Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni 2016: Il-Kummissjoni tipproponi regoli moderni tal-UE dwar id-dritt tal-awtur biex il-kultura Ewropea toktor u tixtered

Strasburgu, I-14ta' settembru 2016

Il-ġurnalisti, il-pubblikaturi u l-awturi jixirqilhom ħlas ġust għal xogħolhom, sew jekk jaħdmuh fi studio jew fi djarhom, sew jekk iqegħduh fuq l-internet u anki jekk le, sew jekk jippubblikawh stampat jew b’mod elettroniku.” – Il-President Juncker, l-Istat tal-Unjoni 2016

Fl-okkażjoni tad-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni 2016, illum il-Kummissjoni ppreżentat proposti dwar il-modernizzazzjoni tad-dritt tal-awtur biex jiżdiedu d-diversità kulturali fl-Ewropa u l-kontenut disponibbli online, filwaqt li jingħataw regoli aktar ċari għall-parteċipanti online kollha. Il-proposti se joħolqu wkoll għodod għall-innovazzjoni fl-istituzzjonijiet edukattivi, tar-riċerka u tal-wirt kulturali.

It-teknoloġiji diġitali qed jibdlu l-mod kif wieħed jipproduċi, iqassam u jaċċessa l-mużika, il-films, it-televiżjoni, ir-radju, il-kotba u l-istampa. Ċertu servizzi online ġodda bħall-istreaming tal-mużika, il-pjattaformi tal-Video-on-Demand u l-portali tal-aħbarijiet saru popolari ħafna, filwaqt li l-konsumaturi qed jistennew dejjem aktar li jkollhom aċċess għall-kontenut kulturali meta jivvjaġġaw u jaqsmu l-fruntieri. Ix-xenarju diġitali l-ġdid se jiftaħ bibien t’opportunitajiet għall-artisti kreattivi Ewropej diment li r-regoli joffru ċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali lill-parteċipanti kollha. Bħala parti importanti mill-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, illum il-Kummissjoni adottat proposti biex tippermetti:

  • Għażla u aċċess aħjar għall-kontenut online u bejn il-fruntieri
  • Regoli aħjar dwar id-dritt tal-awtur fejn jidħlu l-edukazzjoni, ir-riċerka, il-wirt kulturali, l-inklużjoni tal-persuni b’diżabbiltà
  • Suq aktar ġust u sostenibbli għall-artisti kreattivi, għall-industriji kreattivi u għall-istampa

Il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, Andrus Ansip, qal: “L-Ewropej iridu aċċess bla fruntieri għall-kultura għanja u diversa tagħna. Il-proposta tagħna se tiżgura d-disponibbiltà ta’ aktar kontenut, billi tibdel ir-regoli Ewropej dwar id-dritt tal-awtur fid-dawl ta’ realtà diġitali ġdida. Il-kontenut kreattiv tal-Ewropa m’għandux jinqafel, iżda fl-istess waqt għandu jkun protett, l-aktar biex jitjiebu l-possibbiltajiet ta’ ħlas xieraq għall-artisti kreattivi tagħna. Wegħedna li ntwettqu l-inizjattivi tagħna kollha biex jinħoloq Suq Uniku Diġitali u issa qed inżommu kelmina. Mingħajr Suq Uniku Diġitali li jiffunzjona tajjeb se ninqatgħu lura fejn jidħlu l-kreattività, it-tkabbir u l-impjiegi.”

Günther H. Oettinger, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, qal: “L-industriji kreattivi tagħna se jgawdu minn dawn ir-riformi li jegħlbu l-isfidi tal-era diġitali b’suċċess, filwaqt li lill-konsumaturi Ewropej dawn joffrulhom għażla usa’ ta’ kontenut. Qed nipproponu ambjent tad-dritt tal-awtur li jkun stimulanti, ġust u jippremja l-investiment.”

Illum, kważi nofs l-utenti tal-internet fl-UE jisimgħu l-mużika, jaraw il-films u s-sensiliet televiżivi jew jilagħbu l-logħob online; madankollu x-xandara u operaturi oħrajn qed isibuha diffiċli biex jiksbu drittijiet għal servizzi online jew diġitali meta jkunu jridu joffru s-servizzi tagħhom f’pajjiżi oħra tal-UE. Bl-istess mod anki l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-wirt kulturali, li huma setturi soċjo-ekonomikament importanti, qed iħabbtu wiċċhom ma’ restrizzjonijiet jew inċertezzi legali li jżommu lura l-innovazzjoni diġitali tagħhom meta jkunu jridu jużaw il-kontenut protett bid-dritt tal-awtur, inkluż lil hinn mill-fruntieri tagħhom. Fl-aħħar nett, l-artisti kreattivi, id-detenturi ta’ drittijiet oħrajn u l-pubblikaturi tal-istampa spiss ma jkunux kapaċi jinnegozjaw il-kundizzjonijiet u l-ħlasijiet għall-użu online tax-xogħlijiet u l-wirjiet tagħhom.

B’kollox, il-proposti tad-dritt tal-awtur li qed jiġu ppreżentati llum għandhom tliet prijoritajiet ewlenin:

1. Għażla u aċċess aħjar għall-kontenut online u bejn il-fruntieri

Bil-proposta tagħna dwar il-portabbiltà tal-kontenut online li ppreżentajna f’Diċembru 2015, lill-konsumaturi tajniehom id-dritt li jużaw l-abbonamenti online tagħhom għal films, mużika, u l-kotba elettroniċi meta jkunu barra minn pajjiżhom, ngħidu aħna għal vaganza jew vjaġġ fuq xogħol. Illum qed nipproponu mekkaniżmu legali ħalli x-xandara jsibuha eħfef biex jiksbu l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa mingħand id-detenturi tad-drittijiet biex jittrażmettu programmi online fi Stati Membri oħra tal-UE. Dan għandu x’jaqsam mal-programmi li x-xandara jittrażmettu fuq l-internet fl-istess ħin tax-xandir terrestri, kif ukoll mas-servizzi ta’ rkupru li jkunu jixtiequ jagħmlu disponibbli online fi Stati Membri oħrajn, bħall-MyTF1 fi Franza, ZDF Mediathek fil-Ġermanja, TV3 Play fid-Danimarka, fl-Iżvezja u fl-Istati Baltiċi, u AtresPlayer fi Spain. Il-konsumaturi jkollhom għażla akbar jekk ix-xandara jingħataw is-setgħa li l-biċċa l-kbira tal-kontenut tagħhom, bħall-aħbarijiet, il-programmi kulturali, il-programmi politiċi, id-dokumentarji u l-programmi ta’ divertiment, ixandruh ukoll fi Stati Membri oħrajn.

Ir-regoli tal-lum jagħmluha eħfef ukoll għall-operaturi li joffru pakketti ta’ stazzjonijiet televiżivi (bħalma huma l-Proximus TV fil-Belġju, il-Movistar+ fi Spanja, l-IPTV Entertain tad-Deutsche Telekom fil-Ġermanja) biex jiksbu l-awtorizzazzjonijiet li jeħtieġu: minflok ma jkollhom jinnegozjaw individwalment ma’ kull detentur tad-dritt biex joffru dawn il-pakketti ta’ stazzjonijiet li joriġinaw minn Stati Membri oħrajn tal-UE, dawn se jkunu jistgħu jiksbu l-liċenzji mingħand soċjetajiet kolletturi li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet. Dan se jwessa’ l-għażla tal-kontenut lill-klijenti tagħhom.

Biex fl-Ewropa jitrawwem l-iżvilupp ta’ offerti tal-Video-on-Demand (VoD), qed nitolbu lill-Istati Membri biex iwaqqfu korpi ta’ negozjar biex jgħinu fil-ftehimiet tal-liċenzjar, fosthom dawk għas-servizzi bejn il-fruntieri, bejn id-detenturi tad-drittijiet awdjoviżivi u l-pjattaformi tal-VoD. Dan il-mekkaniżmu se jissaħħaħ bi djalogu mal-industrija awdjoviżiva fuq kwistjonijiet ta’ liċenzjar u bl-użu ta’ għodod innovattivi bħaċ-ċentri tal-liċenzjar.

Biex itejjeb l-aċċess għall-wirt kulturali għani tal-Ewropa, id-Direttiva l-ġdida dwar id-Dritt tal-Awtur se tgħin lill-mużewijiet, lill-arkivji u lil istituzzjonijiet oħrajn biex opri li m’għadhomx fis-suq, bħall-kotba jew il-films li huma protetti bid-dritt tal-awtur iżda li m’għadhomx disponibbli għall-pubbliku, jiddiġitalizzawhom u jagħmluhom disponibbli bejn il-fruntieri.

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni se tuża l-programm tagħha MEDIA Ewropa Kreattiva b’€1.46 biljun biex jappoġġa aktar iċ-ċirkulazzjoni tal-kontenut kreattiv bejn il-fruntieri. Dan ifisser aktar finanzjament għas-sottotitolar u għad-dubbing; katalgu ġdid ta’ xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej għall-fornituri tal-VoD li jistgħu jużawhom direttament għax-xandir; u għodod online biex isir tixrid diġitali aħjar tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u biex ikun eħfef li dawn jinstabu u jidhru online.

Flimkien, dawn l-azzjonijiet se jħeġġu lin-nies biex jiskopru programmi tat-televiżjoni u tar-radju ta’ pajjiżi Ewropej oħrajn u jżommu kuntatt ma’ pajjiżhom meta jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor, u se jżidu d-disponibbiltà tal-films Ewropej, anki bejn il-fruntieri, u b’hekk toħroġ fid-dieher id-diversità kulturali Ewropea tant rikka.

2. Regoli tad-dritt tal-awtur aħjar fejn jidħlu r-riċerka, l-edukazzjoni u l-inklużjoni tal-persuni b’diżabbiltà

L-istudenti u l-għalliema huma ħerqana biex jużaw materjali u teknoloġiji diġitali għat-tagħlim. Iżda fi żmienna, kull ġimgħa, kważi għalliem minn kull erbgħa jsib restrizzjonijiet relatati mad-dritt tal-awtur fl-attivitajiet tat-tagħlim diġitali tiegħu. Illum il-Kummissjoni qed tipproponi eċċezzjoni ġdida ħalli l-istabbilimenti edukattivi jkunu jistgħu jużaw materjali li jgħallmu permezz ta’ għodod diġitali u f’korsijiet online bejn il-fruntieri.

Id-Direttiva proposta se tagħmilha aktar faċli wkoll biex ir-riċerkaturi madwar l-UE jużaw teknoloġiji għat-tiftix fit-testi u fid-dejta (TDM) biex janalizzaw ġabriet kbar ta’ dejta. Dan se jagħti spinta tant meħtieġa lir-riċerka innovattiva għax illum kważi kull pubblikazzjoni xjentifika qed toħroġ diġitali u l-volum ġenerali ta’ dawn il-pubblikazzjonijiet qed jiżdied bi 8-9% kull sena madwar id-dinja.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll eċċezzjoni obbligatorja ġdida tal-UE ħalli l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jkunu jistgħu jippreżervaw b’mod diġitali ċertu opri li huma kruċjali għas-sopravivenza tal-wirt kulturali u biex iċ-ċittadini jkollhom aċċess għalihom għal tul ta’ żmien.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qed tipproponi leġiżlazzjoni li timplimenta t-Trattat ta’ Marrakesh biex il-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li għandhom diffikultà oħra biex jaqraw materjal stampat isibuha eħfef jaċċessaw ix-xogħlijiet ippubblikati. Dawn il-miżuri huma importanti biex ikun żgurat li d-dritt tal-awtur ma jżommx liċ-ċittadini milli jieħdu sehem bis-sħiħ fis-soċjetà, u biex ikunu jistgħu jsiru skambju ta’ kopji b’format aċċessibbli fi ħdan l-UE u ma’ pajjiżi terzi li ffirmaw it-Trattat, filwaqt li jiġu evitati x-xogħol doppju u l-ħela tar-riżorsi.

3. Suq aktar ġust u sostenibbli għall-artisti kreattivi u l-istampa

Id-Direttiva dwar id-Dritt tal-awtur għandha l-għan li ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ dawk li għandhom id-drittijiet biex ikunu jistgħu jinnegozjaw u jitħallsu għall-isfruttament online tal-kontenut tagħhom fuq pjattaformi għall-iskambju tal-vidjos bħal YouTube jew Dailymotion. Dawn il-pjattaformi se jkollhom l-obbligu li jużaw mezzi effettivi bħalma hi t-teknoloġija li tagħraf awtomatikament il-kanzunetti u x-xogħlijiet awdjoviżivi li d-detenturi tad-drittijiet ikunu identifikaw u ftiehmu mal-pjattaformi biex jawtorizzawhom jew ineħħuhom.

Il-gazzetti, ir-rivisti u pubblikazzjonijiet oħrajn tal-istampa gawdew mill-bidla lejn servizzi online u diġitali bħall-midja soċjali u l-portali tal-aħbarijiet. Din il-bidla wessgħet l-udjenzi, iżda ħalliet impatt fuq id-dħul mir-reklamar u biż-żmien il-liċenzjar u l-infurzar tad-drittijiet f’dawn il-pubblikazzjonijiet qed tagħmilhom aktar diffiċli. Il-Kummissjoni qed tipproponi li ddaħħal dritt relatat ġdid għall-pubblikaturi, bħal dak li diġà jeżisti fil-liġi tal-UE għall-produtturi tal-films, il-produtturi tad-diski (fonogrammi) u parteċipanti oħrajn tal-industrija kreattiva bħalma huma x-xandara.

Id-dritt il-ġdid jagħraf ir-rwol importanti li għandhom il-pubblikaturi tal-istampa, jiġifieri li jinvestu u joħolqu kontenut ġurnalistiku ta’ kwalità, li hu tant essenzjali biex iċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-għarfien fis-soċjetajiet demokratiċi tagħna. Għall-ewwel darba dawn se jiġu rikonoxxuti legalment bħala detenturi ta’ dritt u għalhekk se jiksbu pożizzjoni aħjar meta jinnegozjaw l-użu tal-kontenut tagħhom ma’ servizzi online jew l-għoti tal-aċċess għalih, u se jkunu kapaċi aktar jiġġieldu l-piraterija. Dan l-approċċ se jagħti qafas legali ċar lil kull parteċipant waqt il-liċenzjar tal-kontenut għal użi diġitali, filwaqt li se jgħin biex jinħolqu mudelli kummeċjali innovattivi għall-ġid tal-konsumaturi.

Barra minn hekk, l-abbozz tad-Direttiva jobbliga lill-pubblikaturi u lill-produtturi jkunu trasparenti u jinforma lill-awturi jew lill-artisti dwar il-profitti li jsiru b’xogħolhom. Dan jistabbilixxi wkoll mekkaniżmi li jgħinu lill-awturi u lill-artisti biex jiksbu sehem ġust meta jiġu biex jinnegozjaw il-ħlas mal-produtturi u l-pubblikaturi. B’hekk għandha tiżdied il-fiduċja fost il-parteċipanti kollha fil-katina tal-valur diġitali.

Lejn Suq Uniku Diġitali

Bħala parti mill-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali ppreżentata f’Mejju 2015, il-proposti tal-lum jikkumplimentaw ir-regolament propost dwar il-portabbiltà tal-kontenut legali (ta’ Diċembru 2015), id-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi u l-Midja Awdjoviżivi, u l-Komunikazzjoni dwar il-pjattormi online (ta’ Mejju 2016). Aktar tard din il-ħarifa, il-Kummissjoni se tipproponi li jissaħħaħ l-infurzar ta’ kull tip ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, fosthom id-dritt tal-awtur.

Ir-regoli tal-UE dwar id-dritt tal-awtur li qed jiġu ppreżentati llum flimkien mal-inizjattivi li jixprunaw il-konnettività tal-internet fl-UE (stqarrija għall-istampakonferenza stampa fit-15:15 CET), huma parti mill-istrateġija tal-UE biex toħloq Suq Uniku Diġitali (DSM). Il-Kummissjoni ppreżentat 16-il inizjattiva (stqarrija għall-istampa) u miexja fit-triq it-tajba biex twettaqhom kollha sal-aħħar ta’ din is-sena.

Għal iktar informazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet

Skeda informattiva dwar id-Dritt tal-awtur

Aktar fuq it-tiftix fit-testi u fid-dejta (TDM)

Id-dokumenti adottati llum

Komunikazzjoni - Nippromwovu ekonomija Ewropea bbażata fuq id-dritt tal-awtur li tkun ġusta, effiċjenti u kompetittiva fis-Suq Uniku Diġitali

Regolament li jistabbilixxi regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir u t-trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ programmi televiżivi u tar-radju

Direttiva dwar id-dritt tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali

Regolament dwar l-iskambju transfruntier bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi ta’ kopji b’format aċċessibbli ta’ ċertu xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista, jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat

Direttiva dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ dritt tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni

 

IP/16/3010

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar