Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ir-Riforma Bankarja tal-UE: Banek b'saħħithom se jappoġġaw it-tkabbir u jerġgħu jiksbu l-fiduċja

Brussell, it-23ta' novembru 2016

Il-Kummissjoni llum qed tippreżenta pakkett komprensiv ta' riformi biex issaħħaħ aktar ir-reżiljenza tal-banek tal-UE.

Din il-proposta tibni fuq ir-regoli bankarji eżistenti tal-UE u għandha l-għan li tlesti l-aġenda regolatorja billi tiżgura li l-qafas regolatorju jittratta kwalunkwe sfidi pendenti għall-istabbiltà finanzjarja, filwaqt li tiżgura li l-banek ikunu jistgħu jkomplu jappoġġaw l-ekonomija reali.

Il-banek għandhom rwol ċentrali fl-iffinanzjar tal-ekonomija u għall-promozzjoni tat-tkabbir u tal-impjiegi. Dawn huma sors ewlieni ta' ffinanzjar għan-negozji u għall-familji. Fid-dawl tal-kriżi finanzjarja, l-UE segwiet riforma ambizzjuża tas-sistema regolatorja finanzjarja biex terġa' ġġib lura l-istabbiltà finanzjarja u l-fiduċja fis-suq. Il-proposti tal-lum għandhom l-għan li jlestu din l-aġenda tar-riforma billi jimplimentaw ċerti elementi pendenti, li huma essenzjali biex isaħħu aktar l-abbiltà tal-banek biex jilqgħu kontra ċirkustanzi potenzjali. Il-proposti jirfinaw ukoll ċerti aspetti tal-qafas regolatorju l-ġdid fejn huwa meħtieġ biex isir aktar favorevoli għat-tkabbir u proporzjonat mal-komplessità, daqs u profil tan-negozju tal-banek. Dan jinkludi wkoll miżuri li se jappoġġaw l-SMEs u l-investiment fl-infrastruttura.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Valdis Dombrovskis, responsabbli għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanazjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: "L-Ewropa teħtieġ settur bankarju b'saħħtu u divers biex jiffinanzja l-ekonomija. Għandna bżonn ta' self mill-bank biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jinvestu, jibqgħu kompetittivi u jbigħu fi swieq akbar, u għall-familji biex jippjanaw għall-quddiem Illum ippreżentajna proposti ġodda dwar it-tnaqqis tar-riskju li jibnu fuq l-istandards globali miftiehma filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-settur bankarju Ewropew."

Il-miżuri proposti llum huma wkoll parti tal-ħidma li għaddejja bħalissa tal-Kummissjoni biex jitnaqqas ir-riskju fis-settur bankarju, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni "Lejn it-Tlestija tal-Unjoni Bankarja (Novembru 2015 ). Dawn huma konformi wkoll mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN ta' Ġunju, fejn il-Kummissjoni ġiet mistiedna biex tippreżenta l-proposti relevanti mhux aktar tard mill-aħħar tal-2016.

Il-proposti jemendaw il-partijiet li jmiss tal-leġiżlazzjoni:

Il-miżuri tal-lum jimplimentaw standards internazzjonali fil-liġi tal-UE, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet Ewropej u jevitaw l-impatt mhux dovut fuq l-iffinanzjar tal-ekonomija reali. Dawn iqisu wkoll ir-riżultati tas-Sejħa għall-Evidenza.

Il-proposti fid-dettal

Il-proposti jinkludu l-elementi ewlenin li ġejjin:

1. Miżuri biex tiżdied ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet tal-UE u tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja.

Il-proposti jinkorporaw l-elementi li jifdal tal-qafas regolatorju miftiehem dan l-aħħar fil-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (Basel Committee on Banking Supervision - BCBS) u l-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (Financial Stability Board - FSB). Dawn jinkludu:

  • Rekwiżiti kapitali aktar sensittiv għar-riskju, partikolarment fil-qasam tar-riskju tas-suq, riskju ta' kreditu tal-kontroparti, u għall-iskoperturi lill-kontropartijiet ċentrali (central counterparties - CCPs);

  • L-implimentazzjoni tal-metodoloġiji li huma kapaċi li jirriflettu aktar akkuratament ir-riskji reali li l-banek huma esposti għalihom;

  • Proporzjon ta' ingranaġġ (PI) vinkolanti li jipprevjeni lill-istituzzjoni milli jkollhom ingranaġġ eċċessiv;

  • Proporzjon ta' ffinanzjar stabbli nett (net stable funding ration - NSFR) li jindirizza d-dipendenza eċċessiva fuq l-iffinanzjar bl-ingrossa għal perjodu qasir u biex jitnaqqas ir-riskju finanzjarju fit-tul.

  • Rekwiżit għal istituzzjonijiet sistemikament importanti globali (ISIG) biex iżommu livelli minimi ta' kapital u strumenti oħrajn li jġarrbu telf f'riżoluzzjoni. Dan ir-rekwiżit, magħruf bħala "kapaċità totali ta' assorbiment tat-telf"(total loss-absorbing capaċity - TLAC), se jiġi integrat fis-sistema OEMM (Rekwiżiti Minimi għall-fondi proprji u Obbligazzjonijiet Eleġibbli) eżistenti, li hija applikabbli għall-banek kollha, u se jsaħħaħ l-abbiltà tal-UE biex issolvi l-ISIG li qed ifallu waqt li jħares l-istabbiltà finanzjarja u jimminimizza r-riskji għall-kontribwenti. Dan jipproponi gradazzjoni tal-insolvenza nazzjonali armonizzata tal-strumenti għad-dejn mhux garantit biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ mill-banek ta' tali strumenti tad-dejn li jassorbu t-telf.

2. Miżuri għat-titjieb tal-kapaċità tas-self tal-banek bħala appoġġ lill-ekonomija tal-UE.

Partikolarment, qed jiġu proposti miżuri speċifiċi biex:

  • Tissaħħaħ il-kapaċità tal-banek biex isellfu lill-SMEs u biex jiffinanzjaw proġetti ta' infrastruttura;

  • Għal banek żgħar mhux kumplessi biex inaqqsu l-piż amministrattiv marbut ma' xi regoli fil-qasam tar-remunerazzjoni (jiġifieri dawk dwar l-istrumenti li jużaw diferimenti u remunerazzjoni, bħal ishma), li jidhru disproporzjonati għal dawn il-banek;

  • Ir-regoli tas-CRD / CRR isiru aktar proporzjonati u inqas ta' xkiel għal istituzzjonijiet iżgħar u inqas kumplessi fejn uħud mill-iżvelar ta' bħalissa, l-irrapportar u r-rekwiżiti kumplessi relatati mal-portafoll ta' negozjar ma jidhrux li huma ġustifikati minn konsiderazzjonijiet prudenzjali. Is-Sejħa għall-Evidenza u l-analiżi li saret mill-Kummissjoni wrew li dan il-qafas jista' jiġi applikat b'mod aktar proporzjonat, billi titqies is-sitwazzjoni speċifika tagħhom.

3. Miżuri għall-aktar iffaċilitar tar-rwol tal-banek fil-kisba tas-swieq tal-kapital tal-UE aktar profondi u aktar likwidi bħala appoġġ għall-ħolqien tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

Aġġustamenti speċifiċi għall-miżuri proposti huma mfassla biex:

  • Jiġu evitati rekwiżiti kapitali sproporzjonati għall-pożizzjonijiet tal-portafoll ta' negozjar, inklużi dawk relatati mal-attivitajiet tal-ġenerazzjoni tas-suq;

  • Jitnaqqsu l-ispejjeż talli jinħarġu / jinżammu ċerti strumenti (bonds koperti, strumenti ta' titolizzazzjoni ta' kwalità għolja, strumenti ta' dejn sovrani, derivattivi għall-finijiet ta' ħeġġjar);

  • Jiġu evitati diżinċentivi potenzjali għal dawk l-istituzzjonijiet li jaġixxu bħala intermedjarji għall-klijenti b'rabta mal-kummerċ approvat mis-CCPs.

Dawn il-proposti leġiżlattivi issa se jkun ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-konsiderazzjoni u għall-adozzjoni tagħhom.

Kuntest

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-24 ta' Novembru 2015[1], il-Kummissjoni Ewropea impenjat li tippreżenta proposti leġiżlattivi bbażati fuq il-ftehimiet internazzjonali biex jiġu indirizzati dgħjufijiet identifikati fil-qafas prudenzjali eżistenti. L-impenn partikolari kien parti mill-pakkett tal-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju bil-għan li jinkiseb aktar progress fit-tlestija tal-Unjoni Bankarja.

Għal aktar tagħrif

Ara il-Mistiqsijiet u Tweġibiet tagħna

CRR/CRD IV

BRRD

SRM

 

[1]Komunikazzjoni "Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja", 24.11.2015, COM(2015) 587 final

IP/16/3731

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Documents


CRR_factsheet.pdf