Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-UE tapprova regoli ġodda sabiex l-Istati Membri jnaqqsu t-tniġġis tal-arja b'mod drastiku

Brussell, I-14ta' dicembru 2016

Illum id-Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet (NEC) il-ġdida ġiet iffirmata f'liġi mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi limiti aktar stretti fuq il-ħames sustanzi ewlenin li jniġġsu fl-Ewropa. Din se tidħol fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2016.

Meta implimentata b'mod sħiħ, id-Direttiva se tnaqqas l-impatti ħżiena tat-tniġġis tal-arja, bħal mard respiratorju u mewt qabel iż-żmien, bi kważi 50% sal-2030. Anke jekk is-sustanzi tat-tniġġis tal-arja huma sustanzi qattiela inviżibbli, in-nies qed isiru aktar konxji u mħassba dwar il-kwalità tal-arja li biha jieħdu nifs. Għaldaqstant il-ftehim dwar limiti aktar stretti fin-NEC huwa kisba importanti. Din se jkollha wkoll benefiċċji sostanzjali għall-kwalità tal-ilma ħelu, tal-ħamrija u tal-ekosistemi u se tgħin sabiex jiġu indirizzati l-impatti ta' partikuli bħall-karbonju iswed li jagħmlu l-ħsara u li jikkawżaw it-tibdil fil-klima. Id-Direttiva hija l-element ċentrali tal-Programm għal Arja Nadifa għall-Ewropa aktar komprensiv tal-Kummissjoni.

Karmenu Vella, il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, qal: "Ir-regoli ġodda dwar il-kwalità tal-arja tal-Ewropa huma storikament sinifikanti fil-ġlieda kontra dan il-qattiel inviżibbli li huwa t-tniġġis tal-arja. It-tniġġis tal-arja joqtol 'il fuq minn 450 000 persuna kull sena fl-Ewropa. Dan hu 'l fuq minn għaxar darbiet aktar l-inċidenti tat-traffiku. Issa wasal iż-żmien li l-gvernijiet nazzjonali jibdew bl-implimentazzjoni sabiex in-nies ikunu jistgħu jibbenefikaw minn arja aktar nadifa. Aħna se naħdmu mal-Istati Membri sabiex nappoġġjawhom f'din l-isfida għat-titjib tas-saħħa taċ-ċittadini tal-UE."

L-implimentazzjoni tar-regoli fil-prattika

Ir-rwol tal-Istati Membri fil-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva fil-livell nazzjonali huwa importanti ħafna. L-Istati Membri jridu jittrasponu d-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sat-30 ta' Ġunju 2018 u joħolqu Programm Nazzjonali għall-Kontroll tat-Tniġġis tal-Arja sal-2019 li jistabbilixxi miżuri sabiex jiġi żgurat li l-emissjonijiet tal-ħames sustanzi ewlenin li jniġġsu jitnaqqsu bil-persentaġġi li sar qabil dwarhom sal-2020 u sal-2030.  Dawn għandhom jikkordinaw ma' pjanijiet f'oqsma bħat-trasport, l-agrikoltura, l-enerġija u l-klima. Dan se jitlob investiment, madankollu l-ispejjeż se jkunu megħluba sew mill-benefiċċji fl-iffrankar tal-ispejjeż, b'mod partikolari fil-kura tas-saħħa u l-mard fuq il-post tax-xogħol. Il-proposta ppubblikata riċentament għal Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija tagħmel emfasi dwar l-importanza ta' sinerġiji bejn il-kwalità tal-arja u l-klima u l-politiki tal-enerġija u d-Direttiva NEC ġdida.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri sabiex tiżgura implimentazzjoni xierqa, fejn pereżempju tistabbilixxi Forum ġdid dwar l-Arja Nadifa sal-ħarifa tal-2017. Dan se jlaqqa' l-partijiet interessati flimkien sabiex jaqsmu l-esperjenza tagħhom u l-prattika tajba flimkien. Il-Kummissjoni se tiffaċilita wkoll l-aċċess għal strumenti ta' fondi tal-UE.

Finalment, id-Direttiva se twitti t-triq għar-ratifika tal- Protokoll rivedut ta' Gothenburg li l-Istati Membri qablu b'mod internazzjonali dwaru fl-2012 taħt il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan se jnaqqas it-tniġġis fl-istati tal-Ewropa ta' Lvant, tal-Kawkasu u tal-Asja Ċentrali fejn se jibbenefikaw kemm il-pajjiżi nfushom u kemm iċ-ċittadini tal-UE li huma l-aktar esposti għal tniġġis transkonfinali.

Sfond

F'Diċembru tal-2013 il-Kummissjoni ppubblikat il-Programm għal Arja Nadifa għall-Ewropa, li aġġorna l-għanijiet tal-politika dwar l-arja għall-2020 u għall-2030. Dan kellu proposta dwar impjanti medji tal-kombustjoni (Direttiva 2015/2193); il-proposta għal Direttiva NEC ġdida; u proposta għar-ratifika tal-Protokoll riċentament emendat ta' Gothenburg.

Id-Direttiva NEC tistabbilixxi limiti massimi tal-emissjoni għal kull pajjiż kull sena għall-ħames sustanzi ewlenin li jniġġsu: materja partikolata fina (PM2.5), diossidu tal-kubrit, ossidi tan-nitroġenu, komposti volatili organiċi mhux metaniċi, u ammonja.

L-impenji għat-tnaqqis tal-2020 huma identiċi ma' dawk li l-Istati Membri diġà qablu dwarhom b'mod internazzjonali fir-reviżjoni tal-2012 tal-Protokoll ta' Gothenburg. L-impenji tal-2030 jeħtieġu tnaqqis sostanzjalment akbar. Dawn se jgħinu sabiex jitnaqqsu t-tniġġis transkonfinali u l-konċentrazzjonijiet fl-isfond fl-Ewropa.

Kemm is-setturi u xi wħud mis-sustanzi relevanti għall-politika dwar l-arja huma relevanti wkoll għall-klima u għall-politika dwar l-enerġija. Sar kull sforz sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni mill-qrib bejn il-proposti dwar il-kwalità tal-arja u dawk li qed jimplimentaw l-għanijiet dwar il-gass serra (GHG) u dwar l-enerġija tal-Unjoni.

Is-setturi kollha jeħtieġ li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effettiva tal-politika, inkluż dawk bħall-agrikoltura li kellhom tnaqqis aktar baxx fil-passat. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet interessati sabiex tiżgura t-twettiq tal-benefiċċji tas-saħħa u tal-ambjent.

Għal Aktar Tagħrif

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar id-Direttiva Dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet il-ġdida

Reviżjoni tal-politika tal-UE dwar l-Arja

IP/16/4358

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar