Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tipproponi riforma kbira fit-taxxa korporattiva għall-UE

Strasburgu, il-25ta' ottubru 2016

Illum il-Kummissjoni ħabbret il-pjan biex tirrevedi l-mod li bih l-kumpaniji jiġu intaxxati fis-Suq Uniku, b'hekk twassal għal sistema ta' taxxa korporattiva ġusta u favur it-tkabbir.

Illum il-Kummissjoni ħabbret il-pjan biex tirrevedi l-mod li bih l-kumpaniji jiġu intaxxati fis-Suq Uniku, b'hekk twassal għal sistema ta' taxxa korporattiva ġusta u favur it-tkabbir. Ikkalibrata mill-ġdid bħala parti minn pakkett usa' ta' riformi tat-taxxa korporattiva, il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) se tagħmilha eħfef u irħas biex isir negozju fis-Suq Uniku, u se taġixxi bħala strument b'saħħtu kontra l-evitar tat-taxxa.

Meta ġiet ippreżentata l-ewwel darba fl-2011, il-BKKTK tfasslet biex issaħħaħ is-Suq Uniku għan-negozji. Filwaqt li l-Istati Membri għamlu progress konsiderevoli fuq ħafna elementi ewlenin tal-proposta ta' qabel tal-BKKTK, dawn ma kinux kapaċi li jilħqu ftehim aħħari. Wara li ngħataw l-opinjonijiet mill-Istati Membri, in-negozji, is-soċjetà ċivili u l-Parlament Ewropew, illum qed insaħħu l-elementi favur in-negozju tal-proposta ta' qabel biex ngħinu lill-kumpaniji transfruntieri jnaqqsu l-ispejjeż, l-burokrazija u nappoġġaw l-innovazzjoni. Il-BKKTK li reġgħet tnediet se toħloq ukoll kundizzjonijiet ekwi għall-multinazzjonali fl-Ewropa billi twaqqaf il-mezzi li jintużaw għall-evitar tat-taxxa .

Żewġ proposti oħrajn jimmiraw biex itejbu s-sistema attwali għal riżoluzzjoni ta' tilwim dwar tassazzjoni doppja fl-UE u biex jiġu xprunati r-regoli diġà eżistenti għal kontra l-abbuż. Meta jitqiesu flimkien, dwan il-miżuri se joħolqu ambjent tat-taxxa sempliċi u favur in-negozju.

Il-Viċi President Valdis Dombrovskis qal: "Il-politika dwar it-taxxa teħtieġ li tappoġġa l-għanijiet tal-UE ta' tkabbir ekonomiku u ta' ġustizzja soċjali. Il-proposti tal-lum għandhom il-għan li jixprunaw it-tkabbir u l-investiment, jappoġġaw l-intrapriża u jiżguraw trattament ekwu. Is-sistema tat-taxxa korporattiva ta' bħalissa tittratta l-iffinanzjar tad-dejn ta' kumpaniji b'mod aktar favorevoli minn dak tal-iffinanzjar ta' ekwità. Li jitnaqqas il-preġudizzju bejn id-dejn u l-ekwità fis-sistema tat-taxxa huwa element importanti għall-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni dwar is-Swieq tal-Kapital u jenfasizza l-impenn tagħna biex dan il-proġett jitwettaq."

Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: "Bil-proposta riveduta tal-BKKTK, qed nindirizzaw kemm it-tħassib tan-negozji kif ukoll taċ-ċittadini f'daqqa. Il-ħafna diskussjonijiet li kelli mal-Kummissarju għat-Tassazzjoni għamluhieli ċara li l-kumpaniji fl-UE jeħtieġu regoli aktar sempliċi dwar it-taxxa . Fl-istess ħin, hemm bżonn li nmexxu 'l quddiem il-ġlieda tagħna kontra l-evitar tat-taxxa, u dan l-isforz qed iwassal għal bidla reali. Il-Ministri tal-Finanzi jeħtieġu li jħarsu lejn dan il-pakkett ambizzjuż u f'waqtu b'perspettiva ġdida għax se joħloq sistema tat-taxxa robusta li tixraq lis-seklu 21.”

Biex jitħeġġeġ progress b'ħeffa, il-BKKTK tqassmet fi proċess ta' żewġ stadji li jista' jiġi ġestit aħjar. Il-bażi komuni tista' tiġi miftiehma malajr, biex jibdew jintużaw benefiċċji ewlenin kemm għan-negozji u għall-Istati Membri. Il-konsolidazzjoni teħtieġ li tiġi introdotta ftit żmien wara u tippermetti biex jiġu sfruttati l-benefiċċji tas-sistema tat-taxxa kompleta.

  1. Il-Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata (BKKTK)

Bil-BKKTK, għall-ewwel darba l-kumpaniji se jkollhom sett wieħed ta' regoli biex jikkalkolaw il-profitti taxxabbli tagħhom madwar l-UE kollha. Meta mqabbla mal-proposta ta' qabel fl-2011, is-sistema l-ġdida tat-tassazzjoni korporattiva se:

-             Tkun mandatorja għal gruppi multinazzjonali kbar li għandhom l-akbar kapaċità għall-ippjanar aggressiv tat-taxxa, li tiżgura li ċerti kumpaniji bi dħul globali li jaqbeż EUR 750 miljun fis-sena jiġu intaxxati fejn dawn jagħmlu l-profitti reali tagħhom.

-             Tittratta lakuni li bħalissa huma assoċċjati mat-trasferiment tal-profitt għall-finijiet tat-taxxa.

-             Tħeġġeġ lill-kumpaniji biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom permezz l-ekwità u jisfruttaw is-swieq minflok ma jidħlu fid-dejn.

-             Tappoġġa l-innovazzjoni permezz tal-inċentivi tat-taxxa għall-attivitajiet ta' Riċerka u Żvilupp (R&Ż) marbuta mal-attività ekonomika reali.

Ir-rati tat-taxxa korporattiva mhumiex koperti mill-BKKTK, hekk kif dawn jibqgħu qasam ta' sovranità nazzjonali. Madankollu, il-BKKTK se toħloq sistema aktar trasparenti, effiċjenti u ġusta għall-ikkalkolar tal-bażi tat-taxxa ta' kumpaniji transfruntieri, li se tirriforma b'mod sostanzjali t-tassazzjoni koporattiva madwar l-UE kollha.

Il-BKKTK se ttejjeb is-Suq Uniku għan-negozji

Il-Kumpaniji issa se jkunu kapaċi jużaw sett wieħed ta' regoli, u jaħdmu mal-amministrazzjoni tat-taxxa domestika tagħhom, biex jirreġistraw dikjarazzjoni tat-taxxa waħda għall-attivitajiet kollha tagħhom fl-UE. Bil-BKKTK, iż-żmien li jkun intuża fuq l-attivitajiet ta' konformità annwali għandhom jonqsu bi 8 % filwaqt li ż-żmien li ntuża għall-istabbiliment ta' sussidjarja tonqos sa 67%, b'hekk ikun eħfef għall-kumpaniji, inklużi l-SMEs, biex jiftħu barra pajjiżhom.

Attivitajiet li jgħinu t-tkabbir bħall-investiment ta' R&Ż u l-iffinanzjar ta' ekwità se jiġu inċentivati, u dawn jappoġġaw għanijiet usa' għall-qawmien mill-ġdid tat-tkabbir, tal-impjiegi u tal-investiment. Ladarba tkun operazzjonali bi sħiħ, il-BKKTK tista' żżid l-investiment totali fl-UE sa' 3.4%.

Il-Kumpaniji se jkunu kapaċi jikkumpensaw il-profitti fi Stat Membru wieħed kontra t-telf f'ieħor. L-ostakli tat-taxxa bħal tassazzjoni doppja se jitneħħew u l-BKKTK se żżid iċ-ċertezza tat-taxxa billi tipprovdi sistema stabbli u trasparenti madwar l-UE għal tassazzjoni korporattiva.

Il-BKKTK se tgħin fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa

Il-BKKTK se tneħħi d-diskrepanzi bejn is-sistemi nazzjonali li bħalissa jisfruttaw il-pjanifikaturi aggressivi tat-taxxa. Din se tneħħi wkoll il-prezzijiet ta' trasferiment u l-iskemi preferenzjali, li llum huma l-vetturi ewlenin għall-evitar tat-taxxa. Hija tinkludi wkoll miżuri robusti għal kontra l-abbuż biex iwaqqfu l-kumpaniji milli jittrasferixxu l-profitti lejn pajjiżi mhux membri tal-UE. Peress li l-BKKTK se tkun mandatorja għall-akbar gruppi multinazzjonali li joperaw fl-UE, dawk il-kumpaniji li jkunu l-aktar fir-riskju ta' ippjanar aggressiv tat-taxxa mhumiex se jkunu kapaċi jippruvaw evitar tat-taxxa fuq skala kbira.

Il-BKKTK se tappoġġa t-tkabbir, l-impjiegi u l-investiment fl-UE.

Il-BKKTK se toffri lill-kumpaniji regoli solidi u prevedibbli, kundizzjonijiet ġusti u ekwi, u spejjeż u amministrazzjoni mnaqqsa. Dan se jagħmel lill-UE suq aktar attraenti fejn jistgħu jsiru l-investiment u n-negozju. Il-BKKTK mnedija mill-ġdid se tappoġġa wkoll l-R&Ż, li huwa xprunar ewlieni tat-tkabbir. Il-kumpaniji se jingħatawlhom tnaqqis kbir fuq l-ispejjeż tagħhom marbuta mar-R&Ż, li se jibbenefikaw minnu b'mod partikolari l-kumpaniji ġodda u innovattivi li jagħżlu li jieħdu sehem fis-sistema l-ġdida.

Fl-aħħar, il-BKKTK se tieħu l-passi biex tindirizza l-preġudizzju fis-sistema tat-taxxa lejn dejn fuq ekwità, billi tipprovdi l-għoti għall-ħruġ tal-ekwità. Rata fissa, magħmula minn rata tal-imgħax mingħajr riskju u riskju ta' premium, tal-ekwità ta' kumpanija ġdida se ssir detuċibbli kull sena. Taħt il-kundizzjonijiet ta' bħalissa tas-suq, ir-rata tkun ta' 2.7%. Dan se jħeġġeġ lill-kumpaniji jfittxu sorsi aktar stabbli ta' finanzjament u jidħlu fis-swieq tal-kapital, skont l-għanijiet tal-Unjoni tas-Suq tal-Kapital. Din se tipprovdi wkoll benefiċċji f'termini ta' stabbiltà finanzjarja, hekk kif kumpaniji b'bażi tal-kapitali aktar b'saħħitha tkun inqas vulnerabbli għax-xokkijiet.

2.       Ir-Riżoluzzjoni tat-Tilwim dwar it-Tassazzjoni Doppja

Il-Kummissjoni pproponiet ukoll sistema mtejba biex jiġu solvuti t-tilwim dwar it-tassazzjoni doppja fl-UE. It-tassazzjoni doppja hija ostaklu kbir għan-negozji, toħloq inċertezza, spejjeż mhux meħtieġa u problemi dwar il-fluss tal-flus. Bħalissa hemm madwar 900 tilwima dwar tassazzjoni doppja fl-UE, b'valur stmat ta' €10.5 biljun. Il-Kummissjoni pproponiet li l-mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim preżenti jeħtieġu li jiġu aġġustati, biex jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet tan-negozji. B'mod partikolari, firxa usa' ta' każijiet se jiġu koperti u l-Istati Membri se jkollhom skadenzi ċari biex jaqblu dwar soluzzjoni vinkolanti għat-tassazzjoni doppja.

  1. L-Indirizzar tad-Diskrepanzi ma' Pajjiżi mhux membri tal-UE

It-tielet proposta fil-Pakkett tal-lum tinkludi miżuri ġodda biex iwaqqfu lill-kumpaniji milli jisfruttaw lakuni, magħrufa bħala diskrepanzi ibridi bejn is-sistemi tat-taxxa tal-Istati Membri u tal-pajjiżi mhux membri tal-UE biex jaħarbu mit-tassazzjoni. Id-diskrepanzi ibridi jseħħu meta pajjiżi jkollhom regoli differenti biex jintaxxaw ċertu introjtu jew entitajiet. Il-kumpaniji jistgħu jabbużaw minn dan biex jevitaw li jiġu ntaxxati fiż-żewġ pajjiżi. Id-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa, maqbula f'Lulju, diġà qed tindirizza d-diskrepanzi fl-UE. Il-proposta tal-lum tagħti stampa sħiħa billi tittratta d-diskrepanzi mal-pajjiżi mhux membri tal-UE u qed issir fuq it-talba tal-Istati Membri nnifishom.

Il-Pakkett jinkludi wkoll Komunikazzjoni Chapeau, li tispjega r-raġunament politiku u ekonomiku wara l-proposta, kif ukoll il-valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-BKKTK u l-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim.

Dawn il-proposti leġiżlattivi issa se jitressqu lill-Parlament Ewropew għall-konsultazzjoni u lill-Kunsill għall-adozzjoni.

 

Għal aktar informazzjoni:

M&T dwar il-BKKTK

Komunikazzjoni Chapeau dwar il-BKKTK

Aktar informazzjoni dwar il-BKKTK

Filmat: "BKKTK – hija tajba għall-Ewropa"

TAXUD fuq YouTube

IP/16/3471

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Videos