Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-politika spazjali ġdida tal-Kummissjoni tiffoka fuq it-titjib tal-ħajja ta' kuljum tan-nies u fuq it-tisħiħ tal-kompetittività tal-Ewropa

Brussell, is-26ta' ottubru 2016

Il-programmi spazjali tal-UE diġà jipprovdu servizzi għall-benefiċċju ta' miljuni ta' persuni. L-industrija spazjali Ewropea hija b'saħħitha u kompetittiva kif ukoll toħloq l-impjiegi u l-opportunitajiet ta' negozju għall-imprendituri. Il-proposta tal-lum għal politika spazjali ġdida se trawwem servizzi ġodda u tippromwovi t-tmexxija tal-Ewropa f'dan is-settur.

Il-Viċi-President Maroš Šefčovič qal: "L-Unjoni Ewropea hija attur ewlieni fil-politika tal-ispazju. Fuq dan irridu nibnu u nużaw dan ir-rwol ta' tmexxija, b'mod strateġiku, biex noħolqu l-impjieg u t-tkabbir u biex inwettqu l-prijoritajiet tal-politika komuni tagħna: is-sigurtà, it-tibdil fil-klima, it-trasport, l-ekonomija tad-dejta, il-ġestjoni tad-diżastri naturali. Dan jirrikjedi kooperazzjoni ma' sħabna u mal-partijiet ikkonċernati fl-Ewropa u internazzjonalment. Id-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u l-ESA dwar il-"Viżjoni u l-Għanijiet Komuni tagħna għall-Futur tal-Ewropa fl-Ispazju" li se tiġi ffirmata illum wara nofsinhar hija pass ieħor importanti f'dik id-direzzjoni.”

Elżbieta Bieńkowska, il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, qalet L-applikazzjonijiet ibbażati fuq it-teknoloġija spazjali qed jibdlulna ħajjitna, l-ekonomija tagħha, l-industrija tagħna. L-ispazju huwa settur industrijali ewlieni fl-ekonomija tal-Ewropauriżorsa strateġika ta' appoġġ għall-awtonomija tal-azzjoni tal-Ewropa fl-istadju globali. Iżda jeħtieġ aktar imprendituri u aktar investiment privat jekk irriduh jibqa' fuq quddiem. Għalhekk il-messaġġ tiegħi lill-industrija, lill-impriżi ġodda u lill-investituri huwa li l-ispazju huwa importanti u lise nkunu fl-ispazju għal żmien twil."

Il-programmi spazjali tal-UE diġà jipprovdu servizzi li saru indispensabbli fil-ħajja ta' kuljum. Id-dejta spazjali għandna bżonnha meta nużaw it-telefown ċellulari, meta nsuqu l-karozza b'sistema ta' navigazzjoni, meta naqbdu ajruplan jew meta naraw it-televixin bis-satellita. Hija ċentrali wkoll għall-protezzjoni ta' infrastrutturi ewlenin bħall-impjanti tal-enerġija, in-netwerks intelliġenti jew anki t-tranżazzjonijiet bankarji. Id-dejta spazjali tgħinna fil-ġestjoni tal-fruntieri tagħna u fis-salvataġġ ta' ħajjet in-nies fuq il-baħar. Ittejjeb ir-rispons tagħna għat-terremoti, in-nirien fil-foresti u l-għargħar. Tippermetti lill-bdiewa tagħna jippjanaw bil- quddiem. Tgħinna biex inħarsu l-ambjent u nissorveljaw it-tibdil fil-klima.

L- Istrateġija dwar l-Ispazju għall-Ewropa twieġeb għall-kompetizzjoni globali li qed tikber, għall-involviment tas-settur privat li qed dejjem jiżdied u għall-bidliet teknoloġiċi kbar. Il-Kummissjoni tipproponi firxa ta' azzjonijiet biex l-Ewropej ikunu jistgħu jisfruttaw bis-sħiħ il-benefiċċji li l-ispazju joffri, biex tinħoloq ekosistema adatta sabiex l-impriżi ġodda li jinvestu fl-ispazju jikbru, biex titħeġġeġ it-tmexxija tal-Ewropa f'dan is-settur u biex jiżdied is-sehem tagħha fis-swieq dinjija tal-ispazju.

L-isfruttar tal-ispazju għas-soċjetà u l-ekonomija tagħna

Issa li l-infrastruttura tal-programmi spazjali tal-UE hija avvanzata sew, jeħtieġ li l-enfasi tinbidel biex jiġi żgurat użu kummerċjali tad-dejta spazjali mis-settur pubbliku u privat. Il-programmi spazjali tal-UE se jipprovdu servizzi addizzjonali li jikkontribwixxu lejn il-prijoritajiet Ewropej komuni bħas-sigurtà u d-difiża, kif ukoll il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-Kummissjoni se tippromwovi l-użu ta' Galileo f'apparati mobbli u infrastrutturi kritiċi u ttejjeb il-konnettività f'żoni remoti. Se tagħmilha eħfef għall-kumpaniji innovattivi u l-impriżi ġodda biex jaċċessaw id-dejta spazjali permezz ta' pjattaformi dedikati mmexxija mill-industrija biex jiżviluppaw is-servizzi u l-applikazzjonijiet.

It-trawwim ta' settur spazjali Ewropew kompetittiv u innovattiv

Jeħtieġ li s-settur spazjali Ewropew jibqa' fuq quddiem fl-innovazzjoni rivoluzzjonarja mgħaġġla, fl-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju ġodda u fil-kompetizzjoni globali li qed tikber. Il-finanzjament tal-UE se jkun aktar immirat lejn l-imprendituri tal-ispazju fil-fażijiet tal-bidu u ta' espansjoni tal-impirżi tagħhom fis-Suq Uniku kollu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tippromwovi aktar investiment privat għal dawn l-imprendituri ġodda, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u l-Fond ta' Fondi tal-Kapital ta' Riskju imminenti. Se tappoġġa wkoll l-iżvilupp ta' ċentri u raggruppamenti industrijali spazjali Ewropej fir-reġjuni Ewropej.

Iż-żamma tal-awtonomija strateġika tal-Ewropa, bit-tisħiħ tar-rwol dinji tagħha fl-ispazju

L-aċċess awtonomu tal-Ewropa u l-użu tal-ispazju huma elementi strateġiċi għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE, l-industrija u n-negozju tagħna, kif ukoll is-sigurtà, id-difiża u l-awtonomija strateġika tagħna. L-UE hija l-akbar klijent istituzzjonali Ewropew u qed tippjana li tillanċja aktar minn 30 satellita fl-10-15-il sena li ġejjin għall-programmi tagħha ta' Galileo u Copernicus. Din hija opportunità b'mod partikolari għall-vijabilità ekonomika tal-lanċjaturi tal-futur mibnija fl-Ewropa bħal Ariane 6 u Vega C. Il-Kummissjoni se taġixxi bħala klijent intelliġenti u se tiġbor flimkien il-ħtiġijiet tagħha tas-servizz ta' llanċjar. Se tkompli tappoġġa wkoll l-aċċess tal-kumpaniji Ewropej għas-swieq globali. Abbażi ta' inizjattiva eżistenti se tibda taħdem fuq Servizz komprensiv ta' Għarfien tas-Sitwazzjoni Spazjali tal-UE biex tipproteġi l-infrastrutturi kritiċi tal-ispazju mit-tifrik spazjali, it-temp tal-ispazju u l-attakki ċibernetiċi. Permezz tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża imminenti, il-Kummissjoni se tniedi wkoll l-inizjattiva GOVSATCOM biex tiżgura servizzi ta' komunikazzjoni bis-satellita affidabbli, sikuri u kosteffikaċi għall-UE u għall-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali. Fid-dawl tal-ħtieġa għal kooperazzjoni b'saħħitha mal-imsieħba globali tagħna, il-Kummissjoni se taġixxi flimkien mar-Rappreżentant Għoli u mal-Istati Membri biex tippromwovi u tħares l-użu tal-ispazju għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Nhar is-26 ta' Ottubru, wara nofsinhar, l-UE u l-Aġenzija Spazjali Ewropea se jiffirmaw dikjarazzjoni konġunta biex jesprimu l-viżjoni konġunta tagħhom għal politika spazjali Ewropea. Din hija dikjarazzjoni unika, li turi l-importanza li ż-żewġ istituzzjonijiet jagħtu lill-kooperazzjoni integrata u mill-qrib f'approċċ għall-ispazju verament Ewropew. 

Sfond

L-Ewropa bħala entità sħiħa (l-Istati Membri, l-Aġenzija Spazjali Ewropea, l-EUMETSAT u l-UE) hija attur globali ewlieni tal-ispazju. Għandha industrija b'saħħitha u kompetittiva, pereżempju għas-satelliti, il-lanċaturi u s-servizzi/operazzjonijiet relatati. L-industrija spazjali Ewropea timpjega aktar minn 230 000 professjonist u tiġġenera valur miżjud stmat għal EUR 46-54 biljun. L-Ewropa timmanifattura terz tas-satelliti tad-dinja. Kisbet bosta suċċessi fl-ispazju b'teknoloġiji innovattivi u missjonijiet ta' esplorazzjoni.

L-UE qed tinvesti EUR 12-il biljun matul il-perjodu 2014–2020 biex tiġi żviluppata l-kwalità għolja tal-proġetti spazjali. Copernicus, sistema ewlenija li tforni dejta ta' osservazzjoni terrestri madwar id-dinja, diġà qed tgħin biex tiġi salvata ħajjet in-nies fuq il-baħar, ittejjeb ir-rispons tagħna għad-diżastri naturali bħal terremoti, nirien fil-foresti jew għargħar, u tippermetti lill-bdiewa jimmaniġġaw aħjar il-prodotti tagħhom. Galileo, is-sistema globali ta' navigazzjoni bis-satellita tal-Ewropa, dalwaqt se tipprovdi informazzjoni aktar preċiża u affidabbli dwar l-ippożizzjonar u s-sinkronizzazzjoni għall-karozzi konnessi u awtonomi, għall-ferroviji, għall-avjazzjoni u għal setturi oħra. Is-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) tipprovdi servizzi ta' navigazzjoni ta' protezzjoni tal-ħajja lill-utenti marittimi, terrestri u tal-avjazzjoni fil-parti l-kbira tal-Ewropa.

Numru ta' impriżi ġodda innovattivi diġà jużaw dejta satellitari, pereżempju biex il-bdiewa jkunu jistgħu jimmonitorjaw l-għelieqi tagħhom b'mod aktar effiċjenti (FieldSense, rebbieħ tal-Copernicus Masters 2014 ), biex jużaw dejta ta' ppożizzjonar għal applikazzjonijiet fl-Internet tal-Oġġetti (Geko navsat, rebbieħ tal-premju GSA 2014 u 2015) jew biex jipprovdu droni ta' salvataġġ marittimu (Sincratech, rebbieħ tal-premju Satnav 2015).  

Aktar informazzjoni:

Mistoqsijiet Frekwenti

Filmati ta' repertorju (Stockshots)

IP/16/3530

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar