Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tagħti spinta lin-negozji ġodda fl-Ewropa

Strasburgu, it-22ta' novembru 2016

L-inizjattiva tal-Kummissjoni favur negozji ġodda u negozji li qed jespandu għandha l-għan li tagħti lil-intraprendituri innovattivi tal-Ewropa, u li minnhom hemm ħafna, kull opportunità li jsiru kumpaniji ewlenin fid-dinja. Hija tgħaqqad flimkien il-possibilitajiet kollha li l-UE diġà toffri u żżid enfasi ġdida fuq l-investiment ta' kapital ta' riskju, il-liġi tal-insolvenza u t-tassazzjoni.

Ma hemm l-ebda nuqqas ta' ideat innovattivi u ta' spirtu intraprenditorjali fl-Ewropa. Madankollu, ħafna impriżi ġodda jew ma jirnexxilhomx iżommu l-attività tagħhom tul-ewwel ftit snin kritiċi jew inkella jittantaw xortihom f'pajjiż terz minflok jisfruttaw il-potenzjal ta' UE b'500 miljun klijent. Il-Kummissjoni Ewropea hija ddeterminata li tibdel din il-qagħda u li tgħin lin-negozji ġodda jwettqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fl-oqsma tal-innovazzjoni u tal-ħolqien tal-impjiegi.

Il-Viċi President Jyrki Katainen, responsabbli għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, stqarr: “In-negozji ġodda lokali tal-lum jistgħu jsiru l-istejjer ta' suċċess globali ta' għada. Irridu ngħinu lin-negozji ġodda jibqgħu fl-Ewropa u jikbru fiha. Dan jista' jsir billi tingħatalhom għajnuna sabiex jinnavigaw madwar dawk li ta' spiss huma jipperċepixxu bħala ostakoli regolatorji li jnaqqsulhom l-aċċess għall-benefiċċji sħaħ tas-Suq Uniku. Billi nagħmluha eħfef għalihom li jkollhom ċans ieħor, mingħajr ma jieħdu isem ħażin jekk l-idea tagħhom ma tirnexxix mill-ewwel. U billi jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament permezz tal-intensifikazzjoni tal-investiment ta' kapital ta' riskju privat.”

Il-Kummissarju Elżbieta Bieńkowska, responsabbli għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, stqarret: “In-negozji ġodda tal-lum ma jiħdux vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet tas-Suq Uniku. Li l-kumpaniji jibdew joperaw u jespandu f'partijiet differenti tal-Ewropa għandu jkun aktar faċli. Jeħtieġ li l-Ewropa ssir l-ewwel post ta' għażla fejn l-ideat eċċezzjonali ta' negozju jistgħu jiffjorixxu f'kumpaniji ta' suċċess. Hawnhekk qed nitkellmu dwar impjiegi ġodda, innovazzjoni u kompetittività għall-Ewropa.”

L-Inizjattiva tiġbor flimkien firxa ta' azzjonijiet eżistenti u oħrajn ġodda biex toħloq qafas iktar koerenti li jippermetti lill-impriżi l-ġodda jikbru u jinnegozjaw fl-Ewropa kollha, b'mod partikolari:

  • Titjib tal-aċċess għall-finanzjament: Il-Kummissjoni u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment qed iniedu Fond ta' Fondi ta' Kapital ta' Riskju Pan-Ewropew. L-UE se tipprovdi investimenti fundamentali b'baġit massimu ta' sa EUR 400 miljun u l-amministratur(i) tal-fondi għandhom jiġbru tal-anqas tliet darbiet aktar minn għejun privati, biex dan iwassal għal minimu ta' EUR 1.6 biljun f'finanzjament ta' kapital ta' riskju. Dan se jiġi ġestit minn amministratur wieħed tal-fond, jew aktar minn wieħed li jkunu professjonali u tal-esperjenza sabiex ikun żgurat approċċ reali tas-suq. Dan jikkomplementa l-istrumenti eżistenti ta' finanzjament tal-UE bħalma huma l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-programm tal-Ewropa għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju COSME u l-programm ta' finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020.
  • Ċans ieħor għall-intraprendituri: Il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva dwar il-liġi tal-insolvenza. Din tippermetti lill-kumpaniji li jsibu ruħhom f'diffikultajiet finanzjarji jirristrutturaw fi stadju bikri, sabiex jevitaw il-falliment u t-tkeċċija tal-persunal. Se tagħmilha wkoll eħfef biex l-intraprendituri onesti jibbenefikaw minn ċans ieħor mingħajr ma jiġu ppenalizzati minħabba li ma rnexxewx fi proġetti ta' negozju preċedenti, billi dawn jinħelsu kompletament mid-dejn tagħhom wara perjodu massimu ta' 3 snin.
  • Dikjarazzjonijiet fiskali iktar sempliċi: Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq firxa ta' simplifikazzjonijiet tat-tassazzjoni, inkluża l-aħħar proposta għal Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK), li tipproponi li jingħata appoġġ lil kumpaniji żgħar u innovattivi li jridu jespandu n-negozju tagħhom b'mod transkonfinali. Inizjattivi oħra jinkludu pjanijiet għal simplifikazzjoni tas-sistema tal-VAT tal-UE u t-twessigħ tal-gwida li jmiss dwar l-aħjar prattika fis-sistemi tat-taxxa tal-Istati Membri għal kapital ta' riskju.

L-inizjattiva tagħmel enfasi wkoll fuq l-għajnuna biex jitwettqu r-rekwiżiti regolatorji, fuq it-titjib tal-appoġġ għall-innovazzjoni permezz ta' riformi f'Orizzont 2020, u fuq il-promozzjoni tal-ekosistemi fejn in-negozji ġodda jistgħu jagħmlu kuntatt ma' sħab potenzjali bħal investituri, sħab tan-negozju, universitajiet u ċentri ta' riċerka. Ir-riformi għall-Orizzont 2020 se jwittu t-triq lejn Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u jinkludu l-użu ta' EUR 1.6 biljun tul il-perjodu 2018-2020 biex jingħata appoġġ axxendenti lil proġetti ta' innovazzjoni sinifikanti minn negozji ġodda b'potenzjal li jikbru. In-netwerk Startup Europe se jissaħħaħ biex jiġu kkollegati r-raggruppamenti u l-ekosistemi fl-Ewropa kollha. Fl-2017 il-Kummissjoni se tressaq proposti għal Portal Uniku Diġitali li jipprovdi aċċess onlajn għal informazzjoni, proċeduri, assistenza u pariri għaċ-ċittadini u għan-negozji rigward is-Suq Uniku. In-Netwerk Enterprise Europe (EEN) jipprovdi servizzi speċifiċi ta' konsulenza - permezz ta' konsulenti dwar l-espansjoni - għal negozji ġodda inkluż dwar l-opportunitajiet ta' finanzjament, is-sħubija u l-aċċess għall-akkwist pubbliku transkonfinali. Il-Kummissjoni se tadotta sett ta' miżuri biex tappoġġa l-użu tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali mill-SMEs u se tieħu azzjoni biex tappoġġa l-aċċess tan-negozji ġodda għas-suq tal-akkwist pubbliku Ewropew li jammonta għal EUR 2 triljuni.

Sfond:

Matul dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni pproponiet għadd ta' politiki, bħal pereżempju l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-Istrateġija għal Suq Uniku u s-Suq Uniku Diġitali, bl-għan li jibbenefikaw minnhom in-negozji ġodda fl-Ewropa. Flimkien mal-azzjonijiet tal-Istati Membri, dan wassal għall-ħolqien ta' għadd ta' azjendi prinċipali fis-suq, bħal Spotify, Klarna, Adyen, Blockchain, Jobandtalent, N26, Algolia, Intercom, Cabify u Deliveroo.

L-Inizjattiva tindirizza tliet ostakoli ewlenin għan-negozji ġodda u għat-tkabbir tagħhom fl-Ewropa u dawn ġew identifikati f'konsultazzjoni pubblika li saret dan l-aħħar:

  • L-aċċess għall-finanzjament huwa l-ikbar problema għall-intraprendituri kemm jekk in-negozju tagħhom ikun għadu ġdid kif ukoll jekk ikunu qed ikabbruh;
  • Il-konformità mar-rekwiżiti regolatorji u amministrattivi ttellef wisq mill-enerġija meħtieġa għat-tkabbir tan-negozju, speċjalment dak transkonfinali;
  • Minkejja d-disponibbiltà ta' Suq Uniku Ewropew b'500 miljun persuna, li ssir konnessjoni ma' ħaddiema tas-sengħa, swieq u sħab kummerċjali li jkunu xierqa għadu diffiċli wisq.

Aktar informazzjoni:

 

IP/16/3882

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar