Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Għajnuna mill-Istat: Ir-rapport finali tal-inkjesta settorjali jagħti linji gwida dwar il-mekkaniżmi ta' kapaċità

Brussell, it-30ta' novembru 2016

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-rapport finali tal-inkjesta settorjali tagħha dwar il-mekkaniżmi ta' kapaċità. Dan jasal għall-konklużjoni li l-Istati Membri jridu jevalwaw aħjar il-ħtieġa ta' tali mekkaniżmi u jipprovdi gwida dwar kif l-għamla tagħhom tkun tista' tipprovdi s-sigurtà tal-provvista filwaqt li jiġu minimizati d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni.

Ir-rapport jasal għall-konklużjoni li l-Istati Membri ħafna drabi ma evalwawx b'mod adegwat il-ħtieġa li jkun hemm mekkaniżmu ta' kapaċità qabel ma jintroduċu wieħed. Barra minn dan, ħafna Stati Membri għad iridu jimplimentaw riformi tas-suq li huma indispensabbli sabiex jinkisbu r-riżultati għar-rigward tas-sigurtà tal-provvista. Meta jkun meħtieġ li jkun hemm mekkaniżmu ta' kapaċità ir-rapport jipprovdi gwida prattika lill-Istati Membri dwar liema tipi ta' mekkaiżmi ta' kapaċità jistgħu jkunu l-aktar xierqa biex tiġi solvuta l-problema identifikata.

L-inkjesta settorjali rigward il-mekkaniżmu ta' kapaċità pprovdiet materjal għall-Pakket dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha, u kkumplimentatu, liema pakkett kien ippreżentat illum mill-Kummissjoni sabiex jinħolqu swieq tal-elettriku moderni, li jaħdmu aħjar, u li jkunu integrati aktar, fl-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissarju Margrehte Vestager qalet: "Il-mekkaniżmi ta' kapaċità jridu jkunu jikkorrispondu ma' problema fis-suq, u jkunu miftuħa għat-teknoloġiji kollha u għall-operaturi minn pajjiżi oħra tal-UE. Ma għandhomx ikunu sussidji minn taħt għal xi teknoloġija speċifika, bħal ma huma l-karburanti fossili, jew li jkollhom prezz għoli wisq għall-konsumaturi tal-elettriku. Ir-rapport tal-inkjesta settorjali se jkun ta' għajnuna għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri biex jintroduċu mekkaniżmi ta' kapaċità immirati aħjar, u biss jekk ikun hemm bżonn ġenwin għalihom.

Iżda anki jekk il-mekkaniżmi tal-kapaċita jkunu mfassal tajjeb, dawn ma jistgħux jieħdu post ir-riformi neċessarji fis-suq tal-elettriku. Huwa għalhekk li l-inkjesta settorjali tikkumplimenta l-pakkett importanti ta' proposti tal-Kummissjoni dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha sabiex is-swieq Ewropej tal-elettriku jkunu aktar integrati u jaħdmu aħjar.

Il-konklużjonijiet ewlenin tar-rapport huma:

Il-mekkaniżmi ta' kapaċità jrid ikollhom magħhom riformi adegwati tas-suq.

Għalkemm b'mod ġenerali teżisti kapaċità eċċessiva fis-swieq Ewropej tal-elettriku, u l-qtugħ tal-elettriku huwa estremament rari, ħafna Stati Membri huma mħassba li fil-futur jista' ma jkollhomx biżżejjed ġenerazzjoni tal-elettriku biex ikunu jistgħu jlaħħqu mad-domanda. Xi Stati Membri għaldaqstant iddeċidew li jintroduċu mekkaniżmi ta' kapaċità li jirrimuneraw lill-ġeneraturi tal-elettriku u lil fornituri oħra tal-kapaċità talli jkunu disponibbli f'każ ta' bżonn. Il-Kummissjoni sabet total ta' 35 mekkaniżmu ta' kapaċità li kienu jeżistu qabel, jew li jeżistu issa jew li huma ppjanati, fil-11-il Stat Membru koperti mill-inkjesta tas-settur (jiġifieri l-Belġju, il-Kroazja, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, Spanja u l-Iżvezja).

L-inkjesta sabet li f'ħafna Stati Membri l-fallimenti fis-suq u dawk regolatorji ma jippermettux li jkun hemm is-sinjali fil-prezz neċessarji biex jinżammu livelli xierqa ta' sigurtà tal-provvista. Ħafna minn dawn il-preokkupazzjonijiet jistgħu jiġu eliminati bl-implimentazzjoni tar-riformi tas-suq proposti fil-Pakket dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha. Dan jinkludi t-tneħħija ta' limiti massimi baxxi tal-prezz tal-elettriku, l-introduzzjoni fis-suq tal-kunċett tal-ġestjoni tad-domanda, kif ukoll l-allinjament taż-żoni fejn jinħarġu offerti mal-konġestjoni fin-network. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għad iridu jimplimentaw riformi adegwati fis-suq biex inaqqsu jew anki jeliminaw il-ħtieġa għal mekkaniżmu nazzjonali tal-kapaċità.

Għalhekk, meta l-Istati Membri jippjanaw li jintroduċu mekkaniżmu ta' kapaċità, il-Kummissjoni se tobbligahom li l-ewwel jimplimentaw ir-riformi fis-suq li jkunu neċessarji.

 

Trid tingħata prova tal-ħtieġa li jkun hemm mekkaniżmu ta' kapaċità

L-inkjesta kkostatat li ħafna mill-mekkaniżmi ta' kapaċità li ddaħħlu fl-Ewropa ma ġewx imfassla biex isolvu xi problema ta' sigurtà tal-provvista li tkun ġiet identifikata b'mod ċar. L-evalwazzjonijiet tal-Istati Membri rigward is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-provvista ma humiex dettaljati biżżejjed u mhux dejjem ikunu bbażati fuq mira ġustifikabbli għas-sigurtà tal-provvista. Il-Kummissjoni għalhekk tirrekjedi li l-ħtieġa għall-mekkaniżmi ta' kapaċità tkun mirfuda minn evalwazzjoni robusta ta' adegwatezza tal-ġenerazzjoni. Il-Pakkett tal-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha tal-lum jipproponi evalwazzjonijiet Ewropea mtejba tal-adegwatezza reġjonali tar-riżorsi, li jipprovdu bażi dejjem aktar affidabbli biex tiġi stabbilita l-ħtieġa għal mekkaniżmi ta' kapaċità.

 

Il-mekkaniżmi ta' kapaċità jridu jkunu utli għall-iskopijiet tagħhom u jkunu miftuħa għall-fornituri kollha tal-kapaċità

L-inkjesta kkostatat li l-għamla tal-biċċa l-kbira tal-mekkaniżmi ta' kapaċità tista' tittejjeb b'mod sinifikanti.

L-ewwel nett, il-mekkaniżmu magħżul irid ikun jikkorrispondi mal-problema identifikata. Fuq naħa, fil-każ ta' problemi ta' adegwatezza għat-tul, jista' jkun li l-mekkaniżmu l-aktar xieraq ikun dak li jinkorpora s-suq kollu. Min-naħa l-oħra, il-preokkupazzjonijiet temporanji ta' adegwatezza jiġu indirizzati aħjar permezz ta' aktar miżuri tranżitorji bħal ma tkun riżerva strateġika. Ir-riżervi strateġiċi jżommu ċerta kapaċità 'l barra mis-suq tal-elettriku biex din tintuża biss fl-emerġenzi. Meta xi kwistjoni ta' emerġenza tkun f'żona limitata, il-konnessjonijiet imtejba tal-grid, u d-definizzjoni ta' konfini ġeografiċi aktar xierqa ta' żoni ta' offerti x'aktarx li jkunu aktar xierqa biex isolvu preokkupazzjonijiet sottostanti ta' adegwatezza.

Permezz ta' hekk imsejħa "skemi ta' interruzzjoni" il-konsumaturi tal-elettriku jitħallsu meta jnaqqsu d-domanda tal-enerġija tagħhom meta l-elettriku jiskarsa. L-inkjesta kkonkludiet li tali skemi jistgħu għat-tul ikunu xierqa biex jinkoraġġixxu domanda flessibbli, iżda fl-istess ħin dawn ma għandhomx isiru sussidji li jgawdu minnhom utenti li jużaw ħafna enerġija.

It-tieni, il-prezz imħallas għall-kapaċità jrid ikun stabbilit permezz ta' proċess kompetittiv. L-inkjesta kkonfermat li l-prezzijiet stabbiliti permezz ta' proċedura amministrattiva ma humiex adegwati peress li hemm ir-riskju li dawn jagħtu kumpens eċċessiv lill-benefiċjarji jew ma jirriżultawx f'sigurtà tal-provvista. Il-proċessi kompetittivi tal-istabbiliment tal-prezzijiet, flimkien ma' kriterji miftuħa tal-eliġibbiltà li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-fornituri kollha potenzjali ta' kapaċità jiżguraw li l-prezz imħallas għall-kapaċità jkun hemm jista' jkun baxx. Dan huwa importanti sabiex il-prezzijiet tal-elettriku jibqgħu baxxi għall-konsumaturi.

It-tielet, il-mekkaniżmi ta' kapaċità għandhom ikunu wkoll miftuħa għall-fornituri minn Stati Membri oħra. Dan ikun ta' inċentiv għall-investiment fl-interkonnetturi u fil-kapaċità ta' ġenerazzjoni fi Stati Membri oħra, u jnaqqas il-kosti tas-sistema.

 

Il-passi li jmiss

Peress li l-inkjesta sabet li hemm għadd ta' mekkaniżmi ta' kapaċità eżistenti li għandhom nuqqasijiet kbar, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex dawn l-iskemi jinġiebu konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn dan, kull pjan ġdid tal-Istati Membri li jdaħħlu mekkaniżmi ta' kapaċità ikun evalwat fid-dawl tal-għarfien miksub mill-inkjesta settorjali.

L-Isfond

Jekk jogħġbok ara wkoll l-Iskeda Informattiva dwar ir-Rapport Finali tal-inkesta settorjali u s-sit web tal-Inkjesta Settorjali.

F'April 2015 il-Kummissjoni nediet inkjesta settorjali dwar l-appoġġ finanzjarju li l-Istati Membri tal-UE jagħtu lill-produtturi u lill-konsumaturi tal-elettriku biex titħares is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku (mekkaniżmi ta' kapaċità). Hija kellha preokkupazzjonijiet li l-mekkaniżmi ta' kapaċità jistgħu qegħdin jagħtu vantaġġ lil ċerti produtturi jew teknoloġiji partikolari u jistgħu joħolqu ostakoli quddiem il-kummerċ fl-elettriku bejn il-fruntieri, bi ksur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE.

Sabiex tevalwa dawn il-preokkupazzjonijiet, matul is-sena li għaddiet il-Kummissjoni ġabret informazzjoni mill-parteċipanti fis-suq u minn korpi pubbliċi rigward il-mekkaniżmi ta' kapaċità eżistenti u ppjanti fi 11-il Stat Membru. F'April 2016 il-Kummissjoni ppubblikat rapport interim u stiednet lill-pubbliku jagħti l-kummenti tiegħu.

 

IP/16/4021

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar