Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà: L-ewwel rapport dwar il-progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u sostenibbli

Brussell, it-12ta' ottubru 2016

Illum il-Kummissjoni Ewropea qed tippreżenta l-ewwel rapport f'sensiela ta' rapporti ta' kull xahar dwar il-progress li sar lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u sostenibbli.

Ir-rapport jiddeskrivi l-isforzi tal-Kummissjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità u l-ħidma li saret biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE kontra dawn it-theddidiet. Jenfasizza wkoll l-oqsma ta' prijorità fejn hemm il-ħtieġa ta' aktar ħidma u jiddeskrivi miżuri operazzjonali konkreti għax-xhur li ġejjin.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: "Il-frammentazzjoni tal-qafas tagħna tas-sigurtà tagħmilna kollha vulnerabbli. Il-punti għandhom jingħaqdu fi u bejn l-Istati Membri, imma wkoll bejn l-Istati Membri u l-Aġenziji tal-UE, u bejn is-sistemi differenti għas-sigurtà tal-fruntieri u għall-ġestjoni tal-fruntieri. "Is-sigurtà interna ta' Stat Membru wieħed hija s-sigurtà interna tal-Istati Membri kollha. F'dan l-ambjent tas-sigurtà li qed jinbidel malajr, li nagħtu Unjoni tas-Sigurtà ġenwina u effettiva jfisser li naħdmu fuq l-elementi kollha."

Il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà Julian King qal: "It-terroristi ma jattakkawx Stat Membru jew ieħor. L-għan tagħhom huwa li jattakkaw il-mod ta' kif ngħixu, l-approċċ miftuħ tagħna u l-ġejjieni tagħna. Ir-reazzjoni tagħna għandha tkun komprensiva u sostenibbli, u tibni fuq il-fiduċja u l-kooperazzjoni effettiva bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri." 

Ir-rapport jenfasizza l-ħtieġa li tiġi implimentata l-leġislazzjoni eżistenti tal-UE u biex tiġi aċċelerata l-ħidma dwar il-proposti marbuta mas-sigurtà ppreżentati mill-Kummissjoni. Il-ħidma tal-Kummissjoni se tiffoka fuq it-tisħiħ tal-ġlieda kontra t-terroriżmu billi twaqqaf lit-terroristi milli jkollhom il-mezzi biex iwettqu attakki u fuq iż-żieda tad-difiżi u r-reżiljenza tagħna kontra dawn it-theddidiet. L-oqsma ta' prijorità ewlenin huma:

  • It-titjib tal-qafas legali u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni:

  • Għal dan il-għan, għandu jintlaħaq ftehim qabel l-aħħar tas-sena dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Id-Direttiva hija kruċjali biex jiġi żgurat li l-qafas legali tal-UE jkun jista' jaffaċċja theddidiet ta' terroriżmu b'mod effettiv, b'mod partikolari theddidiet li jsiru minn ġellieda terroristi barranin li jirritoraw.

  • Għandu jintlaħaq wkoll ftehim qabel l-aħħar tas-sena dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar. Il-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ lill-koleġislaturi biex iżommu l-istess livell ta' ambizzjoni, b'mod partikolari l-għan li jipprojbixxu l-aktar armi tan-nar semiawtomatiċi perikolużi.

  • Il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tnaqqas l-aċċess għal prekursuri li jistgħu jintużaw biex jinħadmu splussivi li jsiru d-dar u biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta' prekursuri tal-isplussiv. Għal dan il-għan, sustanzi prekursuri addizzjonali li huma ta' tħassib u li għandhom jiġu inklużi fir-Regolament ġew identifikati u se jiżdiedu mal-lista ta' sustanzi soġġetti biex isaħħu l-kontroll mill-Kummissjoni f'Novembru.

  • It-tijib tal-iskambju ta' informazzjoni, it-tisħiħ tas-sistemi ta' informazzjoni u t-isħiħ tas-sigurtà mal-fruntieri esterni:

  • L-Istati Membri għandhom b'mod urġenti jieħdu l-passi meħtieġa biex jibnu l-Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġier (UIP) tagħhom biex jiżguraw li jkunu kapaċi jimplimentaw bi sħiħ id-Direttiva PNR tal-UE l-aktar tard sa Mejju 2018, l-iskadenza għall-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva. Bħala appoġġ għall-Istati Membri biex jaċċeleraw il-ħidma tagħhom, il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli €70 miljun addizzjonali u se tippreżenta pjan ta' implimentazzjoni sa Novembru 2016 li l-Istati Membri jeħtieġu li jissodisfaw biex l-UIP tagħhom jiġu installati u jibdew jaħdmu.

  • Biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera, f'Settembru l-Kummissjoni nediet proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri li ma kinux għadhom implimentaw id-Deċiżjonijiet Prüm.

  • Il-Kummissjoni se tieħu wkoll il-passi meħtieġa biex tippermetti liċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fl-Europol biex jipprovdi appoġġ 24/7 lill-Istati Membri.

  • Il-ħidma tal-Grupp ta' LIvell Għoli importanti stabbilit mill-Kummissjoni f'April 2016 biex jindirizza l-aspetti legali, tekniċi u operazzjonali tal-għażliet differenti biex tinkiseb interoperabbiltà akbar tas-sistemi ta' informazzjoni teħtieġ li tiġi aċċelerata. Il-Kummissjoni se tippreżenta r-riżultati interim lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew matul ix-xhur li ġejjin.

  • Bħalissa għaddej ukoll xogħol b'rabta mal-proposta leġislattiva tal-Kummissjoni għal Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) biex tipprovdi kontrolli minn qabel għal ċittadini, li jiġu minn pajjiżi terzi li ma jkollhomx viża, li jivjaġġaw lejn iż-Żona ta' Schengen, li se tiġi proposta sa Novembru.

  • Barra minn hekk, huma meħtieġa negozjati u adozzjoni rapidi tal-proposta tal-Kummissjoni għal kontrolli sistematiċi taċ-ċittadini tal-UE li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE sal-aħħar tal-2016 u l-istabbiliment ta' Sistema Dħul u Ħruġ tal-UE (Entry-Exist System - EES) għat-tisħiħ tas-sigurtà mal-fruntieri esterni tal-UE.

Dan ir-rapport huwa l-ewwel wieħed f'sensiela ta' rapporti ta' kull xahar dwar il-progress li jkun sar lejn Unjoni tas-Sigurtà operazzjonali u effettiva, kif mitlub mill-President Juncker fl-ittra ta' missjoni tiegħu indirizzata lill-Kummissarju Julian King. Ir-rapporti ta' kull xahar se jenfasizzaw l-azzjoni li ttieħdet mill-istituzzjonijiet tal-UE mill-Aġenziji tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u se jidentifikaw fejn huma meħtieġa aktar sforzi. Ir-rapport ta' progress li jmiss huwa mbassar għal Novembru 2016.

Kuntest

Is-sigurtà kienet tema kostanti sa mill-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni Juncker – mill-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker ta' Lulju 2014, sal-aħħar Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni f'Settembru 2016.

Il-Kummissjoni Ewropea adottat l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà fit-28 ta' April 2015, filwaqt li stabbilixxiet l-azzjonijiet ewlenin biex tiżgura risposta tal-UE effettiva għat-theddidiet tat-terroriżmu u s-sigurtà fl-Unjoni Ewropea matul il-perjodu 2015-2020.

Mill-adozzjoni tal-Aġenda, sar progess sinifikanti fl-implimentazzjoni tagħha. Issaħħu oqsma ewlenin ta' attenzjoni minn Pjanijiet ta' Azzjoni adottati f'Diċembru 2015 dwar armi tan-nar u splussivi, fi Frar 2016 dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, il-Komunikazzjoni tas-6 ta' April 2016 dwar Sistemi ta' Informazzjoni aktar b'saħħithom u aktar intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà, u l-Komunikazzjoni tal-20 ta' April 2016 dwar Azzjoni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq għal Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina.

Dan l-aħħar, it-tnedija fis-6 ta' Ottubru tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta, kif imħabbar mill-President Juncker fid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni fid-9 ta' Settembru 2015 u disa' xhur biss wara l-proposta tal-Kummissjoni f'Diċembru, turi impenn ċar għall-implimentazzjoni tal-miżuri taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni biex jissaħħu l-ġestjoni u s-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE.

Il-ħolqien mill-President Juncker ta' portafoll ta' Kummissarju speċifiku għall-Unjoni tas-Sigurtà f'Awwissu 2016 juri l-importanza li l-Kummissjoni qed tagħti lit-tisħiħ tar-reazzjoni tagħha kontra t-theddida tat-terroristi. Il-Kummissarju se jkun mgħejun minn Task Force trasversali billi juża l-kompetenza tal-Kummissjoni kollha biex jixpruna l-ħidma 'l quddiem u jiżgura l-implimentazzjoni. L-ewwel laqgħa tat-Task Force saret fit-22 ta' Settembru 2016.

Għal aktar informazzjoni

Komunikazzjoni dwar il-progress lejn Unjoni tas-Siġurtà operazzjonali u effettiva

Komunikazzjoni: Azzjoni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Siġurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina

Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà

Skeda Informattiva: Unjoni tas-Sigurtà

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Inwittu t-triq għal Unjoni tas-Siġurtà ġenwina u effettiva

Ittra ta' Missjoni lil Sir Julian King, il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà

IP/16/3367

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar