Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tikkunsidra l-iskema tat-taxxa Belġjana ta' "Qligħ Eċċessiv" bħala illegali; madwar EUR 700 miljun għandhom jinġabru minn 35 kumpanija multinazzjonali

Brussell, il-11ta' jannar 2016

Il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet li l-vantaġġi selettivi tat-taxxa mogħtija mill-Belġju fl-ambitu tal-iskema tat-taxxa ta' "qligħ eċċessiv" huma illegali skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

Mill-anqas 35 kumpanija multinazzjonali prinċipalment mill-UE bbenefikaw mill-iskema, li issa jridu jirritornaw lura t-taxxi mhux imħallsa lill-Belġju.

Mill-2015, l-iskema tat-taxxa Belġjana ta' "qligħ eċċessiv", ippermettiet lil ċerti kumpaniji tal-grupp multinazzjonali li jħallsu sostanzjalment anqas fil-Belġju abbażi tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa. L-iskema naqqset il-bażi tat-taxxa korporattiva tal-kumpaniji bejn 50% u 90% biex tagħti skont lill-hekk imsejjaħ "qligħ eċċessiv" li allegatament jirriżulta mill-fatt li wieħed ikun parti minn grupp multinazzjonali. L-investigazzjoni fil-fond tal-Kummissjoni li nfetħet fi Frar 2015 uriet li l-iskema dderogat mill-prassi normali skont ir-regoli tat-taxxa tal-kumpaniji Belġjani u l-hekk imsejjaħ "prinċipju ta' distakkament". Dan huwa illegali skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat:

Il-Kummissarju Margrethe Vestager, inkarigata mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet: "Il-Belġju ta vantaġġi sostanzjali tat-taxxa lil numru selettiv ta' multinazzjonali li jiksru r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Dan joħloq tfixkil fil-kompetizzjoni fuq il-merti billi jpoġġi kompetituri iżgħar li mhumiex fuq l-istess livell multinazzjonali f'livell mhux ugwali.

Hemm bosta metodi legali għall-pajjiżi tal-UE biex isostnu l-investiment u ħafna raġunijiet tajba biex wieħed jinvesti fl-UE. Madankollu, jekk pajjiż jagħti benefiċċji minn taxxa illegali lil ċerti multinazzjonali li jippermettulhom li jevitaw milli jħallsu t-taxxi fuq il-maġġoranza tal-profitti attwali tagħhom, ikun qed jagħmel ħsara lil kompetizzjoni ġusta fl-UE, fl-aħħar mill-aħħar għad-detriment taċ-ċittadini tal-UE."

L-iskema tat-taxxa ta' "qligħ eċċessiv" kienet reklamata mill-awtorità tat-taxxa bil-logo "Only in Belgium". Minnha bbenefikaw biss ċerti gruppi multinazzjonali li ngħataw tali deċiżjoni tat-taxxa abbażi tal-iskema, filwaqt li kumpaniji għal rashom (jiġifieri kumpaniji li mhumiex parti minn gruppi) li huma attivi fil-Belġju ma setgħux jitolbu benefiċċji simili. L-iskema tirrappreżenta tfixkil serju ħafna tal-kompetizzjoni fis-Suq Uniku tal-UE li jaffettwa bosta setturi ekonomiċi differenti.

Il-kumpaniji multinazzjonali li jibbenifikaw mill-iskema huma prinċipalment kumpaniji Ewrope, li evitaw ukoll il-maġġoranza tat-taxxi skont din l-iskema li l-Belġju issa jrid jirkupra mill-kumpaniji. Il-Kummissjoni tistma l-ammont għal madwar total ta' EUR 700 miljun.

L-iskema ta' Qligħ Eċċessiv

Ir-regoli Belġjani tat-taxxa fuq il-kumpaniji jirrikjedu li l-kumpaniji jiġu ntaxxati abbażi tal-qligħ attwalment irreġistrat minn attivitajiet fil-Belġju. Madankollu, l-iskema ta' "qligħ eċċessiv" tal-2005, abbażi tal-Artikolu 185, paragrafu 2, b) tal-"Code des Impôts sur les Revenus / Wetboek Inkomstenbelastinge", ippermettiet li l-kumpaniji multinazzjonali jnaqqsu l-bażi tat-taxxa tagħhom għall-allegat "qligħ eċċessiv" abbażi ta' deċiżjoni tat-taxxa vinkolanti. Dawn kienu normalment validi għal erba' snin u setgħu jiġġeddu.

Skont dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa, il-qligħ attwalment irreġistrat ta' multinazzjonali jitqabbel mal-qligħ medju ipotetiku li kumpanija għal rasha kienet tagħmel f'sitwazzjoni komparabbli. L-allegata differenza fil-qligħ hija kkunsidrata bħala "qligħ eċċessiv" mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, u l-bażi tat-taxxa multinazzjonali tnaqqset b'mod proporzjonali. Dan huwa bbażat fuq il-premessa li kumpaniji multinazzjonali jagħmlu "qligħ eċċessiv" minħabba li jkunu parti minn grupp multinazzjonali, jiġifieri minħabba sinerġiji, ekonomiji ta' skala, reputazzjoni, netwerks ta' klijenti u fornituri, aċċess għal swieq ġodda. Fil-prinċipju, il-qligħ attwali rreġistrat tal-kumpaniji kkonċernati kien normalment jitnaqqas b'aktar minn 50% u f'ċerti każijiet sa 90%.

graph EN

L-investigazzjoni fil-fond tal-Kummissjoni wriet li billi “l-qligħ eċċessiv" ġie skontat mill-bażi tat-taxxa attwali tal-kumpanija, l-iskema dderogat kemm minn:

  • prassi normali skont ir-regoli tat-taxxa tal-kumpanija Belġjana. Dan jagħti lil multinazzjonali li kienu kapaċi jiksbu tali deċiżjoni tat-taxxa sussidju selettiv preferenzjali meta mqabbla ma’ kumpaniji oħra. B’mod aktar speċifiku, mill-anqas 35 kumpanija kienu qed jingħataw vantaġġ kompetittiv inġust fuq, pereżempju, xi kompetituri tagħhom għal rashom li huma responsabbli biex iħallsu t-taxxi fuq il-qligħ attwali tagħhom irreġistrat fil-Belġju skont ir-regoli normali tat-taxxa fuq il-kumpaniji Belġjani; kif ukoll
  • il-"prinċipju ta' distakkament" skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Anki jekk wieħed jassumi li xi multinazzjonali jiġġenera tali "qligħ eċċessiv", skont il-prinċipju ta' distakkament jinqasmu bejn il-kumpaniji tal-grupp b’mod li jirrifletti r-realtà ekonomika, u mbagħad jiġu ntaxxati meta dawn jinħolqu. Madankollu, skont l-iskema Belġjana ta' "qligħ eċċessiv" dawn il-profitti huma sempliċiment skontati b'mod unilaterali mill-bażi taxxabbli ta’ kumpanija tal-grupp waħda.

Il-vantaġġi selettivi tat-taxxa tal-iskema, ma setgħu lanqas jiġu ġġustifikati permezz tal-argument imqajjem mill-Belġju li t-tnaqqis huwa meħtieġ biex tiġi evitata tassazzjoni doppja. L-aġġustamenti saru mill-Belġju b’mod unilaterali, jiġifieri ma kinux jikkorrispondu għal talba minn pajjiż ieħor fuq l-istess profitti. L-iskema ma tirrikjedix li l-kumpaniji juru evidenza jew anki r-riskju ta’ tassazzjoni doppja. Fir-realtà, dan irriżulta f’nuqqas ta' tassazzjoni doppja.

L-iskema għalhekk tagħti lil kumpaniji trattament tat-taxxa preferenzjali li huwa illegali skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE (l-Artikolu 107 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE).

Irkupru

Minn meta l-Kummissjoni tat bidu għall-investigazzjoni fi Frar 2015, il-Belġju waqqaf l-iskema ta' "qligħ eċċessiv" u ma kkonċeda l-ebda deċiżjoni tat-taxxa ġdida skont l-iskema. Madankollu, il-kumpaniji li kienu diġà rċevew deċiżjonijiet tat-taxxa skont l-iskema minn meta ġiet applikata għall-ewwel darba fl-2005 komplew jibbenifikaw minnha.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tirrikjedi li l-Belġju jieqaf milli japplika l-iskema ta' "qligħ eċċessiv" anki fil-futur. Barra minn hekk, sabiex jitneħħa l-vantaġġ mhux ġust li l-benefiċjarji tal-iskema gawdew u biex terġa' tinkiseb kompetizzjoni ġusta, il-Belġju issa jrid jiġbor it-taxxa mhux imħallsa kollha minn mill-anqas il-35 kumpanija multinazzjonali li bbenefikaw mill-iskema illegali. Issa għandu jiġi determinat mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, liema kumpaniji kienu bbenefikaw mill-iskema ta’ taxxa illegali u l-ammonti preċiżi tat-taxxa li għandhom jinġabru minn kull kumpanija. Il-Kummissjoni tistma li t-total jammonta għal madwar EUR 700 miljun.

Sfond

F'Ġunju 2013, il-Kummissjoni bdiet tinvestiga l-prassi dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa fl-Istati Membri. Hija estendiet din l-inkjesta dwar l-informazzjoni lill-Istati Membri kollha f'Diċembru 2014. F'Ottubru 2015, Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li l-Lussemburgu u n-Netherlands ikkonċedew vantaġġi selettivi tat-taxxa lil Fiat u lil Starbucks, rispettivament. Il-Kummissjoni għaddejja wkoll bi tliet investigazzjonijiet fil-fond rigward tħassib li ċerti deċiżjonijiet tat-taxxa jistgħu joħolqu kwistjonijiet ta' għajnuna mill-Istat, li jikkonċernaw lil Apple fl-Irlanda, lil Amazon fil-Lussemburgu, u l-McDonald's fil-Lussemburgu.

Il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa hija waħda mill-ogħla prijoritajiet ta' din il-Kummissjoni. Il-Pakkett dwar it-Trasparenza tat-Taxxa ppreżentat mill-Kummissjoni f'Marzu tas-sena l-oħra wkoll kellu l-ewwel suċċess tiegħu f'Ottubru 2015 meta l-Istati Membri għamlu ftehim politiku dwar skambju awtomatiku tal-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa wara biss seba' xhur ta' negozjati. Din il-leġiżlazzjoni se tkun ta' kontribut biex jinkiseb grad ħafna ogħla ta' trasparenza u se sservi ta' deterrent mill-użu ta' deċiżjonijiet tat-taxxa bħala strument għall-abbuż tat-taxxa - din hija aħbar tajba għan-negozji u għall-konsumaturi li se jkomplu jibbenefikaw minn din il-prassi tat-taxxa li hi tant utli iżda taħt skrutinju strett ħafna sabiex ikun hemm garanzija ta' qafas ta' kompetizzjoni ġusta fejn tidħol it-taxxa.

F'Ġunju 2015, il-Kummissjoni żvelat ukoll għadd ta' inizjattivi biex tindirizza l-evitar tat-taxxa, tiggarantixxi dħul sostenibbli mit-taxxa u ssaħħaħ is-Suq Uniku għan-negozji. Il-miżuri proposti, parti mill-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għal tassazzjoni ġusta u effettiva, għandhom l-għan li b'mod sinifikanti jtejbu l-ambjent tat-taxxa korporattiva fl-UE, biex dan isir aktar ġust, aktar effiċjenti u aktar favorevoli għat-tkabbir. L-azzjonijiet ċentrali inkludew qafas biex tiġi żgurata tassazzjoni effettiva fejn jiġi ġġenerat il-qligħ u strateġija biex terġa' titnieda l-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) li għaliha mistennija li tkun ippreżentata proposta ġdida matul l-2016.

Il-Kummissjoni issa qed tippjana li tniedi pakkett ulterjuri ta’ inizjattivi biex jiġi miġġieled l-evitar tat-taxxa korporattiva fl-UE u madwar id-dinja. Il-proposti se jibbażaw fuq il-prinċipju sempliċi li l-kumpaniji kollha, kbar u żgħar, iridu jħallsu t-taxxa fejn jagħmlu l-profitti tagħhom. Il-pakkett se jiġi ppreżentat fis-27 ta’ Jannar u se jistabbilixxi wkoll strateġija koordinata madwar l-UE għal implimentazzjoni internazzjonali ta’ standards ta’ governanza tajba tat-taxxi.

Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet se ssir disponibbli taħt in-numru tal-każ SA.37667 fir-Reġistru tal-Għajnuna mill-Istat u fuq is-sit tad-DĠ Kompetizzjoni ladarba jkunu riżolti xi kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità li jista’ jkun hemm. Il-ġurnal elettroniku ta' kull ġimgħa State Aid Weekly jelenka l-pubblikazzjonijiet ġodda ta' deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat fuq l-internet u f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.

IP/16/42

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Photos