Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà: It-tieni rapport dwar il-progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u sostenibbli

Brussell, is-16ta' novembru 2016

Illum il-Kummissjoni Ewropea ippreżentat it-tieni rapport tagħha ta' kull xahar dwar il-progress li sar lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u sostenibbli.

F'konformità mat-talbiet li saru mill-pjan direzzjonali ta' Bratislava u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru, passi importanti ‘l quddiem li saru fl-aħħar xahar jinkludu t-tnedija ta' Gwardja tal-Kosta u tal-Fruntiera Ewropea fis-6 ta' Ottubru, diskussjonijiet dettaljati dwar l-azzjoni meħuda permezz tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' żgħażagħ f'riskju ta' radikalizzazzjoni, kif ukoll il-proposta tal-lum għal Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (European Travel Information and Authorisation System, ETIAS), wara li tħabbret mill-President Juncker f'Settembru tal-2016 fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni.

Il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà Julian King qal: "Ftit tal-jiem ilu, l-Ewropa fakkret l-ewwel anniversarju mill-attakki orribbli f'Pariġi, fejn intużaw armi tan-nar ta' assalt militari riattivati li kellhom effett devastanti. Wasal iż-żmien biex il-ħidma leġiżlattiva dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar tiġi ffinalizzata u l-armi tan-nar awtomatiċi militari tat-tip Kalashnikov jitneħħew miċ-ċirkolazzjoni. Ir-rapport jappella wkoll lill-koleġiżlaturi biex jiffinalizzaw żewġ pakketti oħra qabel tmiem is-sena: id-Direttiva l-ġdida kontra t-terroriżmu u r-reviżjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. Meta jiġu kkunsidrati flimkien, dawn ir-regoli jistgħu jagħmlu differenza reali fil-post, anki biex tiġi indirizzata t-theddida magħmula minn ġellieda terroristi barranin li jirritornaw, u se tgħin lill-awtoritajiet biex jipproteġu liċ-ċittadini fl-Ewropa kollha b'mod aktar effettiv”.

B'ħarsa 'l quddiem, ir-rapport jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa urġenti biex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jwettqu l-impenji tagħhom, l-aktar riċenti fil-pjan direzzjonali ta' Bratislava u fil-Kunsill Ewropew ta' Ottubru, u jintlaħaq ftehim dwar il-proposti tal-Kummissjoni rigward ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar, id-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu u dwar it-twaqqif ta' verifiki sistematiċi tal-persuni kollha li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE.

Il-punti ewlenin imsemmija huma:

It-tisħiħ tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata

  • Il-qafas legali: Jinħtieġ li sat-tmiem ta' Novembru, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu dwar il-proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Jinħtieġ ukoll li sat-tmiem l-2016, il-koleġiżlaturi jaqblu dwar id-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar riveduta. F'Diċembru, il-Kummissjoni se tippreżenta l-pakkett ta' proposti finali rigward il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-finanzjament tat-terroriżmu, inklużi proposti dwar il-kriminalizzazzjoni tal-ħasil tal-flus.
  • Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni: Fil-Konferenza ta' Livell Għoli tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (Radicalisation Awareness Network, RAN), tnediet pjattaforma ġdida "RAN Young" li tinkoraġġixxi liż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom ma' żgħażagħ li jkunu f'riskju ta' radikalizzazzjoni, grupp destinatarju ewlieni għal rekluti ta' terroristi. It-tieni laqgħa ta' livell għoli tal-Forum tal-Internet tal-UE fit-8 ta' Diċembru 2016 se jmexxi din il-ħidma ‘l quddiem għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni online u tiġi indirizzata l-propaganda terroristika fuq l-internet. Din se tistabbilixxi Pjattaforma ġdida Konġunta għall-Indikazzjonijiet u Programm ta' Għoti tas-Setgħa lis-Soċjetà Ċivili.

It-tisħiħ tad-difiżi tagħna u r-reżiljenza

  • It-tisħiħ ta' sistemi ta' informazzjoni u t-tnaqqis ta' distakki tal-informazzjoni: Illum il-Kummissjoni pproponiet li tiġi stabbilita Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar sabiex issaħħaħ il-verifiki tas-sigurtà fuq vjaġġaturi mingħajr ħtieġa ta' viża. L-ETIAS se tiġbor informazzjoni dwar dawk kollha li qed jivvjaġġaw mingħajr ħtieġa ta' viża lejn l-Unjoni Ewropea sabiex jippermettu kontrolli minn qabel tal-migrazzjoni irregolari u ta' sigurtà. Il-Kummissjoni titlob lill-koleġiżlaturi biex jibdew jaħdmu fuq il-proposta tagħha biex tiġi stabbilita Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar, kif mitlub fil-Pjan Direzzjonali ta' Bratislava u titqies bħala kwistjoni ta' urġenza.
  • It-titjib tal-iskambju tal-informazzjoni: Il-Kummissjoni qed tmexxi 'l quddiem b'mod attiv l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri tal-UE (Passenger Name Record, PNR), biex jiġi żgurat li d-data ta' skadenza ta' Mejju 2008 għal implimentazzjoni sħiħa tintlaħaq mill-Istati Membri tal-UE kollha.
  • It-titjib tas-sigurtà fil-fruntiera esterna: Wara t-tnedija tal-Gwardja tal-Kosta u tal-Fruntiera Ewropea f'Ottubru, issa huwa kruċjali li l-Istati Membri jsegwu l-impenn tagħhom li jużaw il-persunal u t-tagħmir biex tintlaħaq il-kapaċità sħiħa għal reazzjoni rapida sa tmiem is-sena. Il-Kunsill Ewropew ta' Ottubru talab ukoll l-adozzjoni rapida tal-proposta tal-Kummissjoni li jiġu infurzati kontrolli sistematiċi fuq il-vjaġġaturi kollha li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE - għodda ewlenija biex jiġu identifikati il-ġellieda barranin li jirritornaw. Barra minn hekk, f'Diċembru l-Kummissjoni se tippreżenta l-ewwel għadd ta' proposti biex jitjiebu l-funzjonalitajiet tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS). Il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll Pjan ta' Azzjoni biex ittejjeb il-karatteristiċi tas-sigurtà fid-dokumenti tal-ivvjaġġar qabel it-tmiem tas-sena.
  • Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq it-twaqqif ta' Interfaċċa Unika ta' Tfittxija biex tintuża mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, li huma responsabbli mill-infurzar tal-liġi, il-fruntieri u l-immigrazzjoni. Barra minn hekk, il-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar is-Sistemi ta' Informazzjoni u l-Interoperabbiltà se jippreżenta rapport interim sa tmiem is-sena.

Sfond

Is-sigurtà kienet tema kostanti sa mill-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni Juncker – mil-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker ta' Lulju 2014, sal-aħħar Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni f'Settembru 2016.

Il-Kummissjoni Ewropea adottat l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà fit-28 ta' April 2015, filwaqt li stabbilixxiet l-azzjonijiet ewlenin biex tiżgura risposta tal-UE effettiva għat-theddidiet tat-terroriżmu u s-sigurtà fl-Unjoni Ewropea matul il-perjodu 2015-2020.

Mill-adozzjoni tal-Aġenda, sar progess sinifikanti fl-implimentazzjoni tagħha. F'Novembru 2015, il-Kummissjoni pproponiet ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Armi tan-Nar segwita minn Pjan ta' Azzjoni dwar l-armi tan-nar u l-isplussivi f'Diċembru 2015. Dwar it-terroriżmu, Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu ġdida ġiet adottata mill-Kummissjoni f'Diċembru 2015 u Pjan ta' Azzjoni dwar il-finanzjament tat-terroriżmu speċifiku fi Frar 2016. F'April, il-Kummissjoni pproponiet it-twaqqif tas-Sistema tad-Dħul u l-Ħruġ (EES) u ppreżentat Komunikazzjoni li twitti t-triq lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina. Barra minn hekk, ċertifikazzjoni waħda tal-UE għal tagħmir ta' sigurtà għall-avjazzjoni ġiet adottata f'Settembru.

Dan l-aħħar, fl-14 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni tagħha “It-tisħiħ tas-sigurtà f'dinja ta' mobilità” li kkonfermat il-ħtieġa li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn l-iżgurar tal-mobilità u t-tisħiħ tas-sigurtà, filwaqt li jiġi ffaċilitat id-dħul legali fiż-Żona Schengen mingħajr il-ħtieġa ta' viża. Barra minn hekk, fis-6 ta' Ottubru, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta bdiet topera, disa' xhur biss wara l-proposta tal-Kummissjoni f'Diċembru, li juri impenn ċar biex jissaħħu l-ġestjoni u s-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE.

Il-ħolqien mill-President Juncker ta' portafoll ta' Kummissarju speċifiku għall-Unjoni tas-Sigurtà f'Awwissu 2016 juri l-importanza li l-Kummissjoni qed tagħti lit-tisħiħ tar-reazzjoni tagħha kontra t-theddida tat-terroristi.

L-ewwel rapport ta' progress ta' kull xahar dwar l-Unjoni tas-Sigurtà ġie ppreżentat fit-12 ta' Ottubru u kopra l-perjodu minn April sa Ottubru 2016, filwaqt li t-tieni rapport tal-lum jħares lejn il-progress miksub minn dak iż-żmien u jħares 'il quddiem sa Diċembru 2016.

Għal aktar informazzjoni

It-tieni rapport dwar il-progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tipproponi Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar

Stqarrija għall-istampa: Insaħħu l-fruntieri esterni tal-Ewropa: It-tnedija tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

Kommunikazzjoni dwar il-progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina

Komunikazzjoni: Azzjoni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Siġurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina

Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà

Skeda Informattiva: Unjoni tas-Sigurtà

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Inwittu t-triq għal Unjoni tas-Siġurtà ġenwina u effettiva

Ittra ta' Missjoni lil Sir Julian King, il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà

IP/16/3681

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar