Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni għall-2016: Il-Kummissjoni twitti t-triq biex tiżdied u titjieb il-konnettività tal-internet għaċ-ċittadini u n-negozji kollha

Strasburgu, I-14ta' settembru 2016

"Jeħtieġ inkunu konnessi. Hekk għandha bżonn l-ekonomija tagħna. Hekk għandhom bżonn in-nies. U rridu ninvestu f'din il-konnettività minn issa." – Il-President Juncker, l-Istat tal-Unjoni 2016

Fl-okkażjoni tad-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni 2016, illum il-Kummissjoni pproponiet riforma ambizzjuża fir-regoli tat-telekomunikazzjoni tal-UE b’inizjattivi ġodda li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-konnettività dejjem akbar taċ-ċittadini Ewropej u jagħtu spinta lill-kompetittività tal-Ewropa. Dawn il-proposti se jħeġġu l-investiment f’netwerks b’kapaċità kbira ħafna u jħaffu l-aċċess pubbliku għall-Wi-Fi għaċ-ċittadini Ewropej.

Meta jkunu fuq il-post tax-xogħol, fi djarhom jew qed jivvjaġġaw, l-Ewropej jistennew li jkollhom konnessjoni tal-internet veloċi u affidabbli. Kulma jmur, qed isir aktar importanti li jitħeġġu investimenti f’netwerks b’kapaċità kbira għall-edukazzjoni, is-saħħa, il-manifattura u t-trasport. Illum il-Kummissjoni qed tilqa’ dawn l-isfidi u tipprepara għall-futur diġitali tal-Ewropa billi ressqet tliet għanijiet strateġiċi tal-konnettività għall-2025:

  • 1. Il-muturi soċjoekonomiċi ewlenin kollha, bħall-iskejjel, l-universitajiet, iċ-ċentri tar-riċerka, iċ-ċentri tat-trasport, il-fornituri kollha tas-servizzi pubbliċi bħall-isptarijiet u l-amministrazzjonijiet, u l-intrapriżi li jiddependu fuq it-teknoloġiji diġitali, għandu jkollhom aċċess għal konnettività qawwija ħafna – tal-gigabits – ħalli l-utenti jkunu jistgħu jniżżlu jew itellgħu 1Gb fis-sekonda.
  • 2. Il-familji Ewropej kollha, rurali jew urbani, għandu jkollhom aċċess għal konnettività li toffri veloċità tad-download ta’ mill-inqas 100Mbps, li tkun tista’ tiġi aġġornata għal Gbps.
  • 3. Kull żona urbana kif ukoll it-toroq u l-linji tal-ferroviji ewlenin għandu jkollhom kopertura 5G mingħajr interruzzjonijiet, il-ħames ġenerazzjoni ta' sistemi ta' komunikazzjoni bla wajers. Bħala mira intermedja, il-5G għandu jkun disponibbli kummerċjalment għallinqas f’belt kbira waħda f’kull Stat Membru tal-UE sal-2020.

Dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu biss b’investimenti kbar. Għaldaqstant il-Kummissjoni qed tipproponi Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjoni Elettronika ġdid li jiġbor regoli progressivi u ssimplifikati li jagħmluha aktar attraenti għall-kumpaniji kollha biex jinvestu f’infrastrutturi ġodda tal-aqwa kwalità, kullimkien fl-UE, kemm lokalment kif ukoll bejn il-fruntieri nazzjonali. L-investimenti li jiġġenera l-qafas il-ġdid jistgħu jżidu l-PDG tal-UE b'910 biljun euro €oħra u joħolqu 1.3 miljun impjieg ġdid fl-għaxar snin li ġejjin (sal-2025). Minbarra l-Kodiċi, il-Kummissjoni qed tippreżenta wkoll pjan ta’ azzjoni għat-tifrix tal- 5G madwar l-UE mill-2018. Dan għandu l-potenzjal joħloq żewġ miljun impjieg fl-UE. Inizjattiva ewlenija oħra tal-pakkett tal-konnettività WiFi4EU li qed jiġi ppreżentat illum, għandha l-għan li tgħin lill-komunitajiet Ewropej joffru hotspots tal-Wi-Fi bla ħlas lil kull ċittadin (aqra aktar tagħrif hawnhekk).

Il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, Andrus Ansip, qal: “Is-Suq Uniku Diġitali ma jistax jitwettaq mingħajr netwerks tal-komunikazzjoni tal-ogħla livell. Neħtieġu konnettività li ċ-ċittadini jaffordjaw u li jistgħu jużawha meta jkunu qed jivvjaġġaw. Biex dan iseħħ, trid tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politiki dwar l-ispettru madwar l-UE. Jekk jiżdiedu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni tas-suq Ewropew, inkunu nistgħu nilħqu dawn il-miri megħjunin mill-ambjent it-tajjeb li joħloq il-Kodiċi l-ġdid tal-Komunikazzjoni.”

Günther H. Oettinger, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, qal: “Il-konnettività hija prerekwiżit importanti għall-ġejjieni diġitali tal-Ewropa: L-Internet tal-Oġġetti, id-diġitalizzazzjoni tal-industrija, il-cloud, il-big data — dan kollu jitlob sigurtà u konnettività kullimkien, bl-aqwa veloċità u kwalità. L-Ewropa għandha l-ambizzjoni li tkun fuq quddiem nett fejn jidħol it-tifrix tal-5G. Wasal iż-żmien li nsiru soċjetà tal-gigabits u niżguraw li l-Ewropej kollha, fil-kampanja jew fil-bliet, ikunu jistgħu jiksbu aċċess għal internet ta’ kwalità.”

Kodiċi tal-Komunikazzjoni Elettronika ġdid biex jgħinna nibnu n-netwerks tal-ġejjieni

Biex nilħqu l-għanijiet tal-konnettività tagħna, hu stmat li neħtieġu investiment ta’ 500 biljun euro €fl-għaxar snin li ġejjin. Ħafna minnhom, dawn il-flus joħroġhom il-privat. Iżda mix-xejriet attwali tal-investiment, jidher li se jkun hemm diskrepanza ta’ investiment ta’ 155 biljun euro €.

Biex tindirizza din l-isfida, il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġu mmodernizzati r-regoli attwali tat-telekomunikazzjoni tal-UE, li l-aħħar li ġew aġġornati kien fl-2009. Il-Kodiċi se jistimula kompetizzjoni li tixpruna l-investimenti u ssaħħaħ is-suq intern u d-drittijiet tal-konsumatur.

Il-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjoni l-ġdid li qed jiġi ppreżentat illum jipproponi:

  • Aktar kompetizzjoni u prevedibbiltà għall-investimenti: Ikun xi jkun is-settur fejn joperaw, l-investituri jeħtieġu ċertezza fit-tul. Din tfisser ambjent regolatorju stabbli li jnaqqas id-diverġenzi bejn il-prattiki regolatorji madwar l-UE. Il-Kodiċi se japplika r-regolamenti tas-suq biss meta l-interess tal-utent finali jkun jeħtieġhom u meta l-arranġamenti kummerċjali bejn l-operaturi ma jagħtux riżultati kompetittivi. Il-Kodiċi l-ġdid inaqqas ġmielu r-regolamentazzjoni biex l-operaturi rivali jinvestu flimkien f’netwerks b’kapaċità kbira ħafna u jagħmilha eħfef għal parteċipanti iżgħar biex ikunu parti mill-proġetti tal-investiment, fost l-oħrajn billi jgħaqqad l-ispejjeż u jegħleb ix-xkiel tas-skala tal-intrapriżai, fost l-oħrajn. Ir-regoli l-ġodda jagħmlu l-investiment aktar prevedibbli għal min jieħu inizjattiva kmieni u jirriskja jinvesti fin-netwerks tal-broadband f’żoni inqas profittabbli, bħalma huma ż-żoni rurali. Bil-Kodiċi l-ġdid, ma nibqgħux nitħaddtu biss fuq kompetizzjoni għall-aċċess għan-netwerks, iżda anki fuq kompetizzjoni għal investimenti f’dawn in-netwerks (għal aktar dettalji ara l-Mistoqsijiet u t-Tweġibiet ).
  • Użu aħjar tal-frekwenzi tar-radju: Li jonqsu d-diverġenzi bejn il-prattiki regolatorji madwar l-UE hu partikolarment rilevanti fil-qasam tal-ispettru tar-radju, li hu l-materja prima ewlenija għall-komunikazzjoni bla wajers. Il-Kodiċi jipproponi li l-liċenzji jkunu għal perjodu taż-żmien twil, iżda jkollhom rekwiżiti aktar stretti biex l-ispettru jintuża b’mod effettiv u effiċjenti. Dan jipproponi wkoll koordinazzjoni tal-parametri bażiċi bħalma huma l-waqt opportun tal-assenjamenti biex ikun żgurat li l-ispettru jinfetaħ għas-suq tal-UE fil-ħin, kif ukoll politiki tal-ispettru aktar konverġenti mal-UE kollha bil-għan li jipprovdu kopertura bla wajers sħiħa għall-UE kollha.
  • Protezzjoni tal-konsumatur aħjar, fl-oqsma fejn ir-regoli ma jindirizzawx ħtiġijiet speċifiċi għas-settur. Ir-regoli aġġornati jagħmluha eħfef għall-konsumaturi biex jibdlu l-fornituri meta jkunu abbonaw għal xi pakkett (li jgħaqqad l-internet, it-telefown, it-televiżjoni, il-mowbajl, eċċ) u jiżguraw li l-gruppi vulnerabbli (bħall-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà u dawk bl-għajnuna soċjali) ikollhom id-dritt għal kuntratti tal-internet li jifilħu għalihom.
  • Ambjent online aktar sikur għall-utenti, u regoli aktar ġusti għall-parteċipanti kollha: Ċertu regoli partikolari qed jiġu estiżi għal parteċipanti online ġodda li joffru servizzi ekwivalenti għal dawk tal-operaturi tradizzjonali, biex ikun żgurat li japplikaw ir-rekwiżiti tas-sigurtà (ikun żgurat li n-netwerks u s-servers huma siguri). Dawn ir-regoli jaħsbu wkoll għall-possibbiltà li l-utenti jċemplu n-numru tal-emerġenza tal-UE 112 permezz ta’ dawn is-servizzi online fil-futur; u dan mingħajr ebda spiża żejda għall-utenti.

Bħala parti mill-proposti leġiżlattivi tal-lum, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li jissaħħaħ ir-rwol tar-regolaturi nazzjonali, u tal-Aġenzija BEREC biex tiżgura applikazzjoni konsistenti u prevedibbli tar-regoli fis-Suq Uniku Diġitali kollu, filwaqt li xxejjen kemm tista’ l-frammentazzjoni u l-inkonsistenzi attwali.

Il-WiFi4EU

Illum il-Kummissjoni qed tipproponi inizjattiva ġdida biex kull awtorità lokali interessata tingħata ċ-ċans toffri konnessjonijiet tal-Wi-Fi bla ħlas lil kull ċittadin, ngħidu aħna fil-binjiet pubbliċi, fiċ-ċentri tas-saħħa, fil-ġonna jew fl-pjazez. Din l-iskema tal-kupuni pubblika u ġdida se tibda b’baġit ta’ €120 miljun euro, u għandha l-potenzjal li tipprovdi konnettività f’eluf ta’ spazji pubbliċi u tiġġenera minn 40 sa 50 miljun konnessjoni tal-Wi-Fi kuljum. Il-finanzjament għall-installazzjoni ta’ punti tal-aċċess lokali bla wajers għandu jkun disponibbli malajr, wara l-adozzjoni tal-iskema mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri. U sal-2020, minn dan il-proġett ġdid għandhom igawdu mill-anqas bejn 6,000 u 8,000 komunità lokali. Bħalma tbassar id- Direttiva tal-Kummerċ Elettroniku, l-awtoritajiet lokali li joffru dawn is-servizzi liċ-ċittadini tagħhom ma jkunux responsabbli għall-kontenut li jittrażmettu.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-5G

Illlum il-Kummissjoni qed tippreżenta wkoll Pjan ta’ Azzjoni għall-5G li jfassal kalendarju komuni għall-UE biex titwettaq ħidma koordinata ħalli fl-2020 jitnieda l-5G b’mod kummerċjali, u ħidma konġunta mal-Istati Membri u mal-partijiet konċernati tal-industrija biex jidentifikaw u jallokaw baned tal-ispettru għall-5G, biex mill-2018 jorganizzaw provi pan-Ewropej għall-5G, jippromwovu standards komuni globali tal-5G, u jħeġġu l-adozzjoni ta’ pjanijiet direzzjonali nazzjonali tal-5G fl-Istati Membri kollha tal-UE.

Il-Kummissjoni u l-investituri fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet jikkunsidraw ukoll li jipprovdu kapital ta’ riskju għal negozji li għadhom jibdew li qed jiżviluppaw soluzzjonijiet 5G għal applikazzjonijiet u servizzi innovattivi f’setturi industrijali. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ faċilità ta’ finanzjament ta’ riskju speċjalizzat biex jgħinhom idaħħlu servizzi ġodda fis-suq bħal fil-qasam tas-sewqan awtomatizzat, merkanzija mwassla minn vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ, jew realtà virtwali għal kollaborazzjoni professjonali speċifika.

Sfond

Kulma jmur, in-negozji l-ġodda sal-kumpaniji l-kbar, qed jistrieħu dejjem aktar fuq l-internet biex joperaw, joħolqu u jikbru. Fil-ġirja globali biex jinfetħu kumpaniji tat-teknoloġija avvanzata u ssir bidla mill-qiegħ f’dawk tradizzjonali, ma nistgħux ngħaddu mingħajr konnettività tal-internet mill-aqwa. Is-suċċess tal-kummerċ elettroniku, l-Internet tal-Oġġetti, l-affidabbiltà tal-applikazzjonijiet tal-gvern elettroniku u tas-saħħa elettronika, l-esperjenza tal-utent tal-kontenut vidjo u awdjo fil-logħob u fl-istreaming: dawn u ħafna oħrajn, ilkoll jiddependu fuq l-investiment fil-konnettività futura. Se tkun meħtieġa kopertura tal-broadband ta’ kwalità aqwa ħalli jkun żgurat li ħafna utenti jkunu jistgħu jużaw is-servizzi online fl-istess post – pereżempju fl-ajruporti jew fl-istadiums, fil-parks kummerċjali u fil-binijiet tal-amministrazzjoni pubblika – u ħalli jiġu konnessi biljuni ta’ oġġetti, minn karozzi sa tagħmir tad-djar. Barra minn hekk, permezz tagħha, it-tfal se jkunu jistgħu jitgħallmu fl-iskejjel bir-realtà virtwali filwaqt li t-tobba jkunu jistgħu jwettqu kirurġija mill-bogħod.

Fl-2015, 71% tal-djar Ewropej – li 28% biss minnhom jinsabu fiż-żoni rurali – kellhom aċċess għal konnessjoni tal-internet fissa veloċi (veloċità tad-download ta’ mill-inqas 30Mbps); u fejn tidħol il-kopertura mobbli 4G, il-medja tal-UE hi 86%, madankollu fiż-żoni rurali għadha 36% biss (sors). Dan mhux biżżejjed biex tiġi indirizzata l-ħtieġa dejjem akbar għal infrastruttura veloċi, ta’ kwalità u affidabbli bħalma hi meħtieġa għas-Suq Uniku Diġitali.

Filwaqt li ssejjes fuq il- miri attwali tal-broadband tal-UE għall-2020 , illum il-Kummissjoni qed tistabbilixxi viżjoni għal Soċjetà Ewropea tal-Gigabits, fejn id-disponibbiltà u l-użu ta’ netwerks b’kapaċità kbira ħafna jippermettu l-użu fil-wisa’, u anki l-iżvilupp, ta’ prodotti, servizzi u applikazzjonijiet fis-Suq Uniku Diġitali.

Progress lejn Suq Uniku Diġitali

L-inizjattivi tal-konnettività li qed jiġu ppreżentati llum, flimkien mar-regoli l-ġodda tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur (stqarrija għall-istampakonferenza stampa fit-15:15 CET), huma parti mill-istrateġija tal-UE biex toħloq Suq Uniku Diġitali (DSM). Il-Kummissjoni ppreżentat 16-il inizjattiva (stqarrija għall-istampa) u miexja fit-triq it-tajba biex twettaqhom kollha sal-aħħar ta’ din is-sena.

Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jappoġġaw il-miri ambizzjużi li ppreżentat u biex jadottaw dawn il-proposti leġiżlattivi mingħajr dewmien ħalli ċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-opportunitajiet diġitali.

Għal aktar informazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet

Skeda informattiva dwar it-telekomunikazzjoni; Skeda informattiva dwar il-WiFi4EU

Indiċi tal-Ekonomija u tas-Soċjetà Diġitali (DESI) inkluż dejta dwar il-konnettività għal kull pajjiż

Aktar dwar it-telekomunikazzjoni

Id-dokumenti adottati llum:

Komunikazzjoni u Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal – Il-Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv – Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits

Pjan ta’ Azzjoni u Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal – 5G għall-Ewropa

Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjoni Elettronika

Ir-Regolament dwar il-Korp tar-Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjoni Elettronika (il-BEREC)

Ir-Regolament dwar il-promozzjoni tal-konnettività tal-internet fil-komunitajiet lokali u fl-ispazji pubbliċi (il-WiFi4EU)

 

IP/16/3008

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar