Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Unjoni tas-Sigurtà: Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar

Brussell, is-16ta' novembru 2016

“Jeħtieġ li nkunu nafu min qed jaqsam il-fruntieri tagħna. F'Novembru, se nipproponu sistema awtomatizzata li tiddetermina min se jkun permess li jivvjaġġa lejn l-Ewropa. B'dan il-mod se nkunu min qed jivvjaġġa lejn l-Ewropa qabel biss jaslu hawn." – Il-President Jean-Claude Juncker, id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni fl-2016

Illum il-Kummissjoni qed tipproponi li tiġi stabbilita Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS - European Travel Information and Authorisation System) sabiex issaħħaħ il-kontrolli tas-sigurtà fuq vjaġġaturi mingħajr ħtieġa ta' viża. Dan isegwi d-dikjarazzjoni f'Settembru mill-President Juncker fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, u huwa l-ewwel riżultat li jista' jitwettaq mill-prijoritajiet għal azzjoni identifikati fil-Pjan Direzzjonali ta' Bratislava. L-ETIAS se tiġbor informazzjoni dwar dawk kollha li qed jivvjaġġaw mingħajr ħtieġa ta' viża lejn l-Unjoni Ewropea sabiex jippermettu kontrolli minn qabel tal-migrazzjoni irregolari u ta' sigurtà. Dan se jikkontribwixxi għal ġestjoni aktar effiċjenti tal-fruntieri esterni tal-UE u jtejjeb is-sigurtà interna, filwaqt li fl-istess ħin jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar legali fil-fruntieri ta' Schengen.

L-Ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: "Is-sigurtà tal-fruntieri u l-protezzjoni taċ-ċittadini tagħna hija l-ewwel prijorità tagħna. L-ETIAS se tagħlaq lakuna ta' informazzjoni permezz li tikkontroverifika l-informazzjoni tal-applikanti eżentati mill-viża fuq is-sistemi l-oħra kollha tagħna. Fl-istess waqt, l-ETIAS tal-ġejjieni se tkun faċli, rapida, irħisa u effettiva."

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni Dimitris Avramopoulos qal: "L-ETIAS hija l-ħolqa nieqsa fil-ġestjoni tal-fruntieri tagħna, tagħmel il-konnessjonijiet bejn il-politiki tal-migrazzjoni u tas-sigurtà tagħna u ssaħħaħ id-dħul f'Schengen għal mill-inqas 95% tal-vjaġġaturi mingħajr ħtieġa ta' viża. Il-fatt li l-Ewropa hija miftuħa ma għandux jikkomprometti s-sigurtà tagħha."

Il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà Julian King qal: "It-terroristi u l-kriminali ma tantx jimpurtahom mill-fruntieri nazzjonali. L-uniku mod kif nirbħulhom huwa billi naħdmu flimkien b'mod effettiv. L-ETIAS se tgħin tagħmel dan: billi tidentifika individwi problematiċi u twaqqafhom milli jiġu, aħna se nsaħħu s-sigurtà interna tal-Ewropa."

L-awtorizzazzjoni tal-ETIAS mhix viża; hija sistema eħfef u aktar faċli għal viżitaturi. Ċittadini ta' pajjiżi ta' liberalizzazzjoni tal-viża xorta se jkunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr viża iżda se jkollhom jiksbu awtorizzazzjoni tal-ivvjaġġar sempliċi qabel ma jivvjaġġaw lejn iż-Żona Schengen. Dan se jgħin biex jiġu identifikati persuni li jistgħu jkunu ta' riskju ta' immigrazzjoni irregolari jew ta' sigurtà qabel ma jaslu fuq il-fruntiera u ttejjeb b'mod sinifikanti s-sigurtà tal-fruntieri esterni. L-ETIAS se tagħlaq ukoll lakuna eżistenti ta' tagħrif dwar vjaġġaturi mingħajr ħtieġa ta' viża billi tiġbor informazzjoni li tista' tkun essenzjali għall-awtoritajiet tal-Istati Membri qabel ma jaslu fil-fruntiera ta' Schengen. Għaldaqstant l-ETIAS hija pass importanti ‘l quddiem lejn sistemi ta' informazzjoni aktar b'saħħithom u aktar intelliġenti għall-fruntieri u s-sigurtà. L-ETIAS se tiffaċilita l-qsim tal-fruntiera esterna minn ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma eżentati mill-viża. Il-vjaġġaturi se jkollhom ukoll indikazzjoni bikrija u ta' min joqgħod fuqha ta' dħul fiż-Żona Schengen li għaldaqstant se tnaqqas b'mod sostanzjali l-għadd ta' ċaħdiet għal dħul.

Sabiex tiddeċiedi jekk għandhiex toħroġ jew tiċħad talba għall-ivvjaġġar lejn l-UE, sistema awtomatizzata se twettaq verifiki minn qabel, b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data personali. Għalkemm id-deċiżjoni finali li jagħtu jew jirrifjutaw id-dħul dejjem se tittieħed mill-gwardji nazzjonali tal-fruntiera li jkunu qed jagħmlu kontrolli fil-fruntieri skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, verifiki minn qabel tal-vjaġġaturi kollha se tiffaċilita l-kontrolli tal-fruntieri u tiżgura valutazzjoni koordinata u armonizzata ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma eżentati mill-viża.

L-ETIAS se tkun ġestita mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Europol. L-Aġenzija eu-LISA se tiżviluppa u tipprovdi l-ġestjoni teknika ta' din is-sistema ta' informazzjoni.

Il-funzjonijiet ewlenin tal-ETIAS se jkunu:

  • Tivverifika l-informazzjoni ppreżentata minn ċittadini ta' pajjiżi terzi eżentati mill-viża (bħal informazzjoni dwar l-identità, id-dokument tal-ivvjaġġar, l-informazzjoni ta' residenza, id-dettalji ta' kuntatt, eċċ.), permezz ta' applikazzjoni fuq l-internet qabel ma jivvjaġġaw lejn il-fruntieri esterni tal-UE, sabiex tivvaluta jekk humiex ta' riskju ta' migrazzjoni irregolari, is-sigurtà jew is-saħħa pubblika;
  • Awtomatikament tipproċessa kull applikazzjoni ppreżentata permezz ta' websajt jew applikazzjoni tal-mobile b'verifika ma' sistemi ta' informazzjoni oħrajn tal-UE (bħal SIS, VIS, il-bażi ta' data tal-Europol, il-bażi ta' data tal-Interpol, l-EES, l-Eurodac, l-ECRIS), lista ta' sorveljanza dedikata ETIAS (stabbilita mill-Europol) u regoli ta' monitoraġġ immirati, ipproporzjonati u definiti b'mod ċar sabiex tiddetermina jekk ikunx hemm indikazzjonijiet fattwali jew raġunijiet ġustifikati li toħroġ jew tirrifjuta awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar;
  • Il-ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet tal-ivvjaġġar. F'każijiet fejn ebda riżultati jew elementi li jeħtieġu aktar analiżi ma jkunu identifikati, l-awtorizzazzjoni tal-ivvjaġġar tinħareġ awtomatikament fi ftit minuti wara li tkun ġiet sottomess l-applikazzjoni.

Awtorizzazzjoni tista' tinkiseb permezz ta' proċedura sempliċi, irħisa u rapida; fil-maġġoranza tal-każi, awtorizzazzjoni għandha tingħata fi kwistjoni ta' minuti. L-awtorizzazzjoni, li l-applikazzjoni għaliha ma għandhiex tieħu iktar minn 10 minuti biex timtela u teħtieġ biss dokument tal-ivjaġġar validu bħala dokumentazzjoni, se tkun valida għal perjodu ta' ħames snin u għal vjaġġi multipli. Miżata ta' applikazzjoni ta' €5 biss se tapplika għall-applikanti kollha 'l fuq minn 18-il sena.

Kuntest

Is-sigurtà kienet tema kostanti sa mill-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni Juncker – mil-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker ta' Lulju 2014, sal-aħħar diskors dwar l-Istat tal-Unjoni f'Settembru 2016. Fid-diskors tiegħu, il-President Juncker ħabbar li sa Novembru l-Kummissjoni se tipproponi Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) – sistema awtomatizzata li tiddeterminaw min se jkollu permess li jivvjaġġa lejn iż-Żona Schengen. It-twaqqif ta' din is-sistema ġie iktar ipprijoritizzat fil-Pjan Direzzjonali ta' Bratislava ffirmat u miftiehem bejn is-27 mexxejja tal-UE, li jinkludi impenn li: "tiġi stabbilita Sistema ta' Informazzjoni u Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (ETIAS) sabiex ikunu jistgħu jsiru verifiki minn qabel u, jekk ikun hemm bżonn, tiġi miċħuda d-daħla ta' vjaġġaturi mingħajr viża".

Il-Kummissjoni Ewropea adottat l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà fit-28 ta' April 2015, li stabbilixxiet l-azzjonijiet ewlenin sabiex tiżgura reazzjoni effettiva mill-UE għat-theddidiet tat-terroriżmu u s-sigurtà fl-Unjoni Ewropea matul il-perjodu 2015-2020.

Sa mill-adozzjoni tal-Aġenda, sar progess sinifikanti fl-implimentazzjoni tagħha. F'Novembru 2015, il-Kummissjoni pproponiet ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Armi tan-Nar segwita minn Pjan ta' Azzjoni dwar l-armi tan-nar u l-isplussivi f'Diċembru 2015. Dwar it-terroriżmu, Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu ġdida ġiet adottata mill-Kummissjoni f'Diċembru 2015 u Pjan ta' Azzjoni dwar il-finanzjament tat-terroriżmu speċifiku fi Frar 2016. F'April, il-Kummissjoni pproponiet l-istabbiliment tas-Sistema tad-Dħul u l-Ħruġ (EES) u ppreżentat Komunikazzjoni li twitti t-triq lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina. Barra minn hekk, ċertifikazzjoni waħda tal-UE għal tagħmir ta' sigurtà għall-avjazzjoni ġiet adottata f'Settembru.

Dan l-aħħar, fl-14 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni tagħha “It-tisħiħ tas-sigurtà f'dinja ta' mobilità” li kkonfermat il-ħtieġa li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn l-iżgurar tal-mobilità u t-tisħiħ tas-sigurtà, filwaqt li jiġi ffaċilitat id-dħul legali fiż-Żona Schengen mingħajr il-ħtieġa ta' viża. Barra minn hekk, fis-6 ta' Ottubru, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta saret operazzjonali, disa' xhur biss wara l-proposta tal-Kummissjoni f'Diċembru, li juri impenn ċar li jissaħħu l-ġestjoni u s-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE.

Il-ħolqien mill-President Juncker ta' portafoll speċifiku ta' Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà f'Awwissu 2016 juri l-importanza li l-Kummissjoni qed tagħti lit-tisħiħ tar-reazzjoni tagħha kontra t-theddida tat-terroristi.

Għal aktar informazzjoni

Proposta għal Regolament li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar

Anness

Studju ta' fattibbiltà dwar Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar

MEMO: Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar: Mistoqsijiet u Tweġibiet

SKEDA INFORMATTIVA: Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar

Stqarrija għall-istampa: Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà: It-tieni rapport dwar il-progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u sostenibbli

Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa

IP/16/3674

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar