Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-UE tħeġġeġ sabiex ikun hemm regoli aktar stretti dwar il-kummerċ ta’ organiżmi selvaġġi fis-summit globali dwar il-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi

Brussell, it-23ta' settembru 2016

Fl-24 ta’ Settembru, rappreżentanti minn 182 pajjiż u l-UE se jiltaqgħu fis-17-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kummerċ ta’ Speċijiet li jinsabu fil-Periklu (il-CoP17 tas-CITES) li se ssir f’Johannesburg, fl-Afrika t’Isfel, sabiex jilħqu ftehim dwar miżuri tanġibbli biex titjieb il-protezzjoni ta’ wħud mill-ispeċijiet l-aktar vulnerabbli tal-pjaneta.

L-UE se tipparteċipa għall-ewwel darba bħala membru sħiħ tas-CITES u se tfittex miżuri internazzjonali aktar stretti kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Hija tappoġġa bis-sħiħ il-projbizzjoni kontinwa tal-kummerċ tal-avorju.

Is-17-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kummerċ ta’ Speċijiet li jinsabu fil-Periklu (il-CoP17 tas-CITES) se ssir bejn l-24 ta’ Settembru u l-5 ta’ Ottubru 2016 f’Johannesburg, fl-Afrika t’Isfel. Din tipprovdi forum għall-Partijiet biex jirrevedu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni CITES, li tkopri aktar minn 35 000 pjanta u annimal, u b'hekk tiżgura li l-kummerċ jibqa’ legali, traċċabbli u sostenibbli u jiġu adottati miżuri vinkolanti ġodda għall-protezzjoni tal-organiżmi selvaġġi.

L-UE u l-Istati Membri tagħha, irrappreżentata mill-Kummissarju għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Karmenu Vella, se tkun f'Johannesburg b'vuċi waħda u b'aġenda ambizzjuża. L-UE se tipproponi li tindirizza t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi u l-korruzzjoni assoċjata miegħu, biex tiddefinixxi l-istandards internazzjonali dwar il-kummerċ ta’ trofej tal-kaċċa u b'hekk tiżgura li dan il-kummerċ jista’ jseħħ biss meta jkun legali u sostenibbli. Hija qed tipproponi wkoll li tinkludi aktar speċijiet tal-baħar (klieb il-baħar), injam (“rosewood”), u speċijiet domestiċi eżotiċi (rettili) fis-CITES, jew li ttejjeb il-protezzjoni tagħhom taħt is-CITES (pappagalli u mammiferi) peress li huma soġġetti għall-kummerċ internazzjonali illegali jew li mhuwiex sostenibbli.

Il-Kummissarju Karmenu Vella qal: “L-UE hija kburija li tinsab fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi. Aħna nqisu lill-CoP tas-CITES bħala opportunità biex inkunu aktar ħorox fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u l-korruzzjoni li tħeġġu. Permezz tas-CITES, aħna se nkunu qed naħdmu mas-sħab tagħna biex nimplimentaw bis-sħiħ il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Organiżmi Selvaġġi tal-UE. Aħna qegħdin nibnu alleanza globali bejn il-pajjiżi biex jiġu protetti l-organiżmi selvaġġi fl-abitat tagħhom, nimblukkaw punti ta' transitu, u neliminaw id-domanda illegali”.

B'mod partikolari, L-UE se tappoġġa l-kontinwazzjoni tal-projbizzjoni fuq il-kummerċ internazzjonali tal-avorju u se tagħmel pressjoni biex jiġu adottati miżuri qawwija kontra t-traffikar tal-avorju, kif ukoll kontra t-traffikar li jaffettwa r-rinoċeronti, it-tigri, ix-xadini l-kbar, il-pangolini u l-injam tat-tip “rosewood”.

L-isforzi tal-UE huma parti minn approċċ usa’ għall-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi. Aktar kmieni din is-sena l-UE qablet dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Traffikar tal-Organiżmi Selvaġġi komprensiv li se jiġi implimentat b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri sal-2020.

 

Sfond

It-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi huwa r-raba’ l-akbar netwerk kriminali internazzjonali. F'dawn l-aħħar snin kien hemm żieda qawwija fit-traffikar tal-organiżmi selvaġġi. Kull sena huwa stmat li minn idejn il-gruppi kriminali organizzati jgħaddu bejn 8 u 20 biljun euro u b'hekk dawn laħqu l-istess livelli tat-traffikar tad-drogi, tan-nies u tal-armi. Dan mhux biss jhedded is-sopravivenza ta' wħud mill-ispeċijiet emblematiċi, iżda jnissel ukoll il-korruzzjoni, jipprovdi finanzjament lill-gruppi tal-milizzja, joħloq vittmi umani u jċaħħad lill-komunitajiet l-aktar fqar minn introjtu li tant għandhom bżonn.

Il-Konvenzjoni CITES hija strument importanti għall-kontroll tat-traffikar peress li tista’ tieħu miżuri legalment vinkolanti u taqbel dwar sanzjonijiet kontra pajjiżi li ma jirrispettawx l-impenji tagħhom. L-UE saret Parti sħiħa għall-Konvenzjoni CITES fl-2015. Din qed tipparteċipa għall-ewwel darba f’din il-kapaċità fil-Konferenza tal-Partijiet flimkien mat-28 Stat Membru kollha.

L-UE ilha sostenitur prinċipali tal-Konvenzjoni CITES u beħsiebha tkompli tipprovdi appoġġ finanzjarju sostanzjali kemm għall-attivitajiet tal-Konvenzjoni kif ukoll għall-protezzjoni tal-organiżmi selvaġġi, b’mod partikolari fl-Afrika.

 

Aktar informazzjoni

Skeda informattiva: il-pożizzjoni tal-UE għas-17-il Konferenza tal-Partijiet (COP) għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES)

Il-lista sħiħa tal-proposti ppreżentati lill-CoP17 tas-CITES mill-UE

 

IP/16/3144

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Photos