Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Galileo se tibda taħdeml!

Brussell, I-14ta' dicembru 2016

Fil-15 ta' Diċembru 2016, is-sistema Ewropea ta navigazzjoni bis-satellita tal-Ewropa Galileo se tibda toffri s-servizzi inizjali tagħha lill-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini.

Fi kliem il-Viċi President tal-Kummissjoni Maroš Šefčovič responsabbli mill-Unjoni tal-Enerġija: "Il-ġeolokalizzazzjoni tinsab fil-qofol tar-revoluzzjoni diġitali li għaddejja bħalissa b'servizzi ġodda li qed jittrasformawlna ħajjitna. Galileo se żżid b'għaxar darbiet il-preċiżjoni tal-ġeolokalizzazzjoni u se tippermetti l-ġenerazzjoni li jmiss tat-teknoloġiji tal-lokalizzazzjoni; bħall-karozzi awtonomi, l-apparati konnessi, jew is-servizzi ta' bliet intelliġenti. Illum nappella lill-intraprendituri Ewropej u ngħid: stħajjel x'tista' tagħmel b'Galileo - toqgħodx tistenna, kun innovattiv!”

Il-Kummissarju Elżbieta Bieńkowska responsabbli mis-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, qalet: "L-offerta tal-ewwel servizzi minn Galileo hija kisba ewlenija għall-Ewropa u każ minn tal-ewwel li bih l-Istrateġija Spazjali reċenti qed titwassal lill-pubbliku. Dan huwa r-riżultat ta' sforz konġunt biex titfassal u tinbena l-aktar sistema tan-navigazzjoni bis-satellita preċiża fid-dinja. Din hija xhieda tal-eċċellenza teknoloġika tal-Ewropa u l-għarfien u tal-impenn tagħha biex twassal servizzi u applikazzjonijiet ibbażati fuq l-ispazju. L-ebda pajjiż Ewropew ma seta' jagħmel dan waħdu.”

Mad-Dikjarazzjoni tas-Servizzi Inizjali, li se tkun uffiċjalment varata mill-Kummissjoni Ewropea fi Brussell nhar il-Ħamis 15 ta' Diċembru, Galileo se tibda tipprovdi, flimkien mal-GPS, is-servizzi li ġejjin mingħajr ħlas:

  • Appoġġ għall-operazzjonijiet ta' emerġenza: Illum taf tieħu siegħa biex tidentifika persuna mitlufa fuq il-baħar jew fil-muntanji. Bis-Servizz ta' Tiftix u Salvataġġ (SAR), il-persuni li jitolbu għall-għajuna b'sinjal tal-Galileo issa jistgħu jinstabu u jiġu salvati aktar malajr, peress li l-ħin biex jinstabu se jitnaqqas għal 10 minuti biss. Dan is-servizz għandu jittejjeb aktar 'il quddiem biex l-emittent ta' sejħa ta' emerġenza jiġi mgħarraf li nstab u li l-għajnuna tkun ġejja.
  • Navigazzjoni aktar preċiża għaċ-ċittadini: Is-Servizz Miftuħ ta' Galileo joffri servizz b'xejn tas-suq tal-massa għall-pożizzjonament, għan-navigazzjoni u għall-kalkolazzjoni tal-ħin li jista' jintuża minn chipsets kompatibbli ma' Galileo, pereżempju fi smartphones u f'sistemi tan-navigazzjoni tal-karozzi. Għadd ta' smartphones bħal dawn ilhom fis-suq sa mill-ħarifa tal-2016 u issa jistgħu jużaw is-sinjali biex jipprovdu pożizzjonijiet aktar preċiżi. Sal-2018, Galileo se jkun ukoll f'kull mudell ġdid ta' vettura mibjugħa fl-Ewropa, biex jipprovdi servizzi ta' navigazzjoni mtejba għal firxa ta' apparati kif ukoll sistema ta' respons ta' emerġenza tal-eCall. Il-persuni li jużaw apparat tan-navigazzjoni bis-satellita fil-bliet, fejn is-sinjali ta' spiss jafu jkunu imblukkati minn bini għoli, se jibbenefikaw b'mod partikolari miż-żieda fil-preċiżjoni tal-ippożizzjonar li toffri s-sistema Galileo.
  • Sinkronizzazzjoni aħjar tal-ħin għall-infrastrutturi kritiċi: Permezz ta' arloġġi bi preċiżjoni għolja, Galileo se tippermetti s-sinkronizzazzjoni tal-ħin aktar reżiljenti tat-tranżazzjonijiet bankarji u finanzjarji, tat-telekomunikazzjoni u tan-netwerks tad-distribuzzjoni tal-enerġija bħall-grilji intelliġenti. Din se tgħinhom biex joperaw b'mod aktar effiċjenti.
  • Servizzi siguri għall-awtoritajiet pubbliċi: Galileo se tappoġġa wkoll lill-awtoritajiet pubbliċi bħas-servizzi ta' protezzjoni ċivili, is-servizzi tal-għajnuna umanitarja, l-uffiċjali tad-dwana u s-servizzi tal-pulizija permezz ta' Servizz Pubbliku Regolat. Se toffri servizz partikolarment b'saħħtu u kompletament kriptat għall-utenti tal-gvern f'emerġenzi nazzjonali jew f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, bħal attakki terroristiċi, biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi.

Id-Dikjarazzjoni tas-Servizzi Inizjali ta' Galileo tfisser li s-satelliti u l-infrastruttura fuq l-art ta' Galileo issa huma lesti biex jitħaddmu. Dawn is-sinjali se jkunu ferm preċiżi iżda mhux disponibbli l-ħin kollu. Huwa għalhekk li matul il-fażi inizjali, l-ewwel sinjali ta' Galileo se jintużaw flimkien ma' sistemi oħrajn tan-navigazzjoni bis-satellita, bħall-GPS.

Fis-snin li ġejjin, se jiġu varati satelliti ġodda biex titkabbar il-kostellazzjoni Galileo, li bil-mod il-mod se ttejjeb id-disponibbiltà ta' Galileo mad-dinja kollha. Il-kostellazzjoni mistennija li titlesta sal-2020 meta Galileo se tilħaq il-kapaċità operazzjonali sħiħa tagħha.

Sfond

Galileo hija s-Sistema Globali tan-Navigazzjoni Bis-Satellita tal-Ewropa. Hija tipprovdi firxa ta' servizzi mill-aktar avvanzati fl-ippożizzjonar, in-navigazzjoni u l-kalkolu tal-ħin lil utenti madwar id-dinja. Galileo hija kompletament interoperabbli mal-GPS, iżda se toffri pożizzjonament aktar preċiż u affidabbli għall-utenti aħħarin.

Bħalissa, il-kostellazzjoni Galileo tikkonsisti fi 18-il satellita, li kollha huma diġà fl-orbita. Il-kostellazzjoni sħiħa tipprevedi li tkun tikkonsisti minn total ta' 30 satellita u mistennija titlesta sal-2020.

Sa issa, l-ewwel smartphone bil-Galileo mill-kumpanija Spanjola BQ diġà huwa disponibbli fis-suq filwaqt li manifatturi oħra mistennija li jagħmlu l-istess. Dan se jippermetti wkoll li l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet jittestjaw l-ideat tagħhom fuq il-bażi ta' sinjal reali.

Is-Servizzi Inizjali ta' Galileo huma ġestiti mill-Aġenzija Ewropea GNSS (GSA). Il-programm kumplessiv Galileo huwa mmexxi mill-Kummissjoni Ewropea, li għaddiet ir-responsabbiltà għall-iżvilupp tas-sistema u l-appoġġ tekniku għall-kompiti operattivi lill-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA).

Għal aktar Informazzjoni

Is-Servizzi Inizjali ta' Galileo - Mistoqsijiet frekwenti (MEMO/16/4382)

L-Istrateġija dwar l-Ispazju għall-Ewropa

Materjal awdjoviżiv

Iċ-Ċentru tas-Servizz GNSS Ewropew (GSC)

Il-prestazzjoni, il-preċiżjoni u d-disponibbiltà previsti tas-Servizzi Inizjali ta' Galileo

Galileo għaċ-ċittadini

IP/16/4366

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar