Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani: Il-kontribuzzjoni tal-UE għal oċeani mmaniġġjati b'mod sostenibbli, sikuri, siguri, u nodfa

Brussell, I-10ta' novembru 2016

L-ekonomija tal-oċean globali hija stmata għal EUR 1.3 biljun. It-tibdil fil-klima, il-faqar u s-sigurtà tal-ikel huma fost l-isfidi globali li jistgħu jiġu indirizzati b'mod effettiv jekk tal-oċeani jiġu protetti aħjar u mmaniġġjati b'mod sostenibbli.

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà illum adottaw Komunikazzjoni Konġunta li tipproponi azzjonijiet għal oċeani mmaniġġjati b'mod sostenibbli sikuri, siguri u nodfa. Bħala attur globali b'saħħtu, l-Unjoni Ewropea tistabbilixxi aġenda għal governanza aħjar tal-oċeani bbażata fuq approċċ transsettorjali u internazzjonali bbażat fuq ir-regoli.

Federica Mogherini, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, qalet: "B'din il-Komunikazzjoni Konġunta, nikkonfermaw l-impenn tagħna li nkunu fuq quddiem fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli, għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-UE u tad-dinja kollha.L-oċeani tagħna huma mhedda mill-kriminalità, mill-piraterija u mis-serq bl-użu tal-armi. Tentattivi biex jiġu affermati pretensjonijet territorjali jew marittimi qed jaffettwaw l-istabbiltà reġjonali u l-ekonomija globali. Jinħtieġ li nużaw l-għodda kollha li għandna biex niffurmaw il-governanza tal-oċeani u nagħmluha iktar parti integrali mill-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa wkoll eżempju konkret ta' kif l-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà twettaq l-impenji tagħha fil-prattika”.

Jyrki Katainen, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal "L-oċeani joffru potenzjal kbir biex jixprunaw it-tkabbir, ix-xogħol u l-innovazzjoni, u fl-istess waqt huma ċ-ċentru ta' xi wħud mill-isfidi l-iktar importanti, bħat-tibdil fil-klima, l-iskart fil-baħar u l-popolazzjoni globali li dejjem qed tikber. Din il-komunikazzjoni tmexxi 'l quddiem ir-rwol importanti tal-UE ´ bħala difensur tal-iżvilupp sostenibbli, attur globali fil-qafas tal-governanza tal-oċeani u utent tar-riżorsi tal-oċeani"

Karmenu Vella, il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, qal: "L-oċeani jagħmlu iktar minn 70% tal-pjaneta. Id-dinja indunat li l-oċeani jeħtieġu kura aħjar. Hija biss il-kooperazzjoni internazzjonali b'saħħitha li tista' tagħmel dan. L-UE qiegħda minn ta' quddiem biex toħloq sistema aktar b'saħħitha ta' governanza tal-oċeani madwar id-dinja. Aħna qed inħabbru aġenda għat-titjib ta' kif jiġu ġġestiti l-oċeani tagħna, u għall-investiment fix-xjenza. Dan ser jiżgura li r-riżorsi marittimi jintużaw b'mod sostenibbli, għal ekosistemi tal-baħar b'saħħithom u għal ekonomija oċeanika żviluppata b'mod b'saħħtu”.

Il-proposta tal-lum tistipula 14-il sett ta' azzjoni fi tliet oqsma ta' prijorità: 1) It-titjib fil-qafas tal-governanza internazzjonali tal-oċeani; 2) It-tnaqqis fil-pressjoni mill-bniedem fuq l-oċeani u l-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal-ekonomija blu sostenibbli 3) It-tisħiħ tar-riċerka u tad-dejta internazzjonali tal-oċeani.

1. It-titjib fil-qafas tal-governanza internazzjonali tal-oċeani:

Ir-regoli eżistenti tal-oċeani għandhom jiġu żviluppati u infurzati aktar, pereżempju biex jiġu indirizzati oqsma lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali jew jiġu implimentati l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli li kien hemm qbil dwarhom internazzjonalment bħall-ħolqien ta' mira ta' 10% għal Żoni Protetti tal-Baħar sal-2020. L-UE ser tikkoopera mas-sħab internazzjonali sabiex tiżgura l-implimentazzjoni u f'Ottubru 2017 se tospita l-konferenza msejħa “l-Oċeani Tagħna", biex tkompli tibni fuq dawn l-impenji. Sal-2018, il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll gwida dwar l-esplorazzjoni u l-isfruttament tar-riżorsi naturali f'żoni taħt ġurisdizzjoni nazzjonali.

Skont l-Strateġija dwar is-Sigurtà Marittima, l-Unjoni Ewropea ser taħdem mal-pajjiżi sħab biex jitnaqqsu t-theddid u r-riskji għas-sikurezza marittimi, bħalma hija l-piraterija, it-traffikar tal-bnedmin, u t-traffikar tal-armi u tad-drogi, filwaqt li jittieħed vantaġġ sħiħ tal-kapaċità tal-Aġenzija Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta, tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA). Barra minn hekk, l-UE hija impenjata bis-sħiħ fil-missionijiet u fl-operazzjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tagħha fil-Mediterran u fl-Oċean Indjan. L-EUNAVFOR Atalanta hija attiva fil-ġlieda kontra l-piraterija fil-kosta tas-Somalja, filwaqt li l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA qed taħdem biex tfixkel netwerks ta' kuntrabandisti u ta' traffikanti u sal-lum salvat aktar minn 28 000 ruħ fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali.

2. It-tnaqqis tal-pressjoni fuq l-oċeani u l-ibħra u l-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal ekonomija blu sostenibbli:

Mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Pariġi, il-Kummissjoni se taħdem biex issaħħaħ l-azzjoni tagħha relatata mal-oċeani għall-implimentazzjoni tal-impenji nazzjonali u internazzjonali, billi tibda bil-Jum tal-Oċeani fis-COP 22 fil-Marrakech fit-12 ta' Novembru 2016. Billi l-oċeani jassorbu 25 % mid-CO2 iġġenerat, huma regolaturi importanti tal-klima. Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni biex jiġi limitat it-tisħin u l-aċidifikazzjoni tal-oċeani, hemm ir-riskju tad-deregolazzjoni tal-klima mill-oċeani.

Il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux regolat u mhux rappurtat (IUU) hija prijorità għall-UE. Mill-inqas 15 % tal-qabdiet tal-ħut fid-dinja kollha, b'valur ta' €EUR 8-19-il biljun fis-sena, huma illegali. Bħala mexxej fil-ġlieda kontra s-sajd IUU, l-UE ser tippromwovi azzjoni multilaterali u ssaħħaħ ir-rwol tal-Interpol fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. L-UE se tniedi proġett pilota biex jiġi mmonitorjat is-sajd illegali madwar id-dinja bl-użu tal-komunikazzjonijiet bis-satellita.

L-iskart fil-baħar huwa theddida kbira oħra għall-oċeani tagħna. Skont il- “Pjan ta' Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari”, l-UE se tipproponi sal-2017 strateġija dwar il-plastik, li se tikkontribwixxi biex jitnaqqas l-iskart tal-baħar b'mill-inqas 30 % sal-2020.

Il-Kummissjoni se taħdem għal linji gwida internazzjonali dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu sal-2025 u se tgħin biex tespandi ż-żoni protetti tal-baħar madwar id-dinja permezz ta' finanzjament taħt il-programm Orizzont 2020 u l-programm LIFE.

3. It-tisħiħ tar-riċerka u tad-dejta internazzjonali tal-oċeani:

Madwar 90% ta' qiegħ il-baħar tal-oċeani għadu mhux minsus. Inqas minn 3 % minnu jintuża għal attività ekonomika. Aktar fehim u għarfien xjentifiku sod huwa essenzjali biex ir-riżorsi tal-oċeani jiġu mmaniġġjati b'mod sostenibbli u titnaqqas il-pressjoni min-naħa tal-bniedem. In-Netwerk Ewropew tad-Dejta Blu, in-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u d-Data tal-Baħar jipprovdi data minn aktar minn 100 korp ta' riċerka tal-baħar u huwa aċċessibbli għal kulħadd. Il-Kummissjoni se tipproponi kif għandha tiġi żviluppata din il-bażi tad-data f'netwerk dinji ta' dejta tal-baħar.

L-azzjonijiet proposti issa se jiġu diskussi mal-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew.

Sfond

L-inizjattiva tal-lum hija parti integrali mir-rispons tal-UE għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, u b'mod partikolari l-Għan numru 14 tal-Iżvilupp Sostenibbli “il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar”. Din hija bbażata fuq il-mandat politiku mogħti lill-Kummissarju Vella mill-President Juncker, “biex nimpenjaw ruħna fit-tfassil tal-governanza internazzjonali tal-oċeani fin-NU, f'fora multilaterali oħra, u bilateralment ma' msieħba ewlenin globali”.

Ir-rwol tal-UE fil-promozzjoni tas-sikurezza u s-sigurtà marittima, it-tkabbir globali u l-governanza globali permezz ta' sħubiji bilaterali, reġjonali u multilaterali huwa msejjes fuq Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea. L-Istrateġija Globali, ippreżentata mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini f'Ġunju 2016, titlob għal koordinazzjoni akbar tal-politiki interni u esterni. Il-Komunikazzjoni Konġunta tal-lum għandha l-għan li tgħaqqad id-dimensjonijiet interni u esterni tas-sigurtà ta' governanza tajba tal-oċeani. Hija tieħu kont ta' strateġiji eżistenti partikolarment tal-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà Marittima u l-istrateġiji reġjonali fil-Golf tal-Ginea u fl-Oċean Indjan, inkluża l-politika integrata dwar l-Artiku. Dawn l-isforzi għandhom l-għan li jirriżultaw f'responsabbiltà internazzjonali kondiviża aħjar għall-oċeani tagħna.

Għal aktar tagħrif

Joint communication and Factsheet available on Websajt ta' governanza tal-Oċean Internazzjonali

Infografika dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani

Infografika dwar l-UE u l-governanza internazzjonali tal-oċeani

L-Operazzjonijiet tal-UE fil-Mediterran

IP/16/3619

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar