Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Stat tal-Unjoni 2016: Fruntieri Esterni Iktar b'Saħħithom fil-Mira tal-Kummissjoni

Strasburgu, I-14ta' settembru 2016

"It-tolleranza ma tistax tħallas għaliha s-sigurtà tagħna. Għandna bżonn inkunu nafu min qiegħed jaqsam il-fruntieri tagħhna. Se niddefendu l-fruntieri tagħna bil-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta l-ġdida. Se niddefendu l-fruntieri tagħna b'kontrolli stretti fuq kull min jaqsamhom." – il-President Juncker, l-Istat tal-Unjoni 2016

Fl-okkażjoni tad-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Juncker tal-2016, il-Kummissjoni llum qalet kif l-Unjoni Ewropea tista' ssaħħaħ is-sigurtà fl-Ewropa billi ttejjeb l-iskambju ta' informazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u billi ssaħħaħ il-fruntieri esterni tagħha. Fost il-miżuri proposti nsibu dħul fl-operat imħaffef tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni mingħajr dewmien tas-Sistema ta' Dħul u Ħruġ tal-UE, u proposti li ġejjin biex tinħoloq Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar. Barra minn hekk, bħala parti mill-isforzi li l-Kummissjoni qed tagħmel biex twitti t-triq lejn Unjoni tas-Sigurtà ġenwina u effettiva, il-Komunikazzjoni tipproponi wkoll li jsiru iktar azzjonijiet biex tittejjeb is-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar biex timpedixxi l-frodi tad-dokumenti u biex jissaħħaħ iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu tal-Europol.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: "Is-sigurtà hija fost l-ikbar tħassib li għandhom iċ-ċittadini Ewropej. Illum, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi miżuri prattiċi biex taġġorna l-iskambju tal-informazzjoni - li huwa essenzjali biex jiġi miġġieled it-terroriżmu - u biex tissaħħaħ is-sigurtà fil-fruntieri esterni tal-Unjoni u jissaħħaħ il-kontroll fuq min jidħol u joħroġ mill-UE. Dawn il-miżuri se jkunu jeħtieġu koordinazzjoni u kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Membri. Ma nistgħux naħarbu mill-fatt li f'din id-dinja mobbli hija biss il-kooperazzjoni tassew eqreb li tista' tagħmilna iktar siguri."

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: "Billi nsaħħu l-fruntieri esterni tagħna se nkunu mħejjija aħjar biex niffaċċjaw sfidi migratorji serji. It-titjib tal-iskambju ta' informazzjoni se jippermettilna niġġieldu t-terroriżmu b'mod iktar effettiv. Biex niżguraw is-sigurtà tal-Ewropa, għandna bżonn ta' fruntieri b'saħħithom u intelliġence avanzata. Miżuri bħall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, is-Sistema ta' Dħul u Ħruġ, u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar se jgħinu biex tissaħħaħ is-sigurtà fil-fruntieri Ewropej, filwaqt li jissaħħaħ ir-rwol tal-Europol fil-qsim effettiv tal-informazzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi tad-dokumenti, huma passi konkreti lejn l-istabbiliment ta' Unjoni tas-Sigurtà iktar effettiva.

Il-Komunikazzjoni adottata llum telenka għadd ta' miżuri prattiċi u operazzjonali biex tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà u titwitta t-triq lejn Unjoni tas-Sigurtà ġenwina u effettiva:

  • Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta: Mibnija fuq il-Frontex, bil-kapaċità ġdida li tieħu minn riżerva ta' persunal u tagħmir, l-Aġenzija l-ġdida se tiżgura ġestjoni konġunta tal-fruntieri esterni tal-UE iktar b'saħħitha. Din se tkun ta' appoġġ għall-Istati Membri billi tidentifika d-dgħjufijiet u, fejn meħtieġ, tintervjeni biex tindirizzahom qabel ma jsiru problemi serji. Il-Kummissjoni, Frontex u l-Istati Membri diġà bdew jagħmlu xogħol preparatorju, u dan se jitħaffef iktar biex jiġi żgurat li l-Aġenzija l-ġdida tibda taħdem bħala kwistjoni ta' urġenza. Fost il-passi li l-Kummissjoni se tieħu hemm xogħol dwar ftehimiet ma' pajjiżi terzi u l-adozzjoni tal-proposti baġitarji neċessarji biex jippermettu lill-Aġenzija tqabbad persunal addizzjonali malajr. Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet nazzjonali għar-riżerva ta' gwardji tal-fruntiera u t-tagħmir ikunu lesti għall-użu immedjat u biex jimlew in-nuqqas fil-kapaċità attwali b'rispons għas-sejħa għal esperti għall-operazzjonijiet tal-Frontex fil-Greċja, l-Italja u l-Bulgarija.

  • Sistema ta' Dħul u Ħruġ tal-UE (EES): Proposta mill-Kummissjoni fis-6 ta' April 2016 flimkien ma' emenda għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, is-Sistema proposta ta' Dħul u Ħruġ tal-UE (EES) se ttejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni u tnaqqas il-migrazzjoni irregolari lejn l-UE (billi tindirizza soġġorni itwal milli tippermetti l-viża), filwaqt li tikkontribwixxi lejn il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja, u tiżgura livell għoli ta' sigurtà interna. Din is-sistema se tiġbor informazzjoni li tinkludi l-identità, id-dokumenti tal-ivvjaġġar u d-data bijometrika, kif ukoll tirreġistra r-rekords ta' dħul u ħruġ fil-punt tal-qsim. Din se tapplika għaċ-ċittadini kollha li mhumiex mill-UE li jiġu ammessi għal soġġorn qasir fiż-żona ta' Schengen (massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum). Bħalissa għaddejjin negozjati mal-koleġiżlaturi dwar iż-żewġ proposti, u l-Kummissjoni titlob li l-proposti jkollhom l-adozzjoni finali sa tmiem l-2016, bil-ħsieb li s-sistema ssir operazzjonali fil-bidu tal-2020 wara tliet snin ta' żvilupp.

  • L-idea li tiġi stabbilita Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (European Travel Information and Authorisation System, ETIAS) b'għanijiet simili għas-sistema magħrufa tal-Istati Uniti l-"ESTA" ġiet varata mill-Kummissjoni f'April. Il-ħolqien ta' sistema bħal din jipprovdi saff addizzjonali ta' kontroll fuq il-vjaġġaturi li huma eżentati mill-viża. L-ETIAS tiddetermina l-eliġibbiltà ta' kull ċittadin ta' pajjiż terz eżentat mill-viża li jivvjaġġa lejn iż-Żona Schengen, u jekk tali vvjaġġar ikunx ta' riskju ta' sigurtà jew migrazzjoni. L-informazzjoni dwar il-vjaġġaturi tinġabar qabel il-vjaġġ tagħhom. Il-Kummissjoni nediet studju tal-fattibbiltà dwar l-ETIAS, bir-riżultati mistennija f'Ottubru 2016, u abbażi tar-riżultati tal-istudju kif ukoll ta' konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta proposta leġislattiva sa Novembru 2016 għall-istabbiliment tal-ETIAS.

  • It-tisħiħ tal-Europol: Bħala l-għodda ewlenija tal-UE biex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tas-sigurtà, l-Europol għamlet passi kbar 'il quddiem, bil-ħolqien reċenti taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (European Counter Terrorism Centre, ECTC) kif ukoll iċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Europol biex ikompli t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-aġenzija kontra t-terroriżmu, kif ukoll ix-xogħol tagħha kontra l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, pereżempju billi tipprovdi r-riżorsi addizzjonali meħtieġa biex din tkun tista' dak li hu meħtieġ u mistenni minnha. It-titjib tal-aċċess tal-Europol għal bażijiet ta' data ewlenin huwa wkoll importanti. Fl-istess vena, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw xi forma ta' ċentru għall-iskambju tal-informazzjoni biex tinħoloq pjattaforma li fuqha l-awtoritajiet li jkunu kisbu xi informazzjoni marbuta mat-terroriżmu jew xi theddid tas-sigurta transfruntier ikunu jistgħu jaqsmuha ma' awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

  • Dokumenti tal-ivvjaġġar siguri huma kruċjali biex tiġi stabbilita l-identità ta' persuna. Il-ġestjoni aħjar tal-moviment liberu, tal-migrazzjoni u tal-mobilità tiddependi fuq sistemi robusti sabiex ikunu evitati abbużi u theddid għas-sigurtà interna li jinħolqu bil-mod faċli li bih xi dokumenti jistgħu jiġu ffalsifikati. Il-Kummissjoni qiegħda tfittex modi ġodda biex issaħħaħ is-sigurtà tad-dokumenti elettroniċi u l-ġestjoni tad-dokumenti tal-identità. Sa Diċembru 2016, il-Kummissjoni se tadotta Pjan ta' Azzjoni dwar is-sigurtà tad-dokumenti biex il-karti ta' residenza, id-dokumenti tal-identità u d-Dokumenti ta' Vvjaġġar ta' Emerġenza (Emergency Travel Documents, ETD) isiru iktar siguri.

Sfond

Il-Kummissjoni Ewropea adottat l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà fit-28 ta’ April 2015, li tistabbilixxi l-azzjonijiet ewlenin biex jiġi żgurat rispons effettiv min-naħa tal-UE għat-terroriżmu u t-theddid għas-sigurtà fl-Unjoni Ewropea matul il-perjodu 2015-2020. L-Aġenda twettaq impenn li sar fil-Linji Gwida Politiċi tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, u hija parti mill-Istrateġija mġedda ta' Sigurtà Interna, li ġiet adottata mill-Kunsill fis-16 ta’ Ġunju 2015.

Mindu ġiet adottata l-Aġenda, sar progess sinifikanti fl-implimentazzjoni tagħha. Ġew rinforzati oqsma ewlenin ta' attenzjoni minn Pjanijiet ta' Azzjoni adottati f'Diċembru 2015 dwar armi tan-nar u splussivi, fi Frar 2016 dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, il-Komunikazzjoni tas-6 ta' April 2016 dwar Sistemi ta’ Informazzjoni aktar b’saħħithom u aktar intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà, u l-Komunikazzjoni tal-20 ta' April 2016 dwar Azzjoni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq għal Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina.

It-twaqqif ta' Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, kif imħabbar mill-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fid-9 ta’ Settembru 2015, huwa parti mill-miżuri taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni biex tissaħħaħ il-ġestjoni u s-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE.

Għal aktar informazzjoni:

Komunikazzjoni: It-tisħiħ tas-sigurtà f'dinja ta' mobilità: skambju ta' informazzjoni mtejjeb fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u fruntieri esterni iktar b'saħħithom

Mistoqsijiet Frekwenti: Stat tal-Unjoni 2016: Inwittu t-triq għal Unjoni tas-Siġurtà ġenwina u effettiva

Stqarrija għall-istampa: Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta biex tipproteġi l-Fruntieri Esterni tal-Ewropa

Stqarrija għall-istampa: Jintlaħaq qbil dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta

Diskors: Kummenti mill-Kummissarju Avramopoulos fit-tnedija taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (ECTC) tal-Europol

Stqarrija għall-istampa: Fruntieri Aktar b'Saħħithom u Aktar Intelliġenti fl-UE: Il-Kummissjoni tipproponi li tkun stabbilita Sistema ta' Dħul u Ħruġ

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà

IP/16/3003

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar