Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ninvestu fiż-żgħażagħ tal-Ewropa: Il-Kummissjoni tvara l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Brussell, is-7ta' dicembru 2016

Il-Kummissjoni Ewropea llum qegħda tvara l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Il-Kummissjoni Ewropea llum qegħda tvar l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, xahrejn biss wara li l-President Juncker ħabbru u bħala l-ewwel riżultat tal-prijoritajiet għal azzjoni identifikati fil-Pjan Direzzjonali ta' Bratislava. Mil-lum, żgħażagħ bejn l-etajiet ta' 18 u 30-il sena jistgħu jinkitbu għal opportunitajiet ġodda li jagħtu kontribut importanti lis-soċjetà madwar l-UE, u sabiex jiggwadanjaw esperjenza u jakkwistaw ħiliet prezzjużi fil-bidu tal-karriera tagħhom. Il-Kummissjoni qed tippreżenta wkoll serje ta' miżuri biex tagħti spinta lill-impjieg taż-żgħażagħ, ittejjeb u timmodernizza l-edukazzjoni, tinvesti iktar fil-ħiliet taż-żgħażagħ, u toffrilhom opportunitajiet aħjar biex jitgħallmu u jistudjaw barra minn pajjiżhom.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal: “Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se joħloq opportunitajiet għal żgħażagħ li lesti jagħmlu kontribut siewi lis-soċjetà u jgħinu juru solidarjetà – xi ħaġa li d-dinja u l-Unjoni Ewropea tagħna jeħtieġu iktar. Għalija, dan dejjem kien il-qofol essenzjali tal-eżistenza tal-Unjoni Ewropea. Mhumiex it-Trattati jew l-interessi ekonomiċi jew industrijali li jorbtuna flimkien, iżda l-valuri tagħna. U dawk li jaħdmu bħala voluntiera qed jgħixu l-valuri Ewropej kuljum.”

Għall-ewwel darba l-proposti tal-lum jressqu flimkien fil-livell tal-UE tipi differenti ta' azzjoni b'għan wieħed: sabiex jittejbu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ:

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Bil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà l-ġdid, il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità li jitqiegħdu ma' proġett jew b'volontarjat jew inkella għal taħriġ professjonali, apprendistat, jew impjieg għal perjodu ta' bejn xahrejn u 12-il xahar.

Il-parteċipanti se jkunu jistgħu jimpenjaw ruħhom f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-integrazzjoni soċjali, assistenza fil-provvediment ta' ikel, bini ta' alloġġi, ilqugħ, appoġġ u integrazzjoni ta' migranti u refuġjati, protezzjoni ambjentali u prevenzjoni ta' diżastri. Żgħażagħ li jirreġistraw għal korp Ewropew ta' Solidarjetà jeħtieġ li jaderixxu mad-Dikjarazzjoni tal-Missjoni u l-Prinċipji tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. L-Organizzazzjoni parteċipanti kollha jridu jaderixxu mal-Karta tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li tistabbilixxi d-drittijiet u r-responsabbiltajiet matul l-istadji kollha tal-esperjenza ta' solidarjetà.

Mil-lum, żgħażagħ interessati bejn is-17 u t-30 sena jistgħu jinkitbu mal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà mis-sit http://europa.eu/solidarity-corps. L-età minima għall-parteċipazzjoni fil-proġett hija 18-il sena. L-għan huwa li jkun hemm 100,000 żagħżugħ u żagħżugħa jingħaqdu fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà sa tmiem l-2020.

Garanzija għaż-Żgħażagħ

Il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ hija prijorità ewlenija għall-UE. Il-promozzjoni tal-impjiegi hija kwistjoni ta' interess komuni, kondiviż mill-Istati Membri kollha, u l-Kummissjoni tappoġġa l-isforz tagħhom permezz ta' firxa ta' politiki u azzjonijiet.

Għal dan l-għan, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ġew varati tliet snin ilu. Mill-2013 sa llum l-għadd ta' żgħażagħ qiegħda fl-UE naqas b'1.6 miljuni u b'900,000 għaż-żgħażagħ li ma għandhomx impjieg, edukazzjoni jew taħriġ. Dawn ix-xejriet jissuġġerixxu li fil-prattika l-Garanzija għaż-Żgħażagħ bl-għajnuna tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għamlu differenza. Madwar 9 miljun żagħżugħ u żagħżugħa ħadu offerta, li l-maġġoranza tagħhom kienu offerti ta' impjieg.

Sabiex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u sostenibbli tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tintroduċiha fir-reġjuni li jeħtiġuha l-aktar, il-Kummissjoni riċentament ipproponiet li żżid €2 biljuni oħra sabiex tkompli tintroduċi l-Garanzija għaż-Żgħażagħ madwar l-Ewropa u tappoġġa miljun żagħżugħ u żagħżugħa addizzjonali sal-2020.

Mobbiltà tal-Apprendistati

Neħtieġu wkoll li nsaħħu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ. It-tagħlim u l-istudju f'pajjiż ieħor wera li huwa ta' valur miżjud kbir għaż-żgħażagħ biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, itejbu l-opportunitajiet tal-karriera tagħhom u jsaħħu ċ-ċittadinanza Ewropea. Iktar żgħażagħ, mis-saffi kollha tas-soċjetà, għandhom jibbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet.

Għaldaqstant il-Kummissjoni se tvara “ErasmusPro”, attività dedikata ġdida tal-programm Erasmus + biex tappoġġa kollokamenti b'perjodu twil ta' apprendisti barra minn pajjiżhom. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll Qafas ta' Kwalità għall-Apprentistati li jistipula prinċipji ewlenin għat-tfassil u t-twettiq tal-apprendistati fil-livelli kollha. Servizz ta' appoġġ għall-apprendistati mmexxi mid-domanda se jiġi stabbilit fl-2017, sabiex jappoġġa lil pajjiżi li qed jintroduċu jew jirriformaw sistemi tal-apprendistat.

Niżguraw edukazzjoni ta' kwalità għolja

Bħala parti mill-miżuri tal-lum, il-Kummissjoni qed tippreżenta serje ta' azzjonijiet biex tgħin lil Stati Membri jipprovdu edukazzjoni ta' kwalità għolja liż-żgħażagħ kollha, sabiex jakkwistat l-għarfien u l-ħiliet biex jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u biex jirrispondu għal opportunitajiet u sfidi ġdid li jinfetħu mill-globalizzazzjoni u l-bidla teknoloġika.

Sfond

Waqt id-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2016, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jintensifika l-isforzi b'appoġġ għaż-żgħażagħ. Notevolment, ħabbar il-ħolqien ta' Korp Ewropew ta' Solidarjetà, bħala parti minn aġenda politika usa' mmirata lejn l-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà, u qal “Ma nistax u m'iniex se naċċetta li l-Ewropa hija u tibqa' l-kontinent tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. Ma nistax u m'iniex se naċċetta li l-millenials, il-Ġenerazzjoni Y, se jkunu l-ewwel ġenerazzjoni f'70 sena li se jkunu ifqar mill-ġenituri tagħhom.[…] Aħna se nkomplu nintroduċu l-Garanzija għaż-Żgħażagħ madwar l-Ewropa, b'titjib tal-ħiliet tal-Ewropej u bi sforz biex nilħqu dawk ir-reġjuni u żgħażagħ li l-aktar għandhom bżonn.

Fis-Summit ta' Bratislava fis-16 ta' Settembru 2016, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern ta' 27 Stat Membru tal-UE kkonfermaw ukoll l-impenn tagħhom lejn il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-ħolqien ta' aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ. L-hekk imsejjaħ “Pjan Direzzjonali” tistabbilixxi riżultati konkreti u skadenzi fid-dawl ta' “jinħoloq futur ekonomiku promettenti għal kulħadd, jiġi ssalvagwardjat l-istil tal-ħajja tagħna u jiġu pprovduti opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ”. Fost dawn ir-riżultati, il-Kunsill impenja ruħu li jieħu “deċiżjonijiet dwar appoġġ mill-UE lill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-qagħad fost iż-żgħażagħ u dwar programmi tal-UE msaħħa ddedikati liż-żgħażagħ” qabel tmiem is-sena. 

Fl-4 ta' Ottubru 2016, il-Kummissjoni rrapportat dwar il-kisbiet ewlenin tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (Youth Employment Initiative, YEI) eżistenti sa mit-tnedija tagħhom fl-2013.http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-3216_en.htm

Aktar informazzjoni

MEMO/16/4166: Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar l-Investiment fiż-żgħażagħ tal-Ewropa

MEMO/16/4168: Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Paġna web dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Stockshots European Voluntary Service   * 

Communication 'Investing in Europe's Youth'   *

Communication 'Improving and Modernising Education'   *

Communication 'A European Solidarity Corps'   *

 

*  [updated : 9/12 at 11.00]

 

 

 

 

IP/16/4165

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Videos