Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Unjoni li twassal riżultati aħjar, iktar malajr: Tliet Istituzzjonijiet jiffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017

Strasburgu, it-13ta' dicembru 2016

Illum, il-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz; Robert Fico, li bħalissa għandu f'idejh il-Presidenza rotanti tal-Kunsill; u Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, iffirmaw l-ewwel Dikjarazzjoni Konġunta li qatt saret, li tgħid x'inhuma l-objettivi u l-prijoritajiet tal-UE għall-proċess leġiżlattiv fl-2017.

Billi bnew fuq il-Linji Gwida Strateġiċi tal-Kunsill Ewropew u l-10 prijoritajiet li l-Parlament Ewropew ta l-mandat lill-Kummissjoni Juncker biex twettaq, il-Presidenti tat-tliet Istituzzjonijiet Ewropej qablu fuq għadd ta' proposti li se jittrattaw bi prijorità fil-proċess leġiżlattiv. Dan se jiżgura li l-UE twettaq riżultati konkreti għaċ-ċittadini tagħha u li tindirizza l-iktar sfidi urġenti li l-Ewropa qiegħda tħabbat wiċċha magħhom illum.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker qal: "Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-lum hija stadju importanti fil-mod li bih l-UE tista' ġġib riżultati aħjar u iktar malajr b'rabta mal-isfidi komuni tagħna. Din hija l-ewwel darba fl-istorja tal-UE li t-tliet Istituzzjonijiet Ewropej qablu fuq għadd limitat ta' inizjattivi ta' importanza politika kbira li jinħtieġ li tingħatalhom prijorità fil-proċess leġiżlattiv. Minkejja li aħna tliet Istituzzjonijiet differenti, hemm proġett Ewropew wieħed biss li aħna naħdmu għalih, li jirrappreżenta l-interess taċ-ċittadini Ewropej kollha. Dak li rajna bil-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandu jsir l-istandard il-ġdid biex flimkien noħolqu soluzzjonijiet malajr u sinifikattivi. Fl-Ewropa, fejn hemm ir-rieda, hemm soluzzjoni."

B'żieda mal-impenn tal-UE favur ix-xogħol li jinsab għaddej fuq il-proposti leġiżlattivi li diġà ġew ippreżentati, il-Presidenti tat-tliet Istituzzjonijiet stipulaw fid-Dikjarazzjoni Konġunta sitt oqsma speċifiċi li fihom il-proposti għandhom jingħataw prijorità. Il-Presidenti tal-Parlament, tal-Kunsill, u tal-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom li jissimplifikaw l-isforzi tal-Istituzzjonijiet tagħhom biex jiżguraw progress leġiżlattiv rapidu fuq dawn l-inizjattivi ta' prijorità u, fejn ikun possibbli, li jiġu mwettqa qabel tmiem l-2017.

  1. Nagħtu spinta ġdida lill-impjiegi, lit-tkabbir u lill-investiment – permezz tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS 2.0), Strumenti għad-Difiża tal-Kummerċ imġedda, l-Unjoni Bankarja, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, u t-titjib tal-ġestjoni tal-iskart fl-ekonomija ċirkolari;
  2. Nindirizzaw id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea – permezz tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali mtejba, l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;
  3. Nipproteġu aħjar is-sigurtà taċ-ċittadini tagħna – permezz tas-sistema ta' Dħul u Ħruġ, Fruntieri Intelliġenti u s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), il-kontroll tal-armi tan-nar, strumenti biex jikkriminalizzaw it-terroriżmu, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS);
  4. Nirriformaw u niżviluppaw il-politika tal-migrazzjoni tagħna fi spirtu ta' responsabbiltà u solidarjetà – permezz tar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (inkluż il-mekkaniżmu ta' Dublin), il-pakkett dwar il-Migrazzjoni Legali u l-Pjan ta' Investiment Estern biex jgħinu biex jindirizzaw l-għeruq tal-migrazzjoni billi jsaħħu l-investiment u l-ħolqien tax-xogħol f'pajjiżi sħab;
  5. Nonoraw l-impenn tagħna li nimplimentaw Suq Uniku Diġitali konness – permezz tar-riformi tat-telekomunikazzjoni u tad-dritt tal-awtur tal-UE, l-Unjoni tal-banda tal-frekwenza 700 MhZ, il-prevenzjoni ta' geoblocking inġustifikat, id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, u regoli komuni dwar il-protezzjoni tad-dejta;
  6. Inwettqu l-objettiv tagħna ta' Unjoni tal-Enerġija ambizzjuża u politika dwar it-tibdil fil-klima progressiva – permezz tal-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, il-Ftehim ta' Pariġi, u l-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha.

Barra minn hekk, it-tliet Presidenti jenfasizzaw erba' kwistjonijiet fundamentali li jeħtieġu attenzjoni partikolari u iktar progress fl-2017: (i) impenn favur valuri komuni Ewropej, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; (ii) jiġu indirizzati l-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa; (iii) jiġi ppreżervat il-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema; u (iv) il-kontribuzzjoni għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-paċi.

Dan l-isforz konġunt tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-UE u tal-Kummissjoni Ewropea huwa parti minn impenn konġunt ġdid u huwa previst b'mod espliċitu fil-paragrafu 7 tal-Ftehim Interistituzzjonali Dwar It-Tfassil Aħjar Tal-Liġijiet, li jippermetti lill-Unjoni tibdel il-proposti f'azzjonijiet u jipproduċu r-riżultati meta l-iktar ikunu meħtieġa. 

Il-passi li jmiss

It-tliet Istituzzjonijiet qablu fuq monitoraġġ u traċċar bir-reqqa konġunt f'dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta, kemm fil-livell politiku kif ukoll dak tal-uffiċjali għoljin. Fil-livell politiku, l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta se tiġi mmonitorjata b'mod konġunt u regolarment permezz tal-laqgħat tal-Presidenti tat-tliet Istituzzjonijiet f'Marzu, Lulju u Novembru tal-2017. Fil-livell tekniku, l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta se tiġi mmonitorjata b'mod konġunt u fuq bażi regolari fil-Grupp ta' Koordinazzjoni Interisitituzzjonali, li jiltaqa' fil-livell ta' uffiċjali għoljin (kif previst fil-punt 50 tal-Ftehim Interistituzzjonali Dwar It-Tfassil Aħjar Tal-Liġijiet).

Biex jiffaċilita l-monitoraġġ u l-intraċċar tas-segwitu għad-Dikjarazzjoni Konġunta, dokument ta' ħidma li jakkumpanja d-Dikjarazzjoni Konġunta jelenka fid-dettall l-inizjattivi li se tingħatalhom prijorità fl-2017.

Sfond

Fil-15 ta' Marzu 2016, it-tliet Istituzzjonijiet Ewropej qablu dwar Ftehim Interistituzzjonali (FII) dwar Tfassil Aħjar ta' Liġijiet biex itejbu l-kwalità u r-riżultati tal-leġiżlazzjoni Ewropea. Il-FII dwar it-Tfassil Aħjar ta' Liġijiet qiegħed iwassal għal tibdil tul iċ-ċiklu kollu tat-tfassil tal-politika, mill-konsultazzjonijiet u l-valutazzjoni tal-impatt sal-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Skont il-FII l-ġdid, irid ikun hemm ftehimiet konġunti dwar is-suġġetti ewlenin li trid tingħatalhom prijorità mil-leġiżlaturi, inklużi eżerċizzji ta' simplifikazzjoni għal-liġijiet eżistenti.

Ta' kull sena, il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni issa jiddiskutu l-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE u jaqblu dwar il-prijoritajiet ewlenin komuni għas-sena li ġejja. Dan jippermetti lit-tliet Istituzzjonijiet jaħdmu iktar mill-qrib flimkien biex jaffaċċjaw l-isfidi kbar li hemm quddiemna.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-lum hija l-ewwel twettiqa ta' dan l-approċċ ġdid għal-leġiżlazzjoni ffukata fuq li tikseb ir-riżultati. Id-Dikjarazzjoni hija wkoll konformi mal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2017.

Għal iktar tagħrif

Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017

 

IP/16/4360

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar