Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Rapport tal-Kummissjoni jenfasizza l-progress tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

Strasburgu, I-4ta' ottubru 2016

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni li tenfasizza l-kisbiet ewlenin tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) minn mindu tnedew fl-2013

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni li tenfasizza l-kisbiet ewlenin tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) minn mindu tnewdew fl-2013, u li tiġbor tagħlimiet dwar kif l-isforzi tal-UE u dawk nazzjonali dwar l-iskjerament tal-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ jistgħu jitjiebu. Is-sena li għaddiet, din il-Kummissjoni ħadet miżuri biex tħaffef l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ billi kabbret il-prefinanzajment tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ. Fd-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-14 ta' Settembru 2016, il-President Juncker saħaq l-impenn tiegħu biex "inkomplu nifirxu l-Garanzija għaż-Żgħażagħ mal-Ewropa, b'titjib tal-ħiliet tal-Ewropej u bi sforz biex nilħqu dawk ir-reġjuni u żgħażagħ li l-aktar għandhom bżonn."

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President għall-Euro u d-Djalogu Soċjali, qal: "Issa l-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija realtà madwar l-Ewropa u l-appoġġ finanzjarju tal-UE se jkun kruċjali biex ikompli jappoġġa lill-istati Membri fl-għajnuna tagħhom biex iż-żgħażagħ jerġgħu lura għad-dinja tax-xogħol jew tal-edukazzjoni. Iż-żgħażagħ huma l-futur tagħna u lkoll għandna r-responsabbiltà li nagħtu liż-żgħażagħ kollha l-opportunità li jiksbu suċċess fis-suq tax-xogħol".

Marianne Thyssen, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, ikkummentat: "Il-miżuri u r-riformi implimentati skont il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għamlu differenza fil-ħajjiet ta' aktar minn 9 miljun żagħżugħ. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ appoġġat riformi importanti fis-sistemi edukattivi tal-pajjiżi, fis-servizzi tal-impjiegi tagħhom, u sħubijiet biex jitwasslu opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ. Ninsab kunfidenti li b'impenn politiku kontinwu, riżorsi biżżejjed u rieda b'saħħitha se naħsdu l-benefiċċji tal-ħidma li saret sa issa u se jkollna r-riżultati li tant qed nistinkaw għalihom. Għaldaqstant, dan l-aħħar il-Kummissjoni pproponiet li żżid ir-riżorsi tal-baġit tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ sal-2020."

Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija impenn politiku meħud mill-Istati Membri kollha tal-UE fil-forma ta' rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' April 2013, wara proposta mill-Kummissjoni,
biex iż-żgħażagħ kollha jingħataw offerta ta' kwalità tajba għall-impjiegi, għat-tkomplija tal-edukazzjoni,
għall-apprendistat jew għall-programmi ta' taħriġ f'perjodu ta' erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jitilqu l-edukazzjoni formali. L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ hija l-programm ewlieni ta' finanzjament tal-UE li nbeda fl-istess żmien biex jiffaċilita l-firxa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u biex jagħti appoġġ partikolari lir-reġjuni fejn ir-rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ hija ogħla minn 25 %. L-Istati Membri kollha qed jużaw is-sehem tagħhom tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) biex jappoġġaw l-impjieg taż-żgħażagħ.

Il-Komunikazzjoni adottata llum tirraporta dwar il-progress li sar sa issa u li għalkemm il-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu punt ta' tħassib ewlieni f'ħafna Stati Membri, mill-2013 'l hawn il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ fl-UE b'mod ġenerali sebqet l-aspettattivi. Mill-2013 l-għadd ta' żgħażagħ diżokkupati fl-UE naqas b'1.4 miljun u b'900,000 għaż-żgħażagħ li ma għandhomx impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs).

Dawn ix-xejriet inkoraġġanti jissuġġerixxu li fil-prattika l-Garanzija għaż-Żgħażagħ bl-għajnuna tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għamlu differenza. Madwar 9 miljun żagħżugħ ħadu offerta, li fil-biċċa l-kbira kienu offerti għax-xogħol. Barra minn hekk, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ serviet ta' xprunatur għall-bidla fil-politika, u wasslet għal riformi strutturali u innovazzjoni fil-politika madwar l-Istati Membri.

 L-inizjattiva favur l-impjiegi taż-żgħażagħ, sors ta' finanzjamenti mmirati ta' €6.4 biljun fil-livell tal-UE, kienet ċentrali sabiex l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ jiġu stabbiliti malajr u pprovdiet appoġġ dirett lil iżjed minn 1.4 miljun żagħżugħ NEETs li jgħixu fl-aktar reġjuni fil-bżonn. Fl-2015 il-Kummissjoni żiedet bi 30% il-pagamenti bil-quddiem tal-Inizjattiva lill-Istati Membri eliġġibbli - f'ammont ta' madwar €1 biljun - u b'hekk kellha rwol sinifikanti fil-provvista ta' likwidità kontanti disponibbli, li ppermettiet tnedija iktar mgħaġġla tal-miżuri fil-prattika.

Bis-saħħa ta' dan il-progress, dal-aħħar il-Kummissjoni ddeċidiet li ġġedded ir-riżorsi tal-baġit tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u li tipprovdi €1 biljun addizjonali lill-allokazzjoni b'baġit speċifiku tal-YEI, li jiżdied mal-€1 biljun mill-Fond Soċjali Ewropew. B'dawn iż-€2 biljuni se jkun possibbli li sal-2020 jiġu appoġġati 1 miljun żagħżugħ fl-iktar Stati Membri affettwati mill-qgħad fost iż-żgħażagħ. Dawn il-miżuri jiżdiedu mal-allokazzjonijiet finanzjarji disponibbli mill-FSE.

Il-Komunikazzjoni adottata llum tenfasizza l-bżonn li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ titħaffef u titwessa', u li l-implimentazzjoni tal-YEI ssir aktar malajr. Din tagħraf li jridu jsiru iżjed sforzi biex jiġu appoġġati ż-żgħażagħ li "diffiċli jintlaħqu": żagħżagħ li mhumiex irreġistrati mas-servizzi pubbliċi għall-impjiegi, li għandhom livell baxx ta' ħiliet, li telqu kmieni mill-iskola, u li jiffaċċjaw ħafna ostakli biex jidħlu fis-suq tax-xogħol (bħall-faqar, l-esklużjoni soċjali, id-diżabbiltà u d-diskriminazzjoni). B'mod parallel, il-kwalità tal-offerti u tas-servizzi pprovduti liż-żgħażagħ tista' titjieb.

Kuntest

Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ġew adottati fl-2013 biex jappoġġaw l-isforzi tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-qgħad u bħala parti minn aġenda politika usa' mmirata lejn l-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà.

Bħalma sostna l-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fl-14 ta' Settembru 2016: “Ma nistax u mhux se naċċetta li l-Ewropa hi u tibqa' l-kontinent tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. Ma nistax u mhux se naċċetta li l-millenials, il-Ġenerazzjoni Y, se jkunu l-ewwel ġenerazzjoni f'70 sena li se jkunu ifqar mill-ġenituri tagħhom.[…] Aħna se nkomplu nifirxu l-Garanzija għaż-Żgħażagħ mal-Ewropa, b'titjib tal-ħiliet tal-Ewropej u bi sforz biex nilħqu dawk ir-reġjuni u żgħażagħ li l-aktar għandhom bżonn.”

Kif identifikat fl-ittra ta' intenzjoni tal-2016, il-Kummissjoni beħsiebha żżid l-isforzi tagħha fl-appoġġ għaż-żgħażagħ b'mod aktar ġenerali, u l-istrumenti tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom jisfruttaw ir-rwol tagħhom bis-sħiħ bħala parti minn sett usa' ta' inizjattivi għaż-żgħażagħ. Pereżempju, fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-14 ta' Settembru 2016 il-President Juncker ħabbar l-istabbiliment ta' Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Il-Korp se jibbaża fuq il-qalba tal-valuri tal-UE tal-ingaġġ u tas-solidarjetà u liż-żgħażagħ ta' taħt it-30 sena b'orjentament soċjali, kemm jekk jibbenefikaw mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ u anki jekk le, se joffrilhom l-opportunità li jgħinu u jappoġġaw lil oħrajn u li jiksbu ħiliet u esperjenzi ġodda, f'pajjiżhom jew fi Stat Membru ieħor. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-ideat tagħha sal-aħħar tas-sena.

Ir-Rakkomandazzjoni ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ ġiet adottata mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE fit-22 ta' April 2013 (ara l-MEMO/13/152) abbażi ta' proposta magħmula mill-Kummissjoni f'Diċembru 2012 (ara l-IP/12/1311 u l-MEMO/12/938) u ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2013.

It-28 Stat Membru ppreżentaw il-Pjanijiet tal-Implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u ħadu azzjoni biex jistabbilixxu l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Dawn il-Pjanijiet jidentifikaw il-passi li jridu jsiru biex tiġi implimentata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, jiddefinixxu skeda taż-żmien għar-riformi u għall-miżuri ewlenin, ir-rwoli tal-awtoritajiet pubbliċi u ta' sħab oħra, u kif din se tiġi ffinanzjata (għal aktar dettalji agħfas hawn). L-implimentazzjoni tal-iskemi nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija sorveljata mill-Kummissjoni fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew.

L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tnediet fl-2013 biex tipprovdi appoġġ immirat liż-żagħżagħ li għandhom inqas minn 25 sena u li jgħixu f'reġjuni fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-2012 kien ogħla minn 25%. Il-YEI hija waħda mir-riżorsi finanzjarji ewlenin tal-UE biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Bħalissa 20 Stat Membru huma eliġibbli għall-appoġġ tal-YEI.[1]

Għall-ewwel il-YEI nħolqot bħala riżorsa ddedikata ta' €6.4 biljun biex tintefaq bejn l-2014 u l-2018. Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-baġit tal-UE għall-2014-2020, il-Kummissjoni pproponiet li l-allokazzjoni speċifika tal-YEI tiżdied b'€1 biljun addizjonali, li jiżdied mal-€1 biljun mill-Fond Soċjali Ewropew, u b'hekk żieda globali ta' €2 biljuni f'riżorsi tal-YEI sal-2020, li issa jammontaw għal €8.4 biljun minn mindu tnediet l-Inizjattiva fl-2013. Barra minn hekk, bis-saħħa taż-żieda fl-allokazzjonijiet tal-politika ta' koeżjoni mill-2017, diversi Stati Membri li huma eliġibbli għall-YEI se jkollhom il-possibbiltà li jinvestu sa €2 biljun iżjed ta' finanzjamenti mill-FSE f'miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ.

Il-YEI hija komplementarja għall-azzjonijiet li saru fil-livell nazzjonali, fosthom dawk bl-appoġġ tal-FSE. L-FSE jista' jilħaq lil hinn mill-individwi u jista' jgħin jirriforma l-istituzzjonijiet u s-servizzi tal-impjiegi, tal-edukazzjoniu tat-taħriġ. L-FSE 2014-2020 jinvesti € 6.3 biljun direttament fil-miżuri tal-impjieg taż-żgħażagħ u madwar € 27 biljun fil-miżuri u fir-riformi tal-edukazzjoni.

Fl-2013, il-Kapijiet tal-Istati jew il-Gvernijiet tal-UE sejħu biex il-Kummissjoni "fl-2016 tirraporta dwar l-implimentazzjoni tal-"Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ" u dwar l-operat tal-YEI", u din il-Kummissjoni qed issegwi din it-talba.

Għal aktar informazzjoni

MEMO: Mistoqsijiet u Tweġibiet: Il-Komunijazzjoni dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

Komunikazzjoni: Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: tliet snin wara

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: tliet snin wara

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: tliet snin wara (2/2)

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Napplikaw il-Qafas ta' Kwalità għall-Iskemi ta' Taħriġ

Skeda informattiva għall-EU kollha dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

Skedi informattivi speċifiċi għall-pajjiż dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

Testimonjanzi

Fejn tista' tirreġistra għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ?

Skeda informattiva: Garanzija għaż-żgħażagħ - Inwettquha

Skeda informattiva: L-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE

Il-mappa tal-finanzjament tal-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ

Grafika informattiva: Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

Komunikazzjoni dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali

Segwi lill-Kummissarju Marianne Thyssen fuq Facebook u twitter

Segwi lill-Viċi President Valdis Dombrovskis fuq Facebook u twitter

Abbona biex tirċievi l-bulettin dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea li jintbagħat b'xejn permezz tal-posta elettronika

 

[1] Il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit.

IP/16/3216

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar