Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Ħolqien ta' Sistema Finanzjarja Iktar b'Saħħitha Regoli ġodda tal-UE għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' Kontropartijiet Ċentrali (CCPs)

Brussell, it-28ta' novembru 2016

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet regoli ġodda biex tiżgura li infrastrutturi sistematiċi tas-suq fis-sistema finanzjarja, magħrufa bħala Kontropartijiet Ċentrali (CCPs), jistgħu jiġu ttrattati b'mod effettiv meta l-affarijiet ma jmorrux kif suppost.

CCP taġixxi bħala intermedjarja ta' żewġ naħat ta' tranżazzjoni fi strument finanzjarju, inklużi bonds, ekwitajiet, derivattivi u prodotti bażiċi (bħal prodotti agrikoli, żejt u gass naturali). Huma importanti biex jgħinu fit-tnaqqis ta' riskji u interkonnessjonijiet permezz tas-sistema finanzjarja. Huma jgħinu lil impriżi finanzjarji u l-utenti aħħari bħala korporattivi biex jimmaniġġaw ir-riskji ta' negozji. L-iskala u l-importanza ta' CCPs fl-Ewropa u globalment kważi rduppjat mill-impenn tal-G20 ta' wara l-kriżi biex jiġu ċċarati derivattivi barra mill-borża (OTC) standardizzati permezz ta' CCPs. Proporzjon kbir tal-EUR 500 triljun ta' kuntratti ta' derivattivi li huma pendenti globalment huma kklirjati minn 17-il CCP fl-Ewropa.

Diġà hemm standards regolatorji għoljin fis-seħħ għal CCPs tal-UE mwaqqfa fir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew ("EMIR", ara MEMO/12/232). Madankollu, l-ebda regoli tal-UE m'huma fis-seħħ għax-xenarju improbabbli fejn CCPs jiffaċċaw problemi jew falliment u għalhekk jeħtieġu li jiġu rkuprati u riżolvuti b'mod ordnat. Il-proposta tal-lum timmira li tapplika qafas ta' rkupru u riżoluzzjoni lil CCPs li huma sistemikament importanti għas-sistema finanzjarja. Din għandha tiżgura li l-funzjonijiet kritiċi ta' CCPs jinżammu filwaqt li tinżamm stabbiltà finanzjarja u jiġi evitat li l-ispejjeż assoċjati mar-ristrutturar u r-riżoluzzjoni ta' CCPs li jfallu milli jaqgħu fuq il-kontribwenti.

Il-Viċi President Valdis Dombrovkis, responsbabli għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: "Din il-proposta se ssaħħaħ is-sistema finanzjarja tal-Ewropa ulterjorment u timmira li tipproteġi l-kontribwenti billi tiżgura li nistgħu nittrattaw ma' Kontroparti Ċentrali jekk issib ruħha f'diffikultà. Dan hu importanti minħabba li Kontropartijiet Ċentrali huma parti kritika tas-sistema finanzjarja tagħna, li jgħinu negozji biex jimmaniġġaw ir-riskji tagħhom. Din se tikkomplimenta r-regolament iktar b'saħħtu ta' swieq tad-derivattivi li se npoġġu fis-seħħ wara l-kriżi".

Il-Viċi President Jyrki Katainen, responsabbli għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: "Kontropartijiet Ċentrali jaħdmu mal-fruntieri u huma kritiċi biex jgħinu għat-tnaqqis ta' riskji mas-sistema finanzjarja kollha. Madankollu, aħna rridu nkunu lesti għall-okkorenza - tkun kemm tkun baxxa l-probabbiltà - ta' falliment ta' CCP u li r-regoli neċessarji jkunu fis-seħħ. Il-proposta tal-lum hija importanti fl-iżgurar tal-kunfidenza fis-sistema finanzjarja tagħna."

Il-kriżi finanzjarja wriet b'mod ċar li n-nuqqas ta' istituzzjoni finanzjarja importanti jista' jikkawża problemi kritiċi għall-bqija tas-sistema finanzjarja u jista' jkollu impatt negattiv fuq it-tkabbir fuq firxa wiesa' tal-ekonomija. Huwa importanti li l-awtoritajiet fl-Ewropa jkollhom is-setgħat li jgħinu f'każ li tfalli CCP, jew li tittrattaha b'mod ordnat.

L-elementi ewlenin tal-proposta

Ir-regoli proposti għal CCPs jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jitqabblu ma' dawk fir-regoli ta' rkupru u riżoluzzjoni għal banek (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek- BRRD) u huma stabbiliti fuq standards internazzjonali. Madankollu, hekk kif CCPs huma negozji ferm differenti minn banek, din il-proposta għandha għodod speċifiċi għas-CCP biex ikun hemm allinjament aħjar mal-proċeduri ta' ġestjoni komuni tas-CCP u r-regoli operattivi, speċjalment għad-determinazzjoni dwar kif telf għandu jiġi mqassam.

Ir-regoli proposti jitolbu li CCPs u awtoritajiet biex iħejju għal problemi okkorenti, jintervjenu minn qabel biex jevitaw problema, u jieħdu azzjoni meta l-affarijiet imorru ħażin.

Preparazzjoni u prevenzjoni

Ir-regoli proposti jitolbu lil CCPs biex ifasslu pjanijiet ta' rkupru li jkunu jinkludu miżuri biex jegħlbu kwalunkwe forma ta' diffikultà finanzjarja li taqbeż ir-riżorsi ta' maniġment komuni tagħhom u rekwiżiti oħrajn skont l-EMIR. Dan għandu jinkludi xenarji li jinvolvu inadempjenzi minn membri tal-ikklirjar tas-CCP kif ukoll il-materjalizzazzjoni ta' riskji oħrajn u telf għas-CCP innifisha, bħala frodi u attakki ċibernetiċi. Il-pjanijiet ta' rkupru jridu jiġu rieżaminati mis-superviżur tas-CCP.

L-awtoritajiet responsabbli għar-riżoluzzjoni ta' CCPs (jiġifieri l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni) huma meħtieġa li jħejju pjanijiet ta' riżoluzzjoni dwar kif CCPs għandhom jiġu ristrutturati u l-funzjonijiet kritiċi tagħhom jinżammu f'każ tal-falliment tagħhom.

Intervent bikri

Intervent bikri se jiżgura li diffikultajiet finanzjarji huma indirizzati malli dawn jitfaċċaw u li jistgħu jiġu evitati problemi. Superviżuri CCP huma mogħtija setgħat speċifiċi biex jintervjenu fl-operazzjonijiet ta' CCPs fejn il-vijabbiltà tagħhom qiegħda f'riskju iżda qabel ma jilħqu l-punt ta' falliment jew fejn l-azzjonijiet tagħhom jistgħu jkunu ta' detriment għall-istabbiltà finanzjarja ġenerali. Superviżuri jistgħu wkoll jitolbu lil CCP biex tagħmel azzjonijiet speċifiċi fil-pjan ta' rkupru tagħha jew biex tagħmel bidliet għall-istrateġija tagħha tan-negozju jew fl-istruttura ġuridika jew operazzjonali tagħha.

Setgħat ta' riżoluzzjoni u għodod

Skont il-gwida tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, CCP se titqiegħed f'riżoluzzjoni meta qed tfalli jew x'aktarx tfalli, fejn l-ebda alternattiva tas-settur privat ma jista' jevita falliment, u meta l-falliment tagħha tqiegħed f'periklu l-interess pubbliku u l-istabbiltà finanzjarja. Barra minn hekk, tista' titqiegħed f'riżoluzzjoni fejn l-użu ta' miżuri ta' rkupru oħrajn jista' jikkomprometti l-istabbiltà finanzjarja anke fejn ma jiġux sodisfati l-kundizzjonijiet ta' hawn fuq.

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali

CCPs huma transfruntiera fin-natura tagħhom, bl-ikbar CCPs joperaw internazzjonalment. Huwa importanti li l-awtoritajiet jikkooperaw b'mod transfruntier biex jiżguraw ippjanar effettiv u riżoluzzjoni ordnata. Il-proposta tistabbilixxi 'l hekk imsejħa kulleġġi ta' riżoluzzjoni għal kull CCP li għandhom l-awtoritajiet rilevanti kollha inkluża l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA).

Il-kulleġġi eżistenti skont l-EMIR u l-kulleġġi ta' riżoluzzjoni li għadhom kif twaqqfu għandhom jagħmlu b'mod konġunt il-kompiti speċifiċi allokati għalihom skont dan ir-Regolament. L-ESMA se tiffaċilita azzjonijiet konġunti u taġixxi bħala medjatur vinkolanti jekk meħtieġ.

Dan l-abbozz ta' Regolament issa jista' jiġi sottomess lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-UE għall-approvazzjoni tagħhom u l-adozzjoni.

Sfond

Saret konsultazzjoni pubblika dwar irkupru possibbli u qafas ta' riżoluzzjoni għal istituzzjonijiet mhux bankarji mill-Kummissjoni Ewropea bejn il-5 ta' Ottubru u t-28 ta' Diċembru 2012. Hija saqsiet dwar il-ħtieġa ta' arranġamenti ta' rkupru u ta' riżoluzzjoni l-aktar f'rabta ma' CCPs, depożitorji ċentrali tat-titoli u impriżi tal-assigurazzjoni. B'mod ġenerali, il-konsultazzjoni indikat li l-prijorità għandha tkun l-iżvilupp ta' regoli ta' rkupru u ta' riżoluzzjoni mal-UE kollha għal CCPs. L-implimentazzjoni tar-rekwiżit G20 għal derivattivi OTC standardizzati biex jiġu kklirjati ċentralment kienet rikonoxxuta bħala argument b'saħħtu favur li tittieħed azzjoni.

Fuq livell internazzjonali, il-mexxejja G20 approvaw l-approċċ żviluppat mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSB) biex jindirizzaw ir-riskji fejn il-falliment ta' kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja (bank, infrastruttura ta' suq finanzjarju, impriża tal-assigurazzjoni, eċċ.) ta' rilevanza sistematika globali, li jista' jkollu fuq is-sistema finanzjarja permezz ta' għodod ta' rkupru u ta' riżoluzzjoni xierqa. Barra minn hekk, il-Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u l-Infrastrutturi (CPMI) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) żviluppaw gwida dwar pjanijiet ta' rkupru għal infrastrutturi tas-suq finanzjarju, inklużi CCPs, fejn l-FSB ħareġ gwida ulterjuri dwar l-applikazzjoni tal-Attributi Ewlenin tiegħu ta' Reġimi Effettivi ta' Riżoluzzjoni għal infrastrutturi tas-suq finanzjarju bħal CCPs. Din il-gwida ġiet riflessa fil-proposta tal-Kummissjoni.

Ħidma usa' fuq riżoluzzjoni

Għadha għaddejha l-analiżi għall-ħtieġa ta' rispons għall-irkupru u r-riżoluzzjoni possibbli ta' impriżi finanzjarji differenti minn banek u CCPs. Dan hu l-iktar minħabba lezzjonijiet miksuba matul il-kriżi finanzjarja li ma jurux ħtieġa urġenti ekwivalenti għal tali miżuri. Madankollu, miżuri bħal dawn jistgħu jkunu neċessarji fil-futur, billi jiġi kkunsidrat l-iżvilupp tar-riskju ekonomiku u finanzjarju fis-setturi kkonċernati.

Xogħol internazzjonali usa' dwar impriżi tal-assigurazzjoni fuq livell tal-G20 għadu relattivament fl-istadji bikrija. Fl-Ewropa, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) involviet ruħha f'rieżami bir-reqqa, komparattiv u usa' tal-prattiċi ta' rkupru u riżoluzzjoni nazzjonali u l-iżviluppi f'dan il-qasam u se tippreżenta rapport dwar dan is-suġġett fl-ewwel nofs tal-2017. Fuq il-bażi tar-rapport, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-iktar mod xieraq 'il quddiem, b'konsultazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-partijiet ikkonċernati kollha.

Dejta ewlenija

Fl-2015, fuq medja iktar minn 50% tas-suq globali ta' USD 493 triljun f'derivattivi OTC kienu kklirjati ċentralment minn CCP. Dan hu kważi d-doppju tal-persentaġġ minn meta sar l-impenn tal-G20 fl-2009. Fuq medja, 70% ta' tranżazzjonijiet derivattivi OTC jistgħu issa jiġu kklirjati.

Għal aktar informazzjoni

Ara l-Q&A tagħna

IP/16/3747

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar