Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Kemm huwa diġitali pajjiżek? Ċifri ġodda juru li meħtieġa l-azzjoni biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-Ewropa

Brussell, il-25ta' frar 2016

Mis-sena l-oħra, jiġifieri mindu l-Kummissjoni Ewropea nediet l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, il-pajjiżi tal-UE għamlu progress f'diversi oqsma — mill-konnettività u l-ħiliet diġitali għas-servizzi pubbliċi.

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-riżultati tal-edizzjoni tal-2016 tal-Indiċi tal-Ekonomija u tas-Soċjetà Diġitali (l-IESD). Is-sejbiet juru li, mis-sena l-oħra, jiġifieri mindu ġiet ippubblikata l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għamlu progress f'oqsma bħall-konnettività u l-ħiliet diġitali, iżda wkoll fil-qasam tas-servizzi pubbliċi.

Ir-riżultati maħruġa llum, filwaqt li jenfasizzaw it-titjib li sar, juru wkoll li r-rata tal-progress qed tmajna. Biex jitneħħew l-ostakli li qed jipprevjenu lill-Istati Membri tal-UE milli jibbenefikaw bis-sħiħ mill-opportunitajiet diġitali, jeħtieġ li tittieħed azzjoni, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali.

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, qal: "Kulma jmur, iktar nies, iktar negozji u iktar servizzi pubbliċi qegħdin isiru diġitali. Iżda għad hemm wisq minnhom li jiffaċċjaw problemi bħan-nuqqas ta’ kopertura tal-internet b’veloċità għolja jew bħan-nuqqas ta' gvern elettroniku transfruntier, kif ukoll diffikultajiet fix-xiri u fil-bejgħ minn pajjiż għall-ieħor. Jeħtieġ li dawn il-problemi nindirizzawhom. Dan huwa t-tir tal-Istrateġija tagħna għal Suq Uniku Diġitali. L-ewwel proposti fl-istrateġija se jsaħħu l-kummerċ elettroniku u l-konnettività. Il-proposti tagħna kollha se jiġu ppreżentati din is-sena u nħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jappoġġawhom mingħajr telf ta' ħin. Dawn il-proposti se jgħinuhom isaħħu l-prestazzjoni diġitali u l-ekonomiji tagħhom".

Günther H. Oettinger, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, qal: "L-UE miexja 'l quddiem, iżda bilmod wisq. Ma hemm l-ebda lok għall-kompjaċenza. Jeħtieġ nieħdu azzjoni jekk irridu nlaħħqu mal-Ġappun, mal-Istati Uniti u mal-Korea t’Isfel. F’Mejju, se nippreżentaw rakkomandazzjonijiet konkreti abbażi tal-Indiċi tal-lum, biex l-Istati Membri tal-UE jkunu jistgħu jtejbu l-prestazzjonijiet nazzjonali tagħhom. B'hekk, flimkien mal-ħidma tagħna biex noħolqu Suq Uniku Diġitali, ninsab ċert li l-UE kollha kemm hi u l-Istati Membri tagħha se jaqdfu 'l quddiem fis-snin li ġejjin”.

Is-sejbiet ewlenin tal-Indiċi tal-Ekonomija u tas-Soċjetà Diġitali (l-IESD)

  • L-UE qed tagħmel progress, iżda bilmod: L-UE bħala entità waħda tikseb punteġġ ta' 0.52 minn 1, żieda miż-0.5 tas-sena li għaddiet. Minbarra l-Iżvezja, il-pajjiżi kollha tal-UE tejbu r-riżultati tagħhom.
  • Id-Danimarka, in-Netherlands, l-Iżvezja u l-Finlandja għadhom fuq quddiem fil-klassifika tal-IESD.
  • In-Netherlands, l-Estonja, il-Ġermanja, Malta, l-Awstrija u l-Portugall huma l-pajjiżi bl-ikbar rata ta' tkabbir u qed iħallu lill-pajjiżi l-oħrajn warajhom. Fil-profili tal-pajjiżi u f’din l-iskeda informattiva hemm aktar informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-pajjiżi.

AIllustrazzjoni 1

  • Tinħtieġ azzjoni biex nilħqu l-quċċata fil-livell dinji: Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni qed tqabbel l-UE wkoll ma' wħud mill-aktar pajjiżi diġitalizzati fid-dinja (il-Ġappun, l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel). Filwaqt li r-rapport sħiħ dwar Indiċi internazzjonali ġdid tal-prestazzjonijiet diġitali se jkun disponibbli f’nofs Marzu tal-2016, ir-riżultati preliminari juru li l-aħjar pajjiżi tal-UE huma wkoll minn ta' quddiem fid-dinja fil-qasam diġitali. Madankollu, biex tibqa' minn ta' quddiem fil-livell dinji, jeħtieġ li l-prestazzjoni tal-UE bħala entità waħda titjieb b’mod sinifikanti. Jistgħu jinstabu aktar dettalji f’din l-iskeda informattiva.
  • Il-konnettività tjiebet, iżda għadha mhux biżżejjed fuq terminu twil: Imqabbel mat-62% tas-sena li għaddiet, 71% tad-djar Ewropej għandhom aċċess għal broadband b’veloċità għolja (b'mill-inqas 30 Mbps). Jekk tibqa' sejra kif inhi, l-UE tinsab fit-triq biex ikollha kopertura sħiħa sal-2020. L-għadd ta’ abbonamenti għall-broadband mobbli qed jiżdied b’mod mgħaġġel — minn 64 abbonament għal kull 100 Ewropew fl-2014 għall-75 abbonament illum. Jeħtieġ li l-UE tkun lesta biex tissodisfa d-domanda futura u biex tipprovdi l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ netwerks tal-komunikazzjoni (5G). Għaldaqstant, sal-aħħar tas-sena, il-Kummissjoni se tippreżenta rieżami tar-regoli tat-telekomunikazzjoni tal-UE biex jindirizzaw l-isfidi tat-teknoloġija u tas-suq.
  • Il-ħiliet diġitali jridu jittejbu: Filwaqt li fl-UE l-għadd ta’ gradwati fix-xjenza, fit-teknoloġija u fil-matematika (STEM) żdied kemxejn, kważi nofs l-Ewropej (45%) ma għandhomx ħiliet diġitali bażiċi (kif jużaw mailbox, kif jużaw għodod tal-editjar jew kif jinstallaw tagħmir ġdid). Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tindirizza l-ħiliet u t-taħriġ diġitali bħala parti mill-Aġenda għall-Ħiliet tal-UE li se tiġi ppreżentata daqt.
  • Il-kummerċ elettroniku, opportunità mitlufa għan-negozji ż-żgħar: Ħamsa u sittin fil-mija tal-Ewropej li jużaw l-internet jixtru online, iżda 16% biss tal-SMEs ibigħu online — u anqas minn nofs dawk li jbigħu online, ibigħu lil hinn mill-fruntieri tagħhom (7.5%). Sabiex tindirizza din il-kwistjoni, f’Diċembru l-Kummissjoni ppreżentat proposti dwar il-kuntratti diġitali (stqarrija għall-istampa) biex jipproteġu aħjar il-konsumaturi li jixtru online u biex jgħinu lin-negozji jespandu l-bejgħ online tagħhom. F'Mejju, il-Kummissjoni se tippreżenta pakkett leġiżlattiv biex tkompli tagħti spinta lill-kummerċ elettroniku. Dan il-pakkett se jinkludi miżuri biex jindirizzaw l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat, biex itejbu t-trasparenza tas-swieq transfruntiera tal-pakketti u biex jinfurzaw aħjar ir-regoli tal-konsumaturi tal-UE lil hinn mill-fruntieri.
  • Hemm aktar servizzi pubbliċi online, iżda ma jintużawx biżżejjed:L-indikaturi juru li l-amministrazzjonijiet pubbliċi qed joffru firxa usa’ ta’ servizzi online (li jippermettu lill-persuni jużaw l-internet biex jinformaw l-awtoritajiet dwar residenza ġdida, dwar it-twelid ta’ wild u dwar avvenimenti importanti oħra). Madankollu, l-għadd tal-utenti tal-internet li jinteraġixxu online mal-amministrazzjoni tagħhom mhux qed jiżdied (32%).

Sfond

X'inhu l-IESD?

L-Indiċi tal-Ekonomija u tas-Soċjetà Diġitali (l-IESD) huwa għodda online li tkejjel il-progress li jagħmlu l-Istati Membri tal-UE fi triqithom lejn ekonomija u soċjetà diġitali. Għaldaqstant, tiġbor ġabra ta' indikaturi relevanti dwar il-firxa ta' politiki li hemm bħalissa fl-Ewropa fil-qasam diġitali.

L-IESD ta' din is-sena qed jiġi ppreżentat illum mill-Kummissarju Oettinger fil-forum Digital4EU fi Brussell (fl-9.45 CET). Imbagħad se jiġi diskuss waqt is-sessjoni “Delivering the Digital Single Market - from the DESI to action” (mill-10.15 sal-11.25 CET). Is-sessjonijiet kollha se jiġu webstreamed (ara is-sessjoni dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI)/sessjonijiet oħrajn).

Aktar tagħrif

Il-paġna web dwar is-Suq Uniku Diġitali (#DigitalSingleMarket)

Il-paġna web tal-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, Andrus Ansip (@Ansip_EU)

Il-paġna web tal-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Günther H. Oettinger (@GOettingerEU)

IP/16/384

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar