Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

It-tmiem tat-tariffi tar-roaming fl-UE fl-2017: Il-Kummissjoni taqbel dwar approċċ ġdid sabiex dan isir realtà għall-Ewropej kollha

Brussell, il-21ta' settembru 2016

Kif imħabbar mill-President Juncker fid-diskors tiegħu l-Istat tal-Unjoni, il-Membri tal-Kulleġġ illum iddiskutew abbozz rivedut tar-regoli li huma meħtieġa sabiex jiġu evitati l-abbużi meta jintemmu t-tariffi tar-roaming sa Ġunju 2017.

Illum il-Kulleġġ iddiskuta approċċ ġdid dwar il-prinċipju tal-użu ġust u qablu li ma għandux ikun hemm limitazzjoni f'termini ta' żmien jew ta' volum impost fuq il-konsumaturi meta jużaw l-apparat mobbli barra minn pajjiżhom fl-UE. Fl-istess ħin, l-approċċ il-ġdid jipprovdi mekkaniżmu ta' salvagwardja sod għall-operaturi kontra abbużi potenzjali.

Dan il-mekkaniżmu ġdid se jkun ibbażat fuq il-prinċipju tar-residenza jew ta' rabtiet stabbli li l-konsumaturi Ewropej jista' jkollhom ma’ kull Stat Membru tal-UE (pereżempju, preżenza frekwenti u sostanzjali fl-Istat Membru tal-fornitur tar-roaming).

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali qal: "Il-Parlament u l-Kunsill qablu dwar il-proposta tagħna sabiex jintemmu t-tariffi tar-roaming għall-vjaġġaturi fl-UE. Flimkien irridu niżguraw prezzijiet baxxi għall-utenti madwar l-Ewropa kollha, sabiex isir użu sħiħ mis-servizzi mobbli l-ġodda. Il-konsumaturi Ewropej ma jaċċettawx mod ieħor."

Günther H. Oettinger, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, qal: "L-azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prezzijiet tar-roaming qdiet lill-konsumaturi Ewropej.L-abbozz tar-regoli tal-lum jiżgura li nistgħu ntemmu t-tariffi tar-roaming mill-15 ta’ Ġunju 2017 għall-persuni kollha li jivvjaġġaw perjodikament fl-Unjoni, filwaqt li niżguraw li l-operaturi jkollhom l-għodda biex jilqgħu kontra l-abbuż tar-regoli."

Il-Kulleġġ tal-Kummissarji ddiskuta l-abbozz tar-regoli li se jippermettu lill-vjaġġaturi kollha li jużaw kard tas-SIM ta’ Stat Membru fejn jgħixu jew li miegħu għandhom rabtiet stabbli, biex jużaw l-apparat mobbli tagħhom f'kull pajjiż ieħor tal-UE, daqslikieku kienu f’pajjiżhom.

Eżempji ta’ "rabtiet stabbli" jinkludu l-vjaġġaturi fuq xogħol, ir-residenti espatrijati li ta’ spiss ikunu preżenti f’pajjiżhom, jew l-istudenti ta' Erasmus. L-Ewropej se jħallsu prezzijiet domestiċi meta jagħmlu telefonati, jibagħtu messaġġ jew jidħlu fl-Internet permezz tal-apparat mobbli tagħhom, u se jkollhom aċċess sħiħ għal partijiet oħra tal-abbonament tal-mowbajl tagħhom (pereż. pakkett ta' dejta ta’ kull xahar).

Il-Kulleġġ tal-Kummissarji se jadotta l-proposta finali sal-15 ta’ Diċembru 2016, wara r-reazzjoni tal-BEREC (il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjoni Elettronika), l-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha.

 

Salvagwardji b’saħħithom għall-operaturi

1) Salvagwardji kontra l-abbużi bbażati fuq ir-residenza jew ir-rabtiet permanenti f’pajjiż tal-UE

Ir-roaming huwa għall-vjaġġaturi. L-abbozz il-ġdid jippermetti li l-operaturi jivverifikaw ix-xejriet ta' użu sabiex jiġi evitat li jkun hemm abbuż mill-użu tar-"roaming daqslikieku f'pajjiżek". Lista mhux eżawrjenti ta’ kriterji tinkludi:

-      traffiku domestiku insinifikanti meta mqabbel mat-traffiku tar-roaming;

-      kard tas-SIM partikolari li tkun inattiva għal perjodu twil u li l-użu tagħha juri li fil-biċċa l-kbira, jekk mhux esklussivament, din qed tintuża għar-roaming;

l-abbonament u l-użu sekwenzjali ta’ diversi kards tas-SIM mill-istess klijent waqt ir-roaming.

F’każijiet bħal dawn, l-operaturi jkollhom javżaw lill-utenti tagħhom. Huwa biss jekk dawn il-kundizzjonijiet jintlaħqu li l-operaturi jkunu jistgħu japplikaw ħlas addizzjonali żgħir (il-Kummissjoni pproponiet l-aktar €0.04/min għal kull telefonata, €0.01/SMS u €0.0085/MB). F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, il-proċeduri għall-ilmenti, għandhom jidħlu fis-seħħ mill-operatur. Jekk jibqgħu ma jaqblux, il-klijent jista’ jressaq l-ilment tiegħu quddiem l-awtorità regolatorja nazzjonali li ssolvi l-każ.

L-abbużi jistgħu wkoll ikunu relatati max-xiri bi kwantità ta' kards tas-SIM għal użu permanenti barra mill-pajjiż tal-operatur li jkun ħariġhom. F’każijiet bħal dawn, l-operatur ikun jista' minnufih jieħu miżuri proporzjonali, filwaqt li jgħarraf lir-regolatur nazzjonali.

 

2) Salvagwardji f’ċirkostanzi eċċezzjonali fis-swieq domestiċi

F'każ li f'suq speċifiku l-prezzijiet jogħlew jew f'każ ta' effetti negativi oħra għall-klijenti domestiċi tagħhom, l-operaturi jistgħu joħorġu mid-dispożizzjoni tar-"roaming daqslikieku f'pajjiżek", u dan jippermettilhom jekk ikunu awtorizzati mir-regolaturi nazzjonali, sabiex temporanjament japplikaw l-istess ħlasijiet żgħar addizzjonali (il-Kummissjoni pproponiet l-aktar €0.04/min għal kull telefonata, €0.01/SMS u €0.0085/MB). L-operaturi se jkollhom jipprovdu evidenza biex juru li l-użu tar-"roaming daqslikieku f'pajjiżek" kienet qed tpoġġi f’riskju l-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tagħhom.

 

Il-kuntest

Għal kważi għaxar snin, il-Kummissjoni ħadmet qatigħ sabiex tnaqqas il-ħlasijiet addizzjonali li l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet imponew fuq il-klijenti tagħhom li użaw l-apparat mobbli tagħhom kull darba li qasmu l-fruntiera meta kienu fuq btala jew matul vjaġġ fuq xogħol. Mill-2007 'l hawn, il-prezzijiet tar-roaming naqsu b’aktar minn 90 %. Fl-2015, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jtemmu t-tariffi tar-roaming għall-persuni li jivvjaġġaw perjodikament fl-UE. "Ir-roaming daqslikieku f'pajjiżek” — fejn il-klijenti jħallsu prezzijiet domestiċi, irrispettivament minn fejn ikunu qed jivvjaġġaw fl-UE — se jsir realtà għal vjaġġaturi Ewropej kollha sa Ġunju 2017.

 

Questions and Answers

IP/16/3111

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar