Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tinvesti aktar minn EUR 220 miljun fi proġetti favur l-ambjent u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-Istati Membri

Brussell, it-3ta' novembru 2016

LIFE: 144 proġett ta' investiment innovattiv għat-titijib tal-ambjent u tal-azzjoni klimatika.

Il-Kummissjoni Ewropea approvat pakkett ta' investiment ta' €227.7 miljun mill-baġit tal-UE biex tappoġġa t-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn futur aktar sostenibbli u b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju. Il-finanzjament tal-UE se jixpruna investimenti addizzjonali li se jwasslu għal total ta' €398.6 miljun li għandhom jiġu investiti f'144 proġett ġdid fi 23 Stat Membru.

L-appoġġ qed jingħata mill-programm LIFE għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika. €323.5 miljun se jmorru għal proġetti fil-qasam tal-ambjent u l-effiċjenza fir-riżorsi, in-natura u l-bijodiversità, u l-governanza ambjentali u l-informazzjoni.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Karmenu Vella qal: “Ninsab kuntent li din is-sena l-programm tagħna LIFE se jerġa' jappoġġa ħafna proġetti innovattivi biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali komuni tagħna. Il-proġetti ffinanzjati mill-programm LIFE jużaw relattivament ftit fondi u b'ideat sempliċi biex jinħolqu attivitajiet kummerċjali favur l-ambjent bi qligħ li jwasslu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u b'livell baxx tal-karbonju”

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija, Miguel Arias Cañete qal: “Bid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Pariġi, issa rridu nikkonċentraw fuq it-twettieq tal-wegħdiet tagħna. Dawn il-proġetti se joħolqu l-kundizzjonijiet ġusti għall-promozzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi u t-tixrid tal-aħjar prattiki għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-adattament għat-tibdil fil-klima madwar l-Unjoni Ewropea. B'dan il-mod jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-UE tal-Ftehim ta' Pariġi.”*

Il-proġetti juru l-impenn kontinwu tal-Kummissjoni fir-rigward tal-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari ewlieni tagħha. L-Istati Membri jingħataw għadd sinifikanti ta' għotjiet sabiex jgħinuhom jagħmlu t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ċirkolari bl-aħjar mod. Fost l-eżempji ta' proġetti rikonoxxuti fl-2016 hemm it-trakkijiet ġodda għall-ġbir tal-iskart li jaħdmu bl-idroġenu u bl-elettriku u jiffrankaw l-enerġija fil-Belġju, it-teknoloġiji għat-tnaqqis tar-riskji għas-saħħa marbuta mal-ħama fl-ilma mormi li ġew implimentati għall-ewwel darba fl-Italja u proġett biex jgħin lill-muniċipalitajiet Griegi, bħal Olympia, biex iżidu r-rati tar-riċiklaġġ.

Fil-qasam tal-azzjoni klimatika, l-investiment se jappoġġa proġetti relatati mal-adattament għat-tibdil fil-klima, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-governanza klimatika u proġetti ta' informazzjoni li jammontaw għal €75.1 miljun. Il-proġetti magħżulin jappoġġaw l-għan tal-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'mill-inqas 40 % sal-2030, li jikkontribwixxu għall-bidla lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u reżistenti għat-tibdil fil-klima. Fost l-eżempji tal-proġetti tal-2015 hemm ir-restawr u l-ħżin tal-karbonju fl-artijiet tal-pit f'ħames pajjiżi tal-UE (l-Estonja, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja), id-dimostrazzjoni tal-produzzjoni ta' prodotti tas-siment u tal-konkrit b'emissjonijiet baxxi fi Franza, it-tisħiħ tar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima tal-għelieqi tad-dwieli fil-Ġermanja u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' adattament f'żoni urbani f'Ċipru.

Is-56 proġett LIFE Ambjent u Effiċjenza fir-Riżorsi se jimmobilizzaw €142.2 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi €71.9 miljun. Dawn il-proġetti jkopru azzjonijiet f'ħames oqsma tematiċi: l-arja, l-ambjent u s-saħħa, l-effiċjenza fir-riżorsi, l-iskart u l-ilma. Il-21 proġett tal-effiċjenza fir-riżorsi waħedhom se jimmobilizzaw €43.0 miljun li se jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija aktar ċirkolari.

Id-39 proġett LIFE Natura u Bijodiversità jappoġġaw l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020. Dawn għandhom baġit totali ta' €158.1 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi €95.6 miljun.

Il-15-il proġett LIFE Governanza Ambjentali u Informazzjoni se jżidu l-għarfien dwar kwistjonijiet ambjentali. Dawn għandhom baġit totali ta' €23.2 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi €13.8 miljun.

Is-16-il proġett LIFE Adattament għat-Tibdil fil-Klima se jimmobilizzaw €32.9 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi €19.4-il miljun. Dawn l-għotjiet ta' azzjoni jingħataw lil proġetti f'ħames oqsma tematiċi: l-agrikoltura/il-forestrija/it-turiżmu, l-adattament f'żoni muntanjużi/insulari, l-adattament/l-ippjanar urban, il-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà/l-istrateġiji ta' adattament, u l-ilma.

It-12-il proġett LIFE Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima għandhom baġit totali ta' €35.3 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi €18.0-il miljun. Dawn l-għotjiet ta' azzjoni jingħataw għall-proġetti tal-aħjar prattika, il-proġetti pilota u ta' dimostrazzjoni fi tliet oqsma tematiċi: l-enerġija, l-industrija u l-użu tal-art/il-forestrija/l-agrikoltura.

Is-6 proġetti ta' LIFE Governanza Klimatika u Informazzjoni se jtejbu l-governanza u jqajmu l-għarfien dwar it-tibdil fil-klima. Dawn għandhom baġit totali ta' €6.9 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi €4.1 miljun.

Id-deskrizzjonijiet tal-proġett jinsabu fl-anness ta' din l-istqarrija għall-istampa.

Sfond

Il-Programm LIFE huwa l-istrument ta' finanzjament tal-UE għall-ambjent u l-azzjoni klimatika. Ilu għaddej mill-1992 u kkofinanzja aktar minn 4 300 proġett madwar l-UE u f'pajjiżi terzi, billi mmobilizza €8.8 biljun u pprovda €3.9 biljun għall-protezzjoni tal-ambjent u tal-klima. Fi kwalunkwe mument, jinsabu għaddejjin madwar 1100 proġett. Il-baġit għall-programm LIFE għall-2014-2020 huwa stabbilit li jkun ta' €3.4 biljun fi prezzijiet attwali, u fih sottoprogramm għall-ambjent u sottoprogramm għall-azzjoni klimatika.

Għal iktar informazzjoni dwar LIFE

Link għall-Anness

Il-Programm LIFE

Sabiex tikkuntattja lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti ara hawnhekk.

 

*ċitazzjoni mibdula fl-04/11/2016 fl-9:50CET

IP/16/3482

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar