Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Ftehim ta' Pariġi se jidħol fis-seħħ hekk kif l-UE qablet dwar ir-ratifka

Strasburgu, I-4ta' ottubru 2016

Illum, il-Parlament Ewropew approva r-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi mill-Unjoni Ewropea.

Bl-approvazzjoni tal-lum mill-Parlament Ewropew tar-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi, fil-preżenza tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-moon u l-President tal-COP 21 Ségolène Royal, l-aħħar xkiel ġie megħlub. Il-proċess politiku biex l-Unjoni Ewropea tirratifika l-Ftehim ġie konkluż.

Il-President Jean-Claude Juncker, fid-diskors tiegħu tal-Istat tal-Unjoni fl-14 ta' Settembru sejjaħ għar-ratifikazzjoni mħaffa tal-ftehim.

Huwa qal: "It-twettiq bil-mod tal-wegħdiet li jsiru huwa fenomenu li kull ma jmur jista' jikkomprometti l-kredibilità tal-Unjoni. Ejja nieħdu l-Ftehim ta' Pariġi. Aħna l-Ewropej minn ta' quddiem nett fid-dinja f'dak li għandu x'jaqsam mal-azzjoni klimatika. Kienet l-Ewropa li nnegozjat l-ewwel ftehim dinji li qatt kien hemm dwar il-klima li kien jorbot legalment. Kienet l-Ewropa li bniet il-koa­lizzjoni ta' ambizzjonijiet li għamlu l-ftehim f'Pariġi possibbli. Nistieden lill-Istati Membri kollha u lill-Parlament biex jagħmlu l-parti tagħhom fil-ġimgħat li ġejjin, mhux fix-xhur li ġejjin. Irridu ngħaġġlu aktar." Dan illum qed iseħħ.

Il-President Jean-Claude Juncker qal:"Illum l-Unjoni Ewropea biddlet l-ambizzjoni dwar il-klima f'azzjoni dwar il-klima. Il-Ftehim ta' Pariġi huwa l-ewwel tat-tip tiegħu u ma kienx ikun possibbli li ma kienx għall-Unjoni Ewropea.  Illum issuktajna nuru t-tmexxija tagħna u li, flimkien, l-Unjoni Ewropea tista' tikseb ir-riżultati".

Il-Viċi President għall-Unjoni tal-Enerġija Maroš Šefčovič qal: "Il-Parlament Ewropew sema' leħen il-poplu. L-Unjoni Ewropea diġà qed timplimenta l-impenji tagħha għall-Ftehim ta' Pariġi iżda r-ratifika tal-lum, li seħħet fi żmien daqshekk qasir, tiskatta l-implimentazzjoni tiegħu fil-bqija tad-dinja."

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija Miguel Arias Cañete qal: "Xogħolna, b'mod kollettiv, huwa li nsarrfu l-impenji tagħna f'azzjoni fil-prattika. U hawnhekk l-Ewropa tinsab 'il quddiem mill-bqija. Għandna l-politiki u l-għodod biex nilħqu l-miri tagħna, nidderieġu t-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa globali u nimmodernizzaw l-ekonomija tagħna. Id-dinja miexja u l-Ewropa hija waħda mill-mexxejja, fiduċjuża u kburija li qed tmexxi l-ħidma biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima".

Sa issa, 62 parti, li huma responsabbli għal kważi 52 % tal-emissjonijiet globali, irratifikaw il-Ftehim ta' Pariġi. Il-Ftehim se jidħol fis-seħħ 30 jum wara li minn tal-anqas 55 parti, li jirrappreżentaw tal-anqas 55% tal-emissjonijiet globali, jkunu rratifikawh. Ir-ratifika u d-depożitu tal-UE se jaqbeż il-livell ta' 55 % ta' emissjonijiet u għaldaqstant jiskatta d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Pariġi.

L-UE, li kellha rwol deċiżiv fil-bini ta' koalizzjoni ta' ambizzjoni li għamlet l-adozzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi possibbli f'Diċembru li għadda, hija mexxejja globali fil-qasam tal-azzjoni dwar il-klima. Il-Kummisjoni Ewropea diġà ressqet 'il quddiem il-proposta leġiżlattiva biex twettaql-impenn tal-UE sabiex sal-2030 jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea b'minn tal-inqas 40 %.

Il-passi li jmiss

Bl-approvazzjoni tal-lum mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill jista' jadotta d-Deċiżjoni b'mod formali. B'mod parallel, l-Istati Membri se jirratifikaw il-Ftehim ta' Pariġi individwalment, skont il-proċessi parlamentari nazzjonali tagħhom.

Għal aktar tagħrif

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Straordinarju Ambjentali tat-30 ta' Settembru 2016:
http://www.consilium.europa.eu/en/meetings/env/2016/09/30/

Stqarrija mill-Kummissjoni wara l-approvazzjoni tar-ratifika mill-Ministri:
http://europa.eu/rapid/press-release_STATEMENT-16-3265_en.htm

Il-proposta tal-Kummissjoni għar-ratifika mill-UE tal-Ftehim ta' Pariġi ta' Ġunju 2016:
http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-2067_en.htm

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-implikazzjonijiet tal-Ftehim ta' Pariġi għall-UE ta' Marzu 2016:

http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-502_en.htm

Diskors tal-President Juncker fl-Avveniment tal-Mexxejja tal-COP 21 f'Pariġi:
http://europa.eu/rapid/press-release_SPEECH-15-6211_en.htm

Ir-reazzjoni tal-Kummissjoni wara l-ftehim storiku dwar il-klima f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015;
http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-6308_en.htm

IP/16/3284

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar