Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni qed tipproponi approċċ ġdid għall-insolvenza tan-negozji fl-Ewropa: il-promozzjoni tar-ristrutturar bikri biex jappoġġa t-tkabbir u jipproteġi l-impjiegi

Strasburgu, it-22ta' novembru 2016

Għall-ewwel darba, illum il-Kummissjoni Ewropea qed tippreżenta sett ta' regoli Ewropej dwar l-insolvenza tan-negozji.

Sistemi ta' insolvenza u ta' ristrutturar li jiffunzjonaw sew huma ċ-ċavetta għall-appoġġ tat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tax-xogħol. Din l-inizjattiva se żżid l-opportunitajiet lill-kumpaniji li jsibu ruħhom f'diffikultajiet finanzjarji jwettqu ristrutturazzjoni fi stadju bikri biex jipprevjenu u jevitaw il-falliment u jevitaw it-tkeċċija tal-persunal. Hija se tiżgura li l-imprendituri jingħataw it-tieni ċans li jagħmlu n-negozju wara l-falliment. Hija se twassal ukoll għal proċeduri ta' insolvenza aktar effettivi u effiċjenti madwar l-UE.

L-Ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: " "Nixtiequ ngħinu lin-negozji biex iwettqu ristruttrar fil-ħin, biex jiġu salvati l-impjiegi u jinżamm il-valur. Nixtiequ wkoll nappoġġaw lill-imprendituri li jonqsu milli jerġgħu jirpiljaw malajr, biex ifittxu joħorġu hemm barra u jerġgħu jippruvaw b'mod aktar għaqli."

Il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri Věra Jourová qalet: "Kull sena fl-UE, 200,000 ditta jfallu; li jirriżulta f' 1.7 miljun impjieg mitlufa. Dan ta' spiss jista' jiġi evitat kieku jkollna proċeduri ta' insolvenza u ta' ristrutturar aktar effiċjenti. Wasal iż-żmien li l-imprendituri jingħataw ċans ieħor biex jerġgħu jibdew negozju permezz ta' ħelsien sħiħ mid-dejn tagħhom b'massimu ta' tliet snin.”

Din l-inizjattiva hija riżultat ewlieni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u tal-Istrateġija tas-Suq Uniku. Hija se tikkontribwixxi biex jitneħħew l-ostakli ewlenin għall-iżvilupp tas-swieq kapitali fl-UE billi tipprovdi ċertezza legali lill-investituri transfruntiera u lil kumpaniji li joperaw madwar l-UE. Ir-regoli l-ġodda se jgħinu biex jattiraw l-investituri, joħolqu u jżommu l-impjiegi, kif ukoll biex jgħinu l-ekonomiji jassorbu l-iskossi ekonomiċi. Bħalissa, numru kbir wisq ta' kumpaniji vijabbli f'diffikultajiet finanzjarji huma orjentati lejn il-likwidazzjoni aktar milli fuq ir-ristrutturar bikri u ftit wisq imprendituri qed jingħataw ċans ieħor.

Il-proposta hija wkoll aħbar tajba għall-istabbiltà finanzjarja minħabba li proċeduri ta' ristrutturar effiċjenti se jipprevjenu lin-negozji milli jwettqu inadempjenza fuq is-self tagħhom lill-banek u se tgħin l-indirizzar tal-kwistjoni ta' livelli għolja ta' self improduttiv f'partijiet tas-settur bankarju tal-UE. Minħabba dan, il-banek se jitħallew isellfu aktar lill-konsumaturi u lin-negozji.

Id-Direttiva proposta tiffoka fuq tliet elementi ewlenin:

  • Prinċipji komuni dwar l-użu ta' oqfsa ta' ristrutturar bikri, li se jgħinu lill-kumpaniji jkomplu l-attività tagħhom u jippreservaw l-impjiegi.
  • Ir-regoli biex jippermettu lil imprendituri jibbenefikaw minin ċans ieħor, hekk kif issirilhom kwittanza sħiħa mid-dejn tagħhom wara perjodu massimu ta' tliet snin. Fil-preżent, nofs l-Ewropej jgħidu li kieku ma jibdew negozju minħabba biża' ta' falliment.
  • Miżuri mmirati għal Stati Membri biex tiżdied l-effiċjenza ta' insolvenza, ristrutturar u l-proċeduri ta' kwittanza. Dan inaqqas it-tul u l-ispejjeż eċċessivi tal-proċeduri f'bosta Stati Membri, li jirriżultaw f'inċertezza legali għall-investituri u kredituri u rati baxxi ta' rkupru ta' djun mhux imħallsa.

Ir-regoli l-ġodda se jsegwu l-prinċipji ewlenin li ġejjin biex jiżguraw li l-oqfsa ta' insolvenza u ta' ristrutturar ikunu konsistenti u effiċjenti madwar l-UE:

  • Il-kumpaniji f'diffikultajiet finanzjarji, speċjalment l-SMEs, se jkollhom aċċess għal għodda ta' twissija bikrija biex jiskopru qagħda tan-negozju li tkun sejra għall-agħar, u jiżguraw ristrutturar fi stadju bikri.
  • Oqfsa ta' ristrutturar preventivi flessibbli se jissimplifikaw proċeduri tal-qorti twal, kumplessi u li jiswew il-flus. Fejn meħtieġ, il-qrati nazzjonali għandhom ikunu involuti biex jissalvagwardjaw l-interessi tal-partijiet interessati.
  • Id-debitur se jibbenefika minn “ċans jieħu nifs” b'massimu ta' erba' xhur minll-zzjoni ta' infurzar biex jiffaċilita n-negozjati u ristrutturar b'suċċess.
  • Il-kredituri u l-azzjonisti minoritarji li ma jaqblux ma jkunux jistgħu jimblukkaw pjanijiet ta' ristrutturar iżda l-interessi legittimi tagħhom se jkunu salvagwardjati.
  • Se jiġi speċifikament protett il-finanzjament il-ġdid, li jżid il-possibilitajiet ta' ristrutturazzjoni ta' suċċess.
  • Tul il-proċeduri ta' ristrutturar preventiv, il-ħaddiema għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni totali tal-liġi tax-xogħol skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE.
  • It-taħriġ, l-ispeċjalizzazzjoni tal-prattikanti u l-qrati, u l-użu tat-teknoloġija (pereż. il-preżentazzjoni ta' talbiet onlajn, in-notifika għall-kredituri) se jtejbu l-effiċjenza u t-tul tal-insolvenza u tal-proċeduri ta' ristrutturar u tat-tieni ċans.

Kuntest

Ir-Regolament dwar l-Insolvenza tal-2015 jiffoka fuq is-soluzzjoni ta' kunflitti ta' ġurisdizzjoni u liġijiet fi proċedimenti ta' insolvenza f'livell transfruntiera, u jiżgura r-rikonoxximent ta' deċiżjonijiet relatati mal-insolvenza madwar l-UE. Huwa ma jarmonizzax il-liġijiet ta' insolvenza sostantivi tal-Istati Membri.

Reviżjonijiet tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2014 dwar ir-ristrutturazzjoni u t-tieni ċans urew li, minkejja riformi fil-qasam tal-insolvenza, ir-regoli għadhom ivarjaw u jibqgħu ineffiċjenti f'xi pajjiżi. F'diversi Stati Membri, mhuwiex possibbli li jiġu ristrutturati n-negozju qabel ma tkun insolventi. Fir-rigward tat-tieni ċans, għad hemm diskrepanzi kbar fir-rigward tat-tul tal-perjodu ta' kwittanza.

Differenzi bħal dawn fl-oqfsa legali tal-Istati Membri jwasslu għal inċertezza legali, spejjeż addizzjonali għall-investituri fil-valutazzjoni tar-riskji tagħhom, swieq kapitali inqas żviluppati u ostakli persistenti għar-ristrutturar effettiv ta' kumpaniji vijabbli fl-UE, inklużi gruppi ta' intrapriżi transfruntiera.

F'dan il-kuntest, il-Pjan ta' Azzjoni dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-2015 ħabbar inizjattiva leġiżlattiva dwar l-insolvenza tan-negozji, inkluż ristrutturar bikri u t-tieni ċans. Din l-inizjattiva se tfittex li tindirizza l-aktar ostakli importanti għall-fluss ħieles tal-kapital, u li tibni fuq ir-reġimi nazzjonali li jaħdmu tajjeb. L-Istrateġija tas-Suq Uniku mħabbra bħala appoġġ għal imprendituri permezz ta' leġiżlazzjoni li tipprovdi ambjent regolatorju li jakkomodaw il-falliment mingħajr ma jiskoraġġixxi lill-imprendituri milli jerġgħu jippruvaw ideat ġodda.

Ir- “rapport tal-Ħames Presidenti” dwar “Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa” ta' Ġunju 2015 elenka l-qasam tad-dritt tal-insolvenza fost ir-restrizzjonijiet l-aktar importanti li jiċħdu l-integrazzjoni tas-swieq tal-kapital fiż-Żona tal-Ewro u lil hinn minnha. 

Għal aktar dettalji:

Proposta

Mistoqsija u Tweġiba

Skeda informattiva tal-UE

Skedi informattivi skont il-pajjiż

Pjan ta' Azzjoni tal-2015 dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali

Komunikazzjoni tal-2016 dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali - It-Tħaffif tar-Riforma

L-inizjattiva tal-Kummissjoni għan-negozji l-ġodda

 

 

IP/16/3802

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar