Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tirrakkomanda l-estensjoni tal-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni għal perjodu limitat ta' tliet xhur

Strasburgu, il-25ta' ottubru 2016

Il-Kummissjoni tirrakkomanda l-estensjoni tal-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni għal perjodu limitat ta' tliet xhur

Illum il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Rakkomandazzjoni, li trid tiġi adottata mill-Kunsill, biex testendi ċerti kontrolli proporzjonati f'ċerti fruntieri interni ta' Schengen fl-Awstrija, fil-Ġermanja, fid-Danimarka, fl-Isvezja u fin-Norveġja, fejn il-kontrolli diġà jsir – skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju – għal perjodu ta' tliet xhur oħra. Minkejja li l-istabbilizzazzjoni gradwali tas-sitwazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet tal-Pjan Direzzjonali "Lura lejn Schengen" li jippermetti ritorn lejn il-funzjonament normali taż-Żona Schengen għadhom mhumiex issodisfati għal kollox.

L-ewwel Viċi President Timmermans qal: "iż-Żona Schengen mingħajr fruntieri interni hija kisba storika li għandna nippreservaw. Qed nistinkaw għal ritorn lejn il-funzjonament normali taż-Żona Schengen mill-aktar fis possibbli, u għamilna progress sinifikanti. Iżda għadna ma wasalniex s'hemm. Huwa għalhekk li llum qed nipproponu estensjoni limitata ulterjuri ta' ċerti kontrolli fil-fruntieri, f'konformità mar-regoli ta' Schengen. Bl-applikazzjoni ta' Schengen qed nipproteġu ż-Żona Schengen."

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: "Il-prijorità u determinazzjoni tagħna hija waħda u ċara: is-salvagwardja ta' Schengen u r-restawr tal-funzjonament normali taż-Żona Schengen hekk kif il-kundizzjonijiet jippermettu dan. Matul ix-xhur li għaddew ħadna passi importanti biex nindirizzaw in-nuqqasijiet fil-fruntieri esterni tagħna. Pass importanti fil-ħidma tagħna kien it-tnedija riċenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta biex jindirizzaw aħjar l-isfidi tal-migrazzjoni u tas-sigurtà. Iżda b'xorti ħażina għadna ma wasalniex hemm. Għalhekk, qed nirrikkomandaw li jinżammu, għal perjodu ta' żmien strettament limitat, il-kontrolli kkoordinati u proporzjonati fil-fruntieri interni f'uħud mill-fruntieri ta' Schengen. Sadanittant, se nkomplu bil-ħidma tagħna biex nindirizzaw ulterjorment l-isfidi migratorji u ta' sigurtà attwali kollha sabiex inkunu nistgħu nneħħu l-kontrolli kollha fil-fruntieri interni mill-aktar fis possibbli.”

Minkejja tnaqqis sinifikanti fil-għadd ta' wasliet ta' migranti irregolari u ta' persuni li jfittxu l-ażil, l-aktar minħabba l-implimentazzjoni kontinwa tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija, għadu qed jippersisti għadd sinifikanti ta' migranti irregolari fil-Greċja kif ukoll fl-Istati Membri li ġie affettwat l-aktar mill-movimenti sekondarji mill-Greċja. It-tneħħija ta' kontrolli fil-fruntiera temporanji jista' għalhekk, f'dan l-istadju, jwassal għal żieda fil-movimenti sekondarji. Barra minn hekk, l-għadd kbir ta' applikazzjonijiet għall-ażil magħmula matul is-sena li għaddiet, flimkien mal-applikazzjonijiet li għadhom qed jaslu, poġġa pressjoni sinifikanti fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali u s-servizzi fil-ħames Stati Schengen li lilhom hija indirizzata r-Rakkomandazzjoni.

Minkejja l-progress importanti u stabbli fl-oqsma identifikati fil-Pjan Direzzjonali “Lura lejn Schengen”, dawn l-azzjonijiet għad għandhom bżonn iż-żmien biex jiġu implimentati u jagħtu r-riżultati mistennija. L-implimentazzjoni sħiħa tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta mnedija fis-6 ta' Ottubru,li se tkompli ssaħħaħ il-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, se titlesta sa Jannar 2017. It-tkomplija tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija flimkien ma' tnaqqis sostnut fil-wasliet għandhom jippermettu lill-Istati Membri li jkomplu jipproċessaw u jlaħħqu max-xogħol b'lura tal-applikazzjonijiet għall-ażil u jikkonsolidaw il-kapaċitajiet ta' akkoljenza tagħhom. Fl-aħħar nett, l-applikazzjoni sħiħa tar-regoli eżistenti ta' Dublin trid titreġġa' lura, bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-Greċja.

Minħabba f'dan, iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li wasslu għall-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju, għadhom jippersistu. Għaldaqstant, huwa ġġustifikat li jkun permess lill-Istati Membri kkonċernati li jtawlu l-kontrolli kurrenti fil-fruntieri interni għal perjodu ta' żmien ulterjuri proporzjonat. Imsejsa fuq indikaturi abbażi tal-fatti disponibbli f'dan l-istadju, l-estensjoni ma għandhiex taqbeż it-tliet xhur. Qabel jagħżlu l-alternattiva għal kontinwazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri wkoll jeżaminaw jekk il-miżuri alternattivi għal kontrolli fil-fruntieri jistgħux jiksbu l-istess effett u għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni bl-eżitu ta' dan l-eżami. Jenħtieġ li dawk l-Istati Membri li jagħżlu li jkomplu l-kontrolli interni fil-fruntieri skont ir-Rakkomandazzjoni tal-lum, jirrieżaminaw kull ġimgħa l-ħtieġa, il-frekwenza, il-lokazzjoni u l-ħinijiet tal-kontrolli, jaġġustaw l-intensità tal-kontrolli għal-livell tat-theddida indirizzata, u jneħħuhom gradwalment kull fejn xieraq. L-Istati Membri issa se jkollhom ukoll l-obbligu li jipprovdu rapporti dettaljati kull xahar dwar il-kontrolli mwettqa u l-ħtieġa tagħhom.

L-estensjoni, li l-Kummissjoni qed tirrakkomanda għal perjodu ulterjuri ta' tliet xhur, tikkonċerna l-istess fruntieri interni bħal dawk rakkomandati fit-12 ta' Mejju:

  • L-Awstrija: fil-fruntiera fuq l-art bejn l-Awstrija u l-Ungerija u bejn l-Awstrija u s-Slovenja

  • Il-Ġermanja: fil-fruntiera fuq l-art bejn il-Ġermanja u l-Awstrija;

  • Id-Danimarka: fil-portijiet Daniżi b'konnessjonijiet bil-lanċa lejn il-Ġermanja u fil-fruntiera fuq l-art bejn id-Danimarka u l-Ġermanja;

  • L-Iżvezja: fil-portijiet Żvediżi fir-Reġjun tal-Pulizija tan-Nofsinhar u tal-Punent u fuq il-pont ta' Öresund;

  • In-Norveġja: fil-portijiet Norveġiżi b'konnessjonijiet tal-lanċa lejn id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Isvezja.

Kuntest

Il-kombinazzjoni ta' defiċjenzi serji fl-immaniġġar tal-fruntieri esterni mill-Greċja f'dak iż-żmien flimkien mal-għadd sinifikanti ta' migranti preżenti mhux reġistrati fil-Greċja li setgħu fittxew li jiċċaqilqu b'mod irregolari lejn Stati Membri oħra, ħolqu ċirkostanzi eċċezzjonali li jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna u qed jipperikolaw il-funzjonament ġenerali taż-Żona Schengen. Dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali wasslu sabiex tinbeda l-proċedura ta' salvagwardja tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2016 li ttawwal ċerti kontrolli proporzjonati f'ċerti fruntieri interni ta' Schengen fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fl-Isvezja, fid-Danimarka u fin-Norveġja għal perjodu ta' sitt xhur.

Fit-28 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni ħarġet ir-rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni mill-ħames Stati Membri ta' Schengen baqgħu skont il-kundizzjonijiet stipulati mill-Kunsill fir-Rakkomandazzjoni tiegħu. Il-kontrolli kienu limitati strettament għal dak li huwa neċessarju u proporzjonat fid-dawl tat-theddida serja għall-politika pubblika u għas-sigurtà interna maħluqa minħabba r-riskju ta' movimenti sekondarji ta' migranti irregolari li jidħlu mill-Greċja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li hija ma rat ebda tibdil fiċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw emenda tar-Rakkomandazzjoni fil-mument tar-rappurtar.

Għal aktar informazzjoni

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Rakkomandazzjoni għal estensjoni temporanja ta' kontrolli fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-Żona Schengen f'riskju

Mistoqsijiet u tweġibiet: Approċċ ikkoordinat tal-UE għal kontrolli temporanji fil-fruntieri interni

SKEDA INFORMATTIVA: Ir-Regoli ta' Schengen Spjegati

Lura lejn Schengen – Pjan Direzzjonali

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tieħu l-passi li jmiss biex tneħħi l-kontrolli fil-fruntieri interni temporanji

Proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kontrolli fil-fruntieri interni

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tadotta t-tieni Rakkomandazzjoni li tidentifika l-passi biex jiġu stabbiliti mill-ġdid it-trasferimenti ta' Dublin lejn il-Greċja

Stqarrija għall-istampa: It-tnedija tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

Mistoqsijiet u tweġibiet: L-Aġenzija Ewropea l-ġdida għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

Stqarrija għall-istampa: Ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar permezz tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Stqarrija għall-istampa: Il-Kunsill jadotta l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-passi li jmiss lejn it-tneħħija ta' kontrolli fil-fruntieri temporanji

IP/16/3501

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar