Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni qed tipproponi regoli tat-taxxa ġodda li jsostnu l-kummerċ elettroniku u n-negozji onlajn fl-UE

Brussell, I-1ta' dicembru 2016

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret serje ta' miżuri biex ittejjeb it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (il-VAT) għall-kummerċ elettroniku fl-UE. Il-proposti tagħna se jippermettu lill-konsumaturi u lill-kumpaniji, b'mod partikolari lill-SMEs u lin-negozji ġodda, jixtru u jbigħu prodotti u servizzi onlajn b'mod aktar faċli.

Bl-introduzzjoni ta' portal għall-UE kollha għall-pagamenti onlajn tal-VAT (“One Stop Shop”), l-ispejjeż tal-konformità tal-VAT se jitnaqqsu sew u n-negozji fl-UE kollha se jiffrankaw €2.3 biljun fis-sena. Ir-regoli l-ġodda se jiżguraw ukoll li l-VAT titħallas fl-Istat Membru tal-konsumatur finali biex ikun hemm distribuzzjoni aktar ġusta tad-dħul mit-taxxa bejn il-pajjiżi tal-UE. Il-proposti tagħna se jgħinu lill-Istati Membri biex jirkupraw il-madwar €5 biljun f'VAT li attwalment huma estimati li jintilfu kull sena mill-bejgħ onlajn. It-telf fid-dħul huwa stmat li se jlaħħaq €7 biljun sal-2020 u għalhekk huwa essenzjali li nieħdu azzjoni issa.

Sa fl-aħħar il-Kummissjoni qiegħda twettaq il-wegħda tagħha li tippermetti lill-Istati Membri japplikaw l-istess rata ta' VAT tal-pubblikazzjonijiet stampati fuq il-pubblikazzjonijiet elettroniċi bħal kotba u ġurnali onlajn, billi qed tneħħi d-dispożizzjonijiet li kienu jeskludu l-pubblikazzjonijiet elettroniċi minn trattament tat-taxxa favorevoli li huwa permess għall-pubblikazzjonijiet stampati tradizzjonali.

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali qal: "Qed inwettqu l-wegħda tagħna li nkabbru l-kummerċ elettroniku fl-Ewropa. Diġà pproponejna li jagħmlu l-kunsinna tal-pakketti iktar effiċjenti u għall-but ta' kulħadd, li l-konsumaturi jiġu protetti aħjar meta jixtru onlajn u li jiġi indirizzat l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat. Issa qed nissimplifikaw ir-regoli tal-VAT: l-aħħar ħolqa fil-katina. Il-proposta tal-lum mhux biss se tgħin lin-negozju, speċjalment lill-iżgħar negozji u lil dawk li għadhom qed jibdew, iżda se tagħmel ukoll is-servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u żżid il-kooperazzjoni transfruntiera.”

Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: “In-negozji onlajn li joperaw fl-UE ilhom ħafna jitolbuna biex nissimplikaw l-affarijiet. Illum se nagħmlu hekk. Kumpaniji kbar u żgħar li jbigħu barra minn pajjiżhom onlajn issa se jieħdu ħsieb il-VAT bl-istess mod bħallikieku kienu qed ibigħu f'pajjiżhom stess. Dan ifisser inqas ħela ta' ħin, inqas burokrazija u inqas spejjeż. Qegħdin ukoll nissimplifikaw ir-regoli għall-mikrointrapriżi u għan-negozji li għadhom qed jibdew ħalli b'hekk ikunu jistgħu jisfruttaw swieq ġodda aktar faċliment. Il-proposti tagħna jfissru li l-gvernijiet Ewropej se jdaħħlu €100 miljun fil-ġimgħa addizzjonali li jkunu jistgħu jonfqu fuq servizzi għaċ-ċittadini tagħhom.”

Il-proposti tal-lum iħaddnu approċċ ġdid lejn il-VAT għall-kummerċ elettroniku u jsegwu l-impenji lejn żona unika tal-VAT fl-UE li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa u fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-VAT.

B'mod partikolari, qed nipproponu:

  • Regoli ġodda li jippermettu lill-kumpaniji li jbigħu oġġetti onlajn jieħdu ħsieb b'mod aktar faċli l-obbligi tal-UE tal-VAT kollha tagħhom f'post wieħed;

  • Biex nissimplifikaw ir-regoli tal-VAT għan-negozji li jkunu għadhom qed jibdew u għall-mikrointrapriżi li jbigħu onlajn, il-VAT fuq il-bejgħ transfruntier ta' anqas minn €10 000 se tiġi mmaniġġjata domestikalment. L-SMEs se jibbenefikaw minn proċeduri aktar sempliċi għal bejgħ transfruntier ta' sa €100 000;

  • Se tittieħed azzjoni kontra l-frodi tal-VAT minn barra l-UE, li tista' toħloq distorsjoni tas-suq u kompetizzjoni inġusta;

  • L-Istati Membri se jkunu jistgħu jnaqqsu r-rati tal-VAT għall-pubblikazzjonijiet elettroniċi bħal kotba u gazzetti onlajn.

     

Dawn il-proposti leġiżlattivi issa se jitressqu quddiem il-Parlament Ewropew għall-konsultazzjoni u quddiem il-Kunsill għall-adozzjoni.

L-azzjonijiet ewlenin fid-dettall:

Regoli ġodda tal-VAT għall-bejgħ ta' oġġetti u servizzi onlajn: Bħalissa, in-negozjanti onlajn iridu jirreġistraw għall-VAT f'kull Stat Membru li jbigħu oġġetti fih. Dawn l-obbligi tal-VAT, li ta' spiss jissemmew bħala wieħed mill-akbar ostakli għall-kummerċ elettroniku transfruntier, jiswew lin-negozji madwar €8 000 għal kull pajjiż tal-UE fejn ibigħu. Aħna issa qegħdin jipproponu li n-negozji jagħmlu dikjarazzjoni tal-VAT waħda sempliċi kull tliet xhur għall-VAT dovuta madwar l-UE kollha, billi jużaw one stop shop għall-VAT onlajn. Din is-sistema diġà teżisti għal bejgħ ta' servizzi elettroniċi, bħal apps tal-mowbajls, u ġie ppruvat li rnexxiet b'aktar minn €3 biljun ta' VAT miġbura permezz tas-sistema fl-2015. Il-piżijiet amministrattivi għall-kumpaniji se jitnaqqsu b'95 %, li jsarrfu fi frankar kumplessiv għan-negozji tal-UE ta' €2.3 biljun u żieda fid-dħul mill-VAT ta' €7 biljun għall-Istati Membri.

Simplifikazzjoni tar-regoli tal-VAT għall-mikrointrapriżi u n-negozji li jkunu għadhom qed jibdew: Se jiġi introdott limitu annwali ġdid ta' €10 000 f'bejgħ onlajn, li taħtu n-negozji li jbigħu b'mod transfruntier jistgħu jkomplu japplikaw ir-regoli tal-VAT li huma mdorrijin bihom f'pajjiżhom. Dan se jagħmilha iktar faċli għal 430 000 kumpanija madwar l-UE biex jikkonformaw mar-regoli tal-VAT. Dan l-għadd jirrappreżenta 97 % tal-mikronegozji kollha li jinnegozjaw b'mod transfruntier. Tieni limitu annwali ġdid ta' €100 000 se jagħmilha eħfef għall-SMEs f'dak li għandu x'jaqsam mal-VAT, b'regoli simplifikati biex jidentifikaw fejn huma bbażati l-konsumaturi tagħhom. Dawn il-limiti jistgħu jiġu applikati sa mill-2018 għas-servizzi elettroniċi u sal-2021 għall-oġġetti onlajn. Simplifikazzjonijiet oħra jkunu jippermettu lill-iżgħar negozji biex jibbenefikaw mill-istess regoli familjari tal-VAT ta' pajjiżhom, bħar-rekwiżiti tal-fatturar u ż-żamma tar-reġistri. L-ewwel punt ta' kuntatt dejjem se jkun mal-amministrazzjoni tat-taxxa fejn jinsab in-negozju u n-negozji mhux se jibqgħu jiġu awditjati minn kull Stat Membru fejn ibigħu.

Azzjoni kontra l-frodi tal-VAT minn barra l-UE: Kunsinni żgħar importati fl-UE li għandhom valur ta' anqas minn €22 bħalissa huma eżenti mill-VAT. B'madwar 150 miljun pakkett importat mingħajr VAT fl-UE kull sena, din is-sistema hija miftuħa għal frodi u abbuż kbar li joħolqu distorsjonijiet kbar kontra n-negozji tal-UE. L-ewwel nett, in-negozji tal-UE jitqiegħdu fi żvantaġġ ċar peress li b'differenza mill-kompetituri mhumiex tal-UE tagħhom, huma għandhom l-obbligu li japplikaw għall-VAT mill-ewwel ċenteżmu mibjugħ. It-tieni nett, prodotti ta' valur għoli importati bħal smartphones u tablets jiġu konsistentement sottovalwati jew deskritti ħażin fil-karti tal-importazzjoni sabiex jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni mill-VAT. Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li tneħħi din l-eżenzjoni.

L-istess regoli għat-tassazzjoni tal-kotba-elettroniċi, tal-gazzetti-elettroniċi u tal-ekwivalenti stampati tagħhom: Ir-regoli attwali jippermettu lill-Istati Membri jintaxxaw pubblikazzjonijiet stampati bħal kotba u gazzetti b'rati mnaqqsa jew, f'xi każijiet imnaqqsa ħafna jekk mhux għal kollox. L-istess regoli jeskludu l-pubblikazzjonijiet-elettroniċi, li jfisser li dawn il-prodotti jkollhom jiġu intaxxati bir-rata standard. Ladarba jkun hemm qbil bejn l-Istati Membri kollha, l-istruttura l-ġdida se tippermetti, iżda ma tobbligax, lill-Istati Membri jallinjaw ir-rati fuq il-pubblikazzjonijiet-elettroniċi ma' dawk tal-pubblikazzjonijiet stampati.

Għal aktar tagħrif

Q&A dwar il-VAT għall-kummerċ-elettroniku

Strateġija għal Suq Uniku Diġitali

Pan ta' Azjoni dwar il-VAT: Lejn żona unika tal-VAT fl-UE

IP/16/4010

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar