Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Unjoni tas-Sigurtà: Il-Kummissjoni tadotta regoli aktar b'saħħithom biex tiġġieled l-iffinanzjar lit-terroriżmu

Brussell, il-21ta' dicembru 2016

.

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat pakkett ta' miżuri biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE biex tiġġieled l-iffinanzjar lit-terroristi u lill-kriminalità organizzata, b'hekk tissodisfa l-impenji li saru fil-Pjan ta' Azzjoni għal kontra l-iffinanzjar lit-terroristi minn Frar 2016. Il-proposti li qed jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni se jlestu u se jsaħħu l-qafas legali tal-UE fl-oqsma tal-ħasil tal-flus, flussi illegali tal-flus kontanti u l-iffriżar u l-konfiska tal-assi. Ippreżentanti flimkien mat-tielet Rapport ta' Progress dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, il-proposti tal-lum se jiżguraw reazzjoni Ewropea b'saħħitha u kkoordinata fil-ġlieda għal kontra l-iffinanzjar lit-terroristi, b'hekk iġibu lill-UE pass eqreb lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina.

Il-proposti tħejjew minn tim li kien qed jieħu ħsieb il-proġett immexxi mill-Ewwel Viċi-President, Frans Timmermans u l-Viċi-President, Valdis Dombrovskis, b'ħidma mal-Kummissarji Dimitris Avramopoulos, Pierre Moscovici, Věra Jourová u Julian King.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: "Bil-proposti tal-lum, qed insaħħu l-mezzi legali tagħna biex infixklu u nwaqqfu is-sorsi finanzjarji tal-kriminali u tat-terroristi. Irridu niżguraw li jkollna f'posthom l-istrumenti t-tajba biex jinkixfu u jitwaqqfu l-flussi finanzjarji u biex jingħata appoġġ aħjar ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi biex inkunu nistgħu nħarsu aħjar s-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej."

Il-Viċi President Valdis Dombrovskis qal: "It-terroriżimu jibqa' theddida kbira għas-sikurezza tagħna. Irridu nibqgħu pass 'il quddiem biex inwaqqfu lit-terroristi minn qabel u l-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu hija parti minnha. Din hija r-raġuni għaliex illum qed nipproponu li l-ħasil tal-flus ikun soġġett għal sanzjonijiet kriminali effettivi fl-UE kollha. Qed nipproponu l-iffriżar u l-konfiska transfruntieri tal-assi kriminali fl-UE, u biex inwaqqfu lill-kriminali milli jużaw il-lakuni fil-kontrolli tal-flus kontanti fil-fruntieri esterni tal-UE.

Bil-proposti tal-lum, kif enfasizzat fit-tielet Rapport ta' Progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina, il-Kummissjoni Ewropea qed issaħħaħ il-kapaċità tal-UE biex tiġġieled kontra t-terroriżmu u l-krimintalità organizzata, b'hekk ikun aktar diffiċli għat-terroristi u għall-kriminali biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom filwaqt li jsir eħfef għall-awtoritajiet biex isibu u jwaqqfu l-movimenti finanzjarji tagħhom. Li ssib flussi finanzjarji suspettużi u li twaqqaf l-oriġini tal-iffinanzjar huwa wieħed mill-aktar mezzi effettivi biex twaqqaf attakki terroristiċi potenzjali u attivitajiet kriminali. L-intraċċar tal-flussi finanzjarji jista' jipprovdi wkoll lill-pulizija u lill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi b'tagħrif kruċjali u bi strumenti effettivi għall-investigazzjonijiet tagħhom.

L-iżgurar tal-kriminalizzazzjoni tal-ħasil tal-flus

Il-Kummissjoni llum qed tipproponi Direttiva ġdida għall-kriminalizzazzjoni tal-ħasil tal-flus u biex tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b'dispożizzjonijiet xierqa tal-liġi kriminali għall-prosekuzzjoni tal-kriminali u tat-terrorists u jitfgħuhom il-ħabs. Il-miżuri proposti se:

  • Jistabbilixxu regoli minimi b'rabta mad-definizzjoni tar-reati kriminali u tas-sanzjonijiet marbuta mal-ħasil tal-flus, b'hekk jitnaqqsu d-diskrepanzi biex jipprevjenu lill-kriminali milli jisfruttaw id-differenzi bejn ir-regoli nazzjonali differenti.
  • It-tneħħija tal-ostakli b'rabta mal-kooperazzjoni tranfruntiera ġudizzjarja u tal-pulizija billi jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet komuni għat-titjib tal-investigazzjoni tar-reati marbuta mal-ħasil tal-flus;
  • iġibu r-regoli tal-UE fuq l-istess livell tal-obbligi internazzjonali tagħha f'dan il-qasam, kif stabbiliti fil-Konvenzjoni ta' Varsavja tal-Kunsill tal-Ewropa u fir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force tal-Azzjoni Finanzjarja.

Ikun hemm kontrolli aktar iebsin fuq flussi kbar ta' flus kontanti

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jingħataw strumenti xierqa biex isibu t-terroristi u lil dawk li jappoġġawhom finanzjarjament, ir-Regolament il-ġdid dwar il-kontrolli tal-flus kontanti ppreżentat illum se:

  • Jagħmel kontrolli aktar iebsin fuq il-flus kontanti għan-nies li jidħlu fl-UE u li joħorġu mill-UE b'€10,000 jew aktar fi flus kontanti;
  • Jippermetti lill-awtoritajiet biex jaġixxu fuq ammonti li jkunu iżgħar mil-limitu ta' dikjarazzjoni tad-dwana ta' €10,000 fejn ikun hemm suspetti ta' attività kriminali, u
  • Itejjeb l-iskambju ta' tagħrif bejn l-awtoritajiet u l-Istati Membri;
  • Jestendi l-kontrolli tad-dwana għall-flus kontanti li jkunu ntbagħtu b'pakketi postali jew merkanzija ttrasportata bil-baħar u għal komoditajiet prezzjużi bħal deheb u għal karti tal-ħlas pre-paid, li bħalissa mhumiex koperti mid-dikjarazzjoni standard tad-dwana.

L-iffriżar tar-riżorsi finanzjarji tat-terroristi u l-konfiska tal-assi tagħhom

L-iffriżar jew l-konfiska tal-assi finanzjarji b'ħeffa bejn il-fruntieri se jwaqqfu lit-terroristi milli jużaw il-fondi tagħhom biex iwettqu aktar attakki. Ir-Regolament propost dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska tal-assi kriminali se:

  • joffri strument legali wieħed għar-rikonoxximent tal-ordnijiet kemm ta' ffriżar u ta' konfiska f'pajjiżi oħrajn tal-UE, b'hekk jissimplifika l-qafas legai ta' bħalissa. Ir-Regolament japplika mill-ewwel fl-Istati Membri kollha;
  • ikabbar il-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli ta' bħalissa dwar ir-rikonoxximent transfruntier, biex jinkludi l-konfiska minn persuni oħra marbuta mal-kriminal, u se jkopri l-konfiska fil-każ li l-kriminal mhux qed jingħata sentenza, pereżempju minħabba biex jaħrab jew mewt;
  • itejjeb il-ħeffa u l-effiċjenza tal-ordnijiet ta' ffriżar jew ta' konfiska bis-saħħa ta' dokument standard u obbligu min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti biex jikkomunikaw ma' xulxin. Ir-regoli jistabbilixxu dati ta' skadenza ċari, inklużi dati ta' skadenza iqsar għall-ordnijiet ta' ffriżar;
  • jiżgura li d-drittijiet tal-vittmi għal kumpens u restituzzjoni jiġu rispettati. F'każijiet fejn l-eżekuzzjoni transfruntiera tal-ordnijiet ta' konfiska, id-dritt tal-vittma għandu prijorità fuq l-eżekuzzjoni u l-għoti tal-interess tal-Istati.

Kuntest

Is-sigurtà kienet tema kostanti sa mill-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni Juncker – mil-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker ta' Lulju 2014, sal-aħħar diskors dwar l-Istat tal-Unjoni f'Settembru 2016.

It-tkomplija ta' ħidma fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà adottata f'April 2015, li tenfasizza l-ħtieġa għal miżuri biex jiġi indirizzat l-iffinanzjar lit-terroristi b'mod aktar effettiv u komprensiv, fi Frar 2016 il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet Pjan ta' Azzjoni għal kontra l-iffinanzjar lit-terroristi biex tiżgura li l-Istati Membri jkollhom l-istrumenti meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħhom biex jindirizzaw theddid ġdid.

F'April 2016, il-Kummissjoni identifikat it-twaqqif tal-aċċess tat-terroristi għall-fondi bħala waħda mill-azzjonijiet ta' prijorità li għandha tittieħed biex titlesta Unjoni tas-Sigurtà tal-UE effiċjenti u sostenibbli. Il-ħolqien mill-President Juncker ta' portafoll ta' Kummissarju speċifiku għall-Unjoni tas-Sigurtà f'Awwissu 2016 juri l-importanza li l-Kummissjoni qed tagħti lit-tisħiħ tar-reazzjoni tagħha kontra t-theddida tat-terroristi.

Kif stabbilit fil-Pjan ta' Azzjoni għal kontra l-iffinanzjar lit-terroristi, u kif irrapportat fit-tielet Rapport ta' Progress tal-lum dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, il-Kummissjoni se tintroduċi proposta għat-tisħiħ tas-setgħat tal-awtoritajiet tad-dwana biex jindirizzaw l-iffinanzjar lit-terroristi permezz tal-kummerċ ta' prodotti fl-2017. Il-Kummissjoni se testendi wkoll l-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' bħalissa li tindirizza l-kummerċ illegali ta' prodotti kulturali għal għadd usa' ta' pajjiżi. Fir-rapport ta' Progress, il-Kummissjoni se tinkoraġixxi wkoll lill-koleġiżlaturi biex isibu ftehim dwar ir-raba' Direttiva riveduta għal Kontra l-Ħasil tal-Flus fil-ġimgħat li ġejjin.

Għal iżjed tagħrif

Skeda Informattiva dwar is-sitwazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għal kontra l-iffinanzjar lit-terroristi

Skeda Informattiva dwar is-sitwazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà

MEMO - Proposta għal Direttiva biex tintuża liġi kriminali għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

MEMO - Aġġornament tar-regoli tal-UE dwar il-kontrolli tal-flus kontanti

MEMO - Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska

Proposta Direttiva biex tintuża liġi kriminali għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

Proposta - Regolament dwar il-kontrolli tal-flus kontanti

Proposta - Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska tal-assi kriminali

It-tielet Rapport ta' Progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina

Komunikazzjoni: Azzjoni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Siġurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina

Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà

IP/16/4401

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar