Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Fond Soċjali Ewropew għen kważi 10 miljun Ewropej isibu impjieg bejn l-2007 u l-2014

Brussell, il-5ta' jannar 2017

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat rapport ta' evalwazzjoni ta' investimenti taħt il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) waqt il-perjodu 2007-2013, b'rapporti speċifiċi għal kull Stat Membru.

Ir-rapport juri li sal-aħħar tal-2014, mill-anqas 9.4 miljun residenti Ewropej se jkunu sabu impjieg b'għajnuna mill-Fond. 8.7 miljun kisbu kwalifika jew ċertifikat. Riżultati pożittivi oħrajn, bħal żieda fil-livelli tal-ħiliet, kienu rrapportati minn 13.7 miljun parteċipanti.

Skont l-evalwazzjoni, bejn l-2007 u l-2014, il-Fond Soċjali Ewropew ipprovda appoġġ essenzjali għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali u tal-UE għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, inkluż il-miri tal-Ewropa 2020 u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

Valdis Dombrovskis, Viċi-President għall-Euro u d-Djalogu Soċjali, qal: "Ir-rapport tal-lum juri li l-Fond Soċjali Ewropew, f'7 snin, għen miljuni ta' Ewropej isibu xogħol, jiksbu aktar ħiliet u kwalifiki. Il-Fond Soċjali Ewropew kellu rwol essenzjali fil-funzjonament tas-swieq tax-xogħol fl-Istati Membri kollha. Dan għen fil-modernizzazzjoni tas-servizzi tax-xogħol, appoġġja s-sistemi tal-edukazzjoni u l-amministrazzjoni pubblika ġenerali, u għen lil dawk li huma l-aktar żvantaġġjati fis-soċjetà. Issa jeħtieġ li nibnu fuq din l-esperjenza sabiex ninvestu fil-kapital uman tal-Ewropa - ħaddiema, żgħażagħ u dawk kollha li qed ifittxu xogħol."

Marianne Thyssen, Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, ikkummentat: "L-evalwazzjoni tal-lum turi li l-Fond Soċjali Ewropew jagħmel differenza ta' vera fil-ħajjiet tal-Ewropej. Dan huwa l-istrument ewlieni tagħna sabiex ninvestu fil-kapital uman. Grazzi għall-appoġġ Ewropew, miljuni ta' nies sabu impjieg, tejbu l-ħiliet tagħhom jew ħarġu mill-faqar u l-esklużjoni soċjali. Dan huwa s-solidarjetà fl-aħjar tagħha."

Il-parteċipanti fl-azzjonijiet tal-FSE huma mqassma b'mod ugwali bejn l-inattivi (36%), dawk impjegati (33%) u dawk qiegħda (30%). Gruppi fil-mira ewlenin inkludew dawk ta' ħiliet baxxi (40%), żgħażagħ (30%) u dawk żvantaġġati (mill-anqas 21%). In-nisa kienu jikkonsistu f'51.2 miljun mill-parteċipanti.

L-Istati Membri bbenefikaw minn riżorsi finanzjarji addizzjonali sinifikanti pprovduti permezz tal-FSE sabiex jindirizzaw sfidi soċjali u ta' impjiegi, sabiex jilħqu lin-nies u jistabbilixxu politiki li kieku kien ikollhom diffikultà sabiex isibu appoġġ finanzjarju. L-FSE pprovda, pereżempju, aktar minn 70% tar-riżorsi għal politika attiva tas-suq tax-xogħol fil-Bulgarija, fl-Estonja, fil-Greċja, fil-Latvja, fil-Litwanja, f'Malta, fir-Rumanija u fis-Slovakkja u aktar minn 5% tan-nefqa fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-Portugall u fir-Repubblika Ċeka. L-FSE ta bidu għal modi ġodda ta' ħidma bejn il-partijiet interessati u appoġġja innovazzjonijiet lokali u reġjonali li imbagħad kienu integrati fuq livell nazzjonali.

L-FSE kellu rwol essenzjali fl-appoġġ tal-modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u istituzzjonijiet oħrajn responsabbli għal azzjonijiet attivi tas-suq tax-xogħol. F'reġjuni inqas żviluppati l-FSE appoġġja riformi fl-edukazzjoni, fil-ġudikatura u fl-amministrazzjoni pubblika ġenerali. B'dan il-mod, ta spinta pożittiva lill-ambjent kummerċjali u ħoloq soċjetajiet aktar inklussivi.

L-FSE kellu wkoll impatt pożittiv fuq il-PDG tal-UE28 (żieda ta' 0.25%) u l-produttività, skont simulazzjonijiet makroekonomiċi.

Finalment, ir-rapport jenfasizza r-rwol tal-FSE fit-tnaqqis tal-effetti negattivi tal-kriżi. Grazzi għall-flessibilità tiegħu, dan jista' jirrispondi malajr għal sfidi li qed jiffaċċjaw, permezz tal-iffukar mill-ġdid tal-azzjonijiet fuq dawk l-aktar affettwati mill-kriżi.

Informazzjoni Ġenerali

Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) huwa l-aktar fond antik tal-UE, maħluq mit-Trattat ta' Ruma fl-1957, u huwa l-għodda ewlenija tal-Ewropa għall-investiment fil-kapital uman, permezz tal-promozzjoni tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali. Li jgħin lin-nies isibu xogħol (jew xogħol aħjar), li jintegra nies żvantaġġati fis-soċjetà u li jiżgura opportunitajiet tal-ħajja aktar ġusti għal kulħadd, huma l-prijoritajiet taħt il-Fond.

Fil-perjodu ta' pprogrammar 2007-2013 l-FSE kien operazzjonali f'kull wieħed mit-28 Stat Membru, permezz ta' 117-il Programm Operazzjonali (OPs). Dawn il-programmi jirrispondu għal għanijiet differenti: 59 taħt l-għan ta' kompetittività reġjonali u impjiegi, 42 taħt l-għan ta' konverġenza u 16-il programm b'aktar minn għan wieħed. Skont il-prinċipju ta' ġestjoni kondiviża, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw flimkien il-prijoritajiet u l-għanijiet tal-Programmi, u wara l-Istat Membru jista' jagħżel u jiżviluppa l-proġetti konkreti skont il-Programm, bl-aħjar mod possibbli sabiex jaqdi l-ħtiġijiet taċ-ċittadini tiegħu.

L-allokazzjoni totali għall-FSE 2007-2013 kienet ta' €115.6 biljun, li minnhom €76.8 biljun ġew mill-baġit tal-UE, €35.1 biljun minn kontribuzzjonijiet pubbliċi nazzjonali u €3.7 biljun minn fondi privati. Twettqu ħidmiet bejn Jannar 2007 u Diċembru 2015.

Ġew introdotti għadd ta' bidliet ewlenin meta mqabbel mal-perjodu ta' pprogrammar ta' qabel, b'mod partikolari rabtiet aktar mill-qrib mal-politiki u l-għanijiet tal-impjiegi tal-UE u rakkomandazzjonijiet relevanti speċifiċi għall-pajjiż u flessibbiltà akbar għad-deċiżjoni dwar kif għandhom jintlaħqu għanijiet komuni.

Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza, l-evalwazzjoni saret minn esperti esterni dwar l-evalwazzjoni. Din kienet magħmula minn studju preparatorju, ħames studji tematiċi li jkopru l-firxa sħiħa tal-interventi tal-FSE u rapport ta' sinteżi. Din ibbenefikat ukoll mir-riżultati ta' konsultazzjoni miftuħa għall-pubbliku. 

Aktar tagħrif

Memo: Mistoqsijiet u Tweġibiet: Evalwazzjoni tal-2007-2013 tal-Fond Soċjali Ewropew

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal: Evalwazzjoni tal-2007-2013 tal-Fond Soċjali Ewropew

Rapporti ta' evalwazzjoni tematika, rapporti ta' sinteżi u ta' pajjiżi

Aktar informazzjoni dwar proġetti fl-Istat Membru tiegħek

IP/16/3984

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar