Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Enerġija nadifa għall-Ewropej Kollha – l-iżblukkar tal-potenzjal ta' tkabbir tal-Ewropa

Brussell, it-30ta' novembru 2016

Illum il-Kummisjoni qed tippreżenta pakkett ta' miżuri sabiex iżżomm lill-Unjoni Ewropea kompetittiva minħabba li t-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa qed tbiddel is-swieq globali tal-enerġija.

Il-Kummissjoni trid li l-UE tmexxi t-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa, u mhux tadatta biss għaliha. Għal dik ir-raġuni, l-UE hija impenjata li taqta' l-emissjonijiet tas-CO2 b'mill-anqas 40% sal-2030 waqt li timmodernizza l-ekonomija tal-UE u twettaq l-impenji tagħha fir-rigward tat-tkabbir u tal-impjiegi għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Il-proposti tal-lum għandhom tliet għanijiet ewlenin: li l-effiċjenza tal-enerġija tiġi l-ewwel, li niksbu tmexxija globali fl-enerġiji rinnovabbli u li nipprovdu trattament ġust għall-konsumaturi. 

Il-konsumaturi huma atturi attivi u ċentrali fis-swieq tal-enerġija tal-futur. Fil-ġejjieni l-konsumaturi fl-UE kollha ser ikollhom għażla aħjar ta' provvista, aċċess għal għodod affidabbli ta' tqabbil tal-prezzijiet tal-enerġija u l-possibbiltà li jipproduċu u jbigħu l-elettriku tagħhom stess. Żieda fit-trasparenza u regolamentazzjoni aħjar jagħtu aktar opportunitajiet lis-soċjetà ċivili sabiex issir aktar involuta fis-sistema tal-enerġija u tirreaġixxi għas-sinjali tal-prezzijiet. Il-pakkett fih ukoll għadd ta' miżuri mmirati għall-protezzjoni tal-aktar konsumaturi vulnerabbli.

Il-Viċi President għall-Unjoni tal-Enerġija Maroš Šefčovič qal: "Il-pakkett tal-lum se jagħti spinta lit-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa permezz tal-immodernizzar tal-ekonomija tagħna. Bit-tmexxija tagħha fejn tidħol l-azzjoni rigward il-klima globali fis-snin riċenti, l-Ewropa issa qed tagħti eżempju billi toħloq il-kundizzjonijiet għal impjiegi sostenibbli, tkabbir u investiment. Il-proposti tal-lum jolqtu lis-setturi kollha relatati mal-enerġija nadifa: tar-riċerka u tal-innovazzjoni, tal-ħiliet, tal-bini, tal-industrija, tat-trasport, dak diġitali u dak finanzjarju biex insemmu ftit eżempji. Dawn l-proposti se jgħammru lill-konsumaturi u n-negozji kollha Ewropej bil-mezzi biex jagħmlu l-aħjar użu mit-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa."

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija Miguel Arias Cañete qal: "Il-proposti tagħna jagħtu spinta qawwija lis-suq għat-teknoloġiji ġodda, jistabbilixxu l-kundizzjonijiet it-tajbin għall-investituri, jagħtu setgħa lill-konsumaturi, jagħmlu s-swieq tal-enerġija jaħdmu aħjar u jgħinuna nilħqu l-miri tal-klima tagħna. Jiena partikolarment kburi bil-mira vinkolanti ta' 30% fejn tidħol l-effiċjenza tal-enerġija, minħabba li se tnaqqas id-dipendenza tagħna mill-importazzjonijiet tal-enerġija, toħloq l-impjiegi u taqta' aktar emissjonijiet. L-Ewropa tinstab fuq l-għatba ta' revoluzzjoni tal-enerġija nadifa. U kif għamilna f'Pariġi, jirnexxilna biss jekk naħdmu flimkien. B'dawn il-proposti, il-Kummissjoni wittiet it-triq għal sistema ta' enerġija aktar kompettitiva, moderna u aktar nadifa. Issa se nistennew li l-Parlament Ewropew u l-Istati Membri tagħna jagħmluha realtà."

Il-proposti tal-Kummissjoni “Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha” huma mfassla sabiex juru li t-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa hija s-settur ta' tkabbir tal-futur - il-flejjes intelliġenti jinstabu hawnhekk. L-enerġiji nodfa fl-2015 attiraw investiment globali ta' aktar minn 300 biljun ewro. L-UE qiegħda f'pożizzjoni tajba sabiex tuża l-politiki tagħna fil-qasam tar-riċerka, tal-iżvilupp u tal-innovazzjoni sabiex iddawwar din it-tranżizzjoni f'opportunità industrijali konkreta. Billi jimmobilizza sa 177 biljun euro f'investiment pubbliku u privat kull sena mill-2021, dan il-pakkett jista' jiġġenera żieda sa 1% fil-PDG tul id-deċennju li ġej u joħloq 900,000 impjieg ġdid.

Il-proposti leġiżlattivi Enerġija Nadifa Għall-Ewropej Kollha jkopru l-effiċjenza tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, it-tfassil tas-suq tal-elettriku, is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u r-regoli ta' governanza tal-Unjoni tal-Enerġija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tipproponi mod ġdid ta' kif għandna nimxu 'l quddiem f'dak li għandu x'jaqsam mal-Ekodisinn kif ukoll strateġija għal mobilità konnessa u awtomatizzata.  

Il-pakkett jinkludi wkoll azzjonijiet għall-aċċellerazzjoni tal-innovazzjoni tal-enerġija nadifa u għar-rinovazzjoni tal-binjiet tal-Ewropa. Dan jipprovdi wkoll miżuri sabiex jitħeġġeġ l-investiment pubbliku u privat, tiġi promossa l-kompetittività industrijali tal-UE u jitnaqqas l-impatt soċjali tat-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa. Aħna qed niskopru wkoll modi kif l-UE tista' turi aktar tmexxija fit-teknoloġiji u fis-servizzi marbuta mal-enerġija nadifa sabiex il-pajjiżi terzi jiġu megħjuna jiksbu l-għanijiet tal-politika tagħhom. 

Sfond

F'Ottubru tal-2014 il-Kunsill Ewropew qabel fuq il-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 għall-UE li jistabbilixxi mira domestika ambizzjuża fl-ekonomija kollha ta' mill-anqas 40% tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030. Il-Ftehim ta' Pariġi jikkonferma l-approċċ tal-UE. L-implimentazzjoni tal-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 kif miftiehem mill-Kunsill Ewropew hija prijorità fis-segwitu għall-Ftehim ta' Pariġi.

L-UE qed tikkonsolida l-ambjent li jippermetti t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju permezz ta' firxa wiesa' ta' politiki li jinteraġixxu u strumenti riflessi taħt l-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija, waħda mill-10 prijoritajiet tal-Kummissjoni ta' Juncker.

Il-Kummissjoni diġà ressqet 'il quddiem proposti ewlenin sabiex timplimenta l-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030. Fl-2015, hi ppreżentat proposta sabiex tirriforma l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (ETS) sabiex tiżgura li s-settur tal-enerġija u l-industriji li jużaw ħafna enerġija jwettqu t-tnaqqis meħtieġ fl-emissjonijiet. Fis-sajf tal-2016, il-Kummissjoni ressqet 'il quddiem proposti għall-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn livelli baxxi ta' karbonju fis-setturi ewlenin l-oħra tal-ekonomija Ewropea. Il-proposti tal-lum jippreżentaw l-elementi ewlenin li fadal għall-implimentazzjoni tal-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 tal-UE b'mod partikolari fuq l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija.

Il-proposti leġiżlattivi kollha relatati mal-Unjoni tal-Enerġija ppreżentati mill-Kummissjoni fl-2015 u fl-2016 jeħtieġu li jkunu indirizzati bħala prijorità mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. 

 

Għal Aktar Tagħrif

Id-dokumenti kollha fil-pakkett tal- Enerġija Nadifa

Skeda informattiva: Nagħtu prijorità ewlenija lill-effiċjenza tal-enerġija: nikkunsmaw aħjar, inkunu aktar indaf

Skeda informattiva: Niksbu t-tmexxija globali fl-enerġiji rinnovabbli

Skeda informattiva: Nipprovdu trattament ġust għall-konsumaturi

Stqarrija għall-istampa Għajnuna mill-Istat: rapport finali dwar inkjesta settorjali fil-mekkaniżmi ta' kapaċità

Skeda informattiva: Għajnuna mill-Istat: rapport finali dwar inkjesta settorjali fil-mekkaniżmi ta' kapaċità

Strateġija tal-Unjoni tal-Enerġija

Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)

IP/16/4009

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar