinazzjoni tal-parametri bażiċi, inkluż il-waqt opportun tal-assenjamenti biex ikun żgurat li l-ispettru jinfetaħ għas-suq tal-UE fil-ħin, kif ukoll politiki tal-ispettru aktar konverġenti mal-UE kollha bil-għan li jipprovdu kopertura bla wajers sħiħa għall-UE kollha.

Sfond

Il-banda ta' frekwenzi ultra-għolja (UHF) tkopri l-medda ta' frekwenzi 470-790 MHz u bħalissa tintuża għat-televiżjoni diġitali terrestri u għal mikrofoni bla wajers għall-ħolqien ta' programmi u għall-avvenimenti speċjali.

Il-ftehim tal-lum se jipprovdi spettru b'valur akbar għall-broadband bla wajers fil-banda ta' frekwenzi 700 MHz sat-30 ta' Ġunju 2020. Din il-banda ta' frekwenzi hija ideali biex tipprovdi lill-utenti b'internet ta' kwalità għolja, ikunu fejn ikunu, kemm jekk f'belt kbira kif ukoll jekk f'raħal żgħir imbiegħed jew fuq awtostrada. Bħala prijorità għax-xandir, il-frekwenzi fil-banda ta' frekwenzi ta' taħt is-700 MHz se jibqgħu disponibbli u b'hekk jiġi ppreservat il-mudell awdjoviżiv Ewropew li joffri xandir pubbliku mingħajr ħlas . Madankollu, il-banda ta' frekwenzi tal-aħħar tista' tintuża b'mod flessibbli għal teknoloġiji jew servizzi oħrajn f'appoġġ tal-innovazzjoni 5G u skont il-ħtiġijiet nazzjonali tax-xandir.

Għal aktar tagħrif

L-Ispettru fl-UE

Suq Uniku Diġitali (#DigitalSingleMarket)

 

IP/16/4405

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar