Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-ġustizzja fil-qalba tal-proposta tal-Kummissjoni li taġġorna r-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

Brussell, it-13ta' dicembru 2016

Illum il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tippreżenta reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali.

Din hija parti mill-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016 u mill-isforzi tal-Kummissjoni biex tiffaċilita l-mobilità tal-ħaddiema, biex tiżgura l-ġustizzja għal dawk li jiċċaqilqu kif ukoll għal dawk li jħallsu t-taxxa, u biex tipprovdu għodod aħjar lill-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Il-proposta timmodernizza r-regoli attwali biex tiżgura li huma ġusti, ċari u iktar faċli biex jiġu infurzati.

Il-moviment liberu tal-persuni kieku ma jkunx possibbli mingħajr ir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Dawn ir-regoli jiggarantixxu li ma titlifx il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħek meta tiċċaqlaq għal Stat Membru ieħor. Ilhom jeżistu mill-1959 u jiġu mmodernizzati b'mod regolari sabiex jiġi żgurat li huma adattati u jirrispondu għar-realtà ekonomika u soċjali fl-UE.

L-aġġornament propost tal-lum jirrifletti l-impenn politiku ta' din il-Kummissjoni għal mobilità ġusta tal-ħaddiema. Din hija proposta bilanċjata li tiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema u tħarsilhom drittijiethom, filwaqt li ssaħħaħ l-għodod tal-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra r-riskji tal-abbuż jew tal-frodi. Torbot aktar mill-qrib il-post fejn jitħallsu l-kontribuzzjonijiet u l-post fejn issir it-talba għall-benefiċċji, filwaqt li tiżgura tqassim ġust tal-piż finanzjarju bejn l-Istati Membri.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, Marianne Thyssen,qalet: “Il-moviment liberu hu dritt fundamentali tal-Unjoni tagħna li hu għal qalb iċ-ċittadini tagħha. Dan iġib benefiċċji lill-ħaddiema, lill-impjegaturi u lill-ekonomija, u jgħin biex jindirizza n-nuqqas ta' ħaddiema u ta' ħiliet. Għandna bżonn il-mobilità tal-ħaddiema sabiex jgħinu ħalli jerġa' jkun hemm it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività. Iżda jeħtieġ li l-mobilità tissejjes fuq regoli ċari, ġusti u infurzabbli. Dan huwa dak li l-proposta tagħna li taġġorna r-regoli tal-UE dwar is-sigurtà soċjali tindirizza: tissalvagwardja l-moviment liberu u tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema filwaqt li ssaħħaħ l-għodod li jindirizzaw l-abbuż possibbli”.

Il-proposta taġġorna r-regoli tal-UE f'dawn l-erba' oqsma:

1. Il-benefiċċji tal-qgħad:

  • Dawk li qed ifittxu x-xogħol jistgħu jesportaw il-benefiċċji tal-qgħad tagħhom mill-perjodu minimu attwali ta' tliet xhur għal ta' mill-inqas sitt xhur. Din se tagħtihom ċans aħjar isibu impjieg u tgħin biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-ispariġġ tal-ħiliet fl-UE.
  • Għall-ħaddiema tal-fruntiera (li jgħixu f'pajjiż u jaħdmu f'pajjiż ieħor u jirritornaw id-dar tal-anqas darba fil-ġimgħa), l-Istat Membru fejn ikunu ħadmu għall-aħħar 12-il xahar isir responsabbli mill-ħlas tal-benefiċċji tal-qgħad. Dan jirrifletti l-prinċipju li l-Istat Membru li jkun irċieva l-kontribuzzjonijiet għandu jħallas il-benefiċċji.
  • Stat Membru jista' jeħtieġ li persuna tkun ħadmet għal mill-inqas tliet xhur fit-territorju tiegħu qabel ma tispiċċa qiegħda biex hija tkun tista' tiddependi fuq l-esperjenza preċedenti fi Stat Membru ieħor u titlob l-benefiċċji tal-qgħad.

2. Il-benefiċċji tal-kura fit-tul:

Din il-proposta tiċċara x'inhuma l-benefiċċji tal-kura fit-tul u fejn iċ-ċittadini mobbli jistgħu jitolbu tali benefiċċji. Din se tipprovdi aktar ċertezza legali għal grupp ta' ċittadini dejjem jikber fis-soċjetajiet tagħna li qed jixjieħu fil-waqt li jiddependu fuq il-kura fit-tul.

3. L-aċċess taċ-ċittadini ekonomikament inattivi għall-benefiċċji soċjali:

Abbażi tal-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-proposta tiċċara li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux benefiċċji soċjali lil ċittadini mobbli li huma ċittadini ekonomikament inattivi — dan huma dawk il-persuni li la qegħdin jaħdmu u lanqas qed ifittxu xogħol, u li ma għandhomx dritt ta' residenza legali fit-territorju tagħhom. Ċittadini ekonomikament inattivi għandhom dritt ta' residenza legali biss meta jkollhom mezzi ta' għajxien u assigurazzjoni komprensiva tas-saħħa.

4. Il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema stazzjonati:

Il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ ir-regoli amministrattivi dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema stazzjonati. Trid tiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom l-għodod ix-xierqa biex jivverifikaw l-istatus tas-sigurtà soċjali ta' dawn il-ħaddiema u tistabbilixxi proċeduri iktar ċari għal kooperazzoni bejn l-Istati Membri biex jiġu indirizzati l-abbuż jew il-prattiki potenzjalment inġusti.

Fl-aħħar nett, il-proposta ma tbiddilx ir-regoli eżistenti dwar l-esportazzjoni tal-benefiċċji tat-tfal. Mhu previst l-ebda indiċjar tal-benefiċċji tat-tfal: il-pajjiż tal-impjieg tal-ġenitur(i) jibqa' responsabbli mill-ħlas tal-benefiċċji tat-tfal, u dan l-ammont ma jistax jiġi aġġustat jekk it-tfal ikunu residenti x'imkien ieħor. Inqas minn 1 % tal-benefiċċji tat-tfal fl-UE jiġu esportati minn Stat Membru għal ieħor.

B'mod ġenerali, il-bidliet proposti se jipprovdu aktar trasparenza, ċertezza legali u ġustizzja għall-benefiċċju taċ-ċittadini mobbli, l-awtoritajiet pubbliċi, l-impjegaturi u l-kontribwenti. Dawn jiffaċilitaw il-moviment liberu filwaqt li jagħtu lill-Istati Membri għodod aħjar biex jiġu evitati l-abbużi.

Sfond

L-UE tipprovdi regoli li jikkoordinaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali u li jiżguraw il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali meta int tiċċaqlaq fl-Ewropa (UE28, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera). Ir-regoli jipprevedu biss il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali biex jiddeterminaw għal liema sistema ċittadin mobbli huwa suġġett. Ir-regoli jevitaw li persuna tispiċċa mingħajr protezzjoni soċjali, jew li jkollha kopertura doppja f'sitwazzjoni transfruntiera.

Kull Stat Membru huwa liberu li jiddetermina l-karatteristiċi tas-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu, inkluż liema benefiċċji għandhom jingħataw, il-kundizzjonijiet tal-eliġibilità, kif dawn il-benefiċċji jiġu kkalkulati u x'kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu, u għall-fergħat kollha tas-sigurtà soċjali, bħall-benefiċċji tax-xjuħija, tal-qgħad u tal-familja sakemm tali kontribuzzjonijiet nazzjonali jirrispettaw il-prinċipji tal-liġi tal-UE, b'mod partikolari dawk dwar it-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri huma liberi li jimmonitoraw l-iżviluppi rigward il-ħlas ta' dawn il-benefiċċji, inklużi lil ċittadini li jirrisjedu fi Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Socjali tilgħab rwol partikolari fl-iskambju ta' tali informazzjoni.

Ir-reviżjoni tar-regoli dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tħabbret fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016, bħala parti minn sforzi usa' tal-Kummissjoni biex tippromovi l-moviment liberu tal-ħaddiema.

Għal iżjed tagħrif

MEMO: Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar ir-reviżjoni tar-regoli ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

L-aħbar fuq is-sit tad-DĠ Impjiegi

Il-Komunikazzjoni li temenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Twitter u Facebook

Abbona biex tirċievi l-bulettin dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea li jintbagħat b'xejn permezz tal-posta elettronika

IP/16/4301

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Videos