Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Pakkett tat-Tkabbir 2016: proċess tat-tkabbir kredibbli huwa fundamentali biex jixpruna t-trasformazzjoni u jankra l-istabbiltà fl-Ewropa tax-Xlokk

Brussell, id-9ta' novembru 2016

Pakkett tat-Tkabbir 2016: proċess tat-tkabbir kredibbli huwa fundamentali biex jixpruna t-trasformazzjoni u jankra l-istabbiltà fl-Ewropa tax-Xlokk

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Pakkett tat-Tkabbir annwali tagħha. Hija tevalwa fejn qegħdin il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija fl-implimentazzjoni ta' riformi politiċi u ekonomiċi ewlenin, u x'jenħtieġ isir sabiex jiġu indirizzat l-isfidi li fadal. Fost affarijiet oħra, il-Kummissjoni tirrakkomanda li Stati Membri jikkunsidraw jiftħu n-negozjati ta' adeżjoni mal-Albanija. Madankollu, dan ikun b'kundizzjoni stretta li jsir progress kredibbli u tanġibbli fl-implimentazzjoni tar-riforma ġudizzjarja, b'mod partikulari fl-evalwazzjoni mill-ġdid tal-imħallfin u l-prosekuturi ("skrutinju").

Fil-preżentazzjoni tal-Pakkett tat-Tkabbir, il-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn qal: "Il-prospett ta' sħubija fl-UE għadu qed jixpruna t-trasformazzjoni u jankra l-istabbiltà fil-pajjiżi tal-Ewropa tax-Xlokk, u proċess tat-tkabbir kredibbli jibqa' għodda insostitwibbli sabiex isaħħaħ dawn il-pajjiżi u jgħinhom iwettqu riformi politiċi u ekonomiċi. Illum nirreppetu l-appoġġ kontinwu tal-UE għal dawn l-isforzi u nsejħu lill-gvernijiet tal-pajjiżi ta' tkabbir sabiex iħaddnu r-riformi meħtieġa b'mod iktar attiv u tassew jagħmluhom l-aġenda politika tagħhom – mhux għax qed titlobhom l-UE, iżda għax huma fl-aħjar interess taċ-ċittadini tagħhom, u tal-Ewropa b'mod sħiħ".

Il-Kummissarju Hahn żied li r-rapport annwali ta' din is-sena dwar it-Turkija wasal f'perjodu importanti ħafna għat-Turkija u għar-relazzjonijiet UE-Turkija: "Ninsabu serjament mħassba dwar id-degradazzjoni tal-istat ta' dritt u d-demokrazija li qed jixirfu wara t-tentattiv fallut ta' kolp ta' stat. It-Turkija teħtieġ urġentament tieqaf titbiegħed mill-UE, għall-ġied tagħha stess."

Il-politika tat-tkabbir tkompli tagħti r-riżultati u r-riformi mexjin 'il quddiem il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, anki jekk b'rati differenti. Għaldaqstant jibqa' essenzjali impenn kontinwu lejn il-prinċipju ta' l-essenzjali l-ewwel: il-Kumissjoni se tkompli tiffoka l-isforzi fuq l-istat ta' dritt, inklużi s-sigurtà, id-drittijiet fundamentali, ir-riforma tal-istituzzjoniijiet demokratiċi u l-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll fuq l-iżvilupp u l-kompetittività ekonomiċi. Irwol ikbar għas-soċjetà ċivili u partijiet interessati b'mod iktar wiesa' jibqa' kruċjali.

Is-sitwazzjoni attwali

Fil-qasam tal-istat ta' dritt, b'mod ġenerali, kien hemm sforzi sabiex jiġu mmodernizzati l-oqfsa u l-infrastruttura legali. L-Albanija b'mod unanimu adottat emendi kostituzzjonali li jipprovdu bażi għal riforma ġudizzjarja profonda u komprensiva. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jkomplu jaffaċċjaw problemi ta' effiċjenza u nuqqas ta' indipendenza suffiċjenti u akkontabbiltà tal-ġudikatura. F'dawn l-aħħar snin, il-pajjiżi kollha saħħew l-oqfsa tagħhom tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; issa huma meħtieġa sforzi iktar minn qatt qabel li jiffokaw sabiex tiġi stabbilita sensiela ta' riżultati tajbin fejn jidħlu investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u sentenzi tal-qrati f'każi fil-livelli kollha. Pajjiżi ta' tkabbir emendaw ukoll il-liġijiet kriminali tagħhom u l-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu, u ramaw irwieħhom b'għodda iktar robusti sabiex jiġġieldu kontra dawn il-fenomeni. Ħafna minnhom adottaw strateġiji u pjanijiet ta' azzjoni ġodda kontra t-terroriżmu, iżda jeħtieġ isir iktar sabiex tiġi miġġielda r-radikalizzazzjoni, speċjalment fil-qasam tal-edukazzjoni u permezz ta' kontroll aħjar ta' finanzjament barrani li jrawwem twemmin radikali.

Id-drittijiet fundamentali għadhom ikunu fil-biċċa l-kbira mnaqqxa fil-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi tat-tkabbir. Fil-Balkani tal-Punent, għad fadal nuqqasijiet fil-prattika, iżda s-sitwazzjoni hija stabbli b'mod ġenerali. Fit-Turkija, kien hemm rigressjoni f'dan il-qasam u l-implimentazzjoni fil-prattika sikwit turi nuqqasijiet sinifikanti. Wara t-tentattiv ta' kolp ta' stat f'Lulju, ġie ddikjarat stat ta' emerġenza li daħħal miżuri estensivi li jirriduċu d-drittijiet fundamentali. Wara l-attentat ta' kolp, kien hemm diversi allegazzjonijiet ta' ksur serju tal-projbizzjonijiet fuq it-tortura u t-trattament ħażin u tad-drittijiet proċedurali.

Il-libertà tal-espressjoni u tal-midja tibqa' ta' tħassib partikulari fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ta' tkabbir, anki jekk fi gradi differenti. Dan in-nuqqas ta' progress f'dan il-qasam, diġà osservat fl-aħħar sentejn, ippersista u, f'xi każi, intensifika. Id-diskriminazzjoni u l-ostilità lejn gruppi vulnerabbli, inklużi abbażi ta' orjentazzjoni sesswali jew identità tal-ġeneru, tibqa' ta' tħassib serju.

Il-kriżi tal-migrazzjoni kienet waħda mill-kwistjonijiet ewlenin fl-aġenda politika tal-aħħar sena. Din kompliet turi r-relevanza strateġika tal-politika tat-tkabbir fir-reġjun. L-UE rreaġixxiet b'mod komprensiv u sensittiv għad-drittijiet. L-għeluq effettiv tar-rotta mill-Balkani tal-Punent mill-pajjiżi kkonċernati b'konġunzjoni mad-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu tat riżultati ċari fil-prattika, bl-għadd ta' migranti irregulari u applikanti għall-ażil jonqos b'mod sinifikanti minn diversi eluf kuljum għal medja ta' inqas minn mija kuljum. Dan ukoll wassal għal tnaqqis drastiku fl-għadd ta' imwiet fuq il-baħar.

Il-funzjonament proprju tal-istituzzjonijiet demokratiċi jibqa' sfida ewlenija f'għadd ta' pajjiżi. L-irwol ċentrali tal-parlamenti nazzjonali għad-demokrazija jeħtieġ li jiġi minqux fil-kultura politika. Fit-Turkija, it-tentattiv ta' kolp ta' stat f'Lulju kien attakk xokkanti u brutali fuq l-istituzzjonijiet eletti demokratikament. Peress li kien ta' theddida serja għad-demokrazija Torka u l-istat Tork, reazzjoni rapida u deċisiva għal dik it-theddida kienet leġittima. Madankollu, l-iskala u n-natura kollettiva tal-miżuri li ttieħdu wara t-tentattiv ta' kolp iqajmu għadd ta' mistoqsijiet.

Il-progress fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika kien żbilanċjat fost il-pajjiżi. Id-drittijiet taċ-ċittadini għal amministrazzjoni tajba, aċċess għall-informazzjoni u għall-ġustizzja amministrattiva għandhom jiġu assigurati aħjar.

Is-sitwazzjoni ekonomika ttejbet gradwalment madwar ir-reġjun, bi tkabbir iktar b'saħħtu, investiment aktar għoli, u iktar impjiegi maħluqa mis-settur privat. Madankollu, il-pajjiżi tat-tkabbir kollha jaffaċċjaw sfidi strutturali ekonomiċi u soċjali kbar, bl-effiċjenza baxxa tal-amministrazzjoni pubblika u r-rati għolja ta' qgħad. B'mod inkwetanti, il-qgħad fost iż-żgħażagħ b'mod partikulari għadu għoli. Il-klima ta' investiment hija affettwata ħażin ukoll minn dgħufijiet kontinwi fl-istat ta' dritt.

L-ispinta li ngħatat permezz tal-"proċess ta' Berlin" u l-inizjattiva tas-Sitt Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, notevolment fir-rigward tal-aġenda ta' konnettività tal-UE, kompliet trawwem żieda fil-kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet tajbin bejin il-ġirien, biex b'hekk tappoġġa l-istabbilizazzjoni politika u l-opportunitajiet ekonomiċi.

SFOND

Proċess tat-tkabbir

L-aġenda attwali tat-tkabbir tkopri l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija. In-negozjati għall-adeżjoni nfetħu mal-pajjiżi kandidati t-Turkija (2005), il-Montenegro (2012) u mas-Serbja (2014), iżda għalissa mhux mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (pajjiż kandidat sa mill-2005) u anqas mal-Albanija (status ta' kandidat fl-2014). Il-Bożnija-Ħerzegovina, u l-Kosovo huma kandidati potenzjali.

Għal sejbiet u rakkomandazzjonijiet dettaljati dwar kull pajjiż ara:

Dokument ta' Strateġija:

http://ec.europa.eu/enlargement/pdf/key_documents/2016/20161109_strategy_paper_en.pdf

L-Albanija:

http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-16-3636_en.htm

Il-Bożnija-Ħerzegovina:

http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-16-3637_en.htm

L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja:

http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-16-3634_en.htm

Il-Kosovo:

http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-16-3633_en.htm

Il-Montenegro:

http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-16-3638_en.htm

Is-Serbja:

http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-16-3635_en.htm

It-Turkija:

http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-16-3639_en.htm

 

 

IP/16/3613

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar