Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni 2016: It-Tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali - il-Kummissjoni taċċellera r-riforma

Strasburgu, I-14ta' settembru 2016

"Immaġinaw negozju ġdid Finlandiż li ma jistax jieħu self minn bank. Bħalissa, l-għażliet għalih huma limitati. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali se toffri sorsi ta' finanzjament alternattivi u vitali biex tgħin lin-negozji ġodda jibdew – investituri informali, kapital ta' riskju, finanzjament mis-suq." – Il-President Juncker, l-Istat tal-Unjoni 2016

 Fl-okkażjoni tad-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2016 tal-President Juncker, il-Kummissjoni llum iddikjarat x'inhuma l-passi li jmiss biex tiġi aċċellerata t-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (Capital Markets Union, CMU), proġett ewlieni tal-Kummissjoni ta' Juncker biex tingħata spinta lill-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa.

L-Unjoni hija element kostitwenti importanti tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa tal-Kummissjoni. Din tfittex li tagħti lin-negozji aċċess għal sorsi ta' finanzjament alternattivi u iktar diversi ħalli jkunu jistgħu jmorru tajjeb. Din tagħmel is-sistema finanzjarja tal-Ewropa iktar stabbli. Tippermetti li l-kapital jiċċaqlaq b'mod iktar liberu mill-fruntieri fis-Suq Uniku sabiex ikun jista' jintuża sew biex jappoġġa l-kumpaniji tagħna u joffri lill-Ewropej iktar opportunitajiet ta' investiment.

Il-Komunikazzjoni tal-lum telenka l-passi meħtieġa biex ikun żgurat li s-CMU jkollha impatt tanġibbli fil-post malajr kemm jista' jkun. Il-Kummissjoni titlob lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsilll biex jiffinalizzaw malajr l-ewwel mewġa ta' miżuri proposti u hi min-naħa tagħha se taċċellera t-twassil tas-sett ta' azzjonijiet li jmiss. Il-Pjan ta' Azzjoni tas-CMU mniedi sena ilu stabbilixxa azzjonijiet biex l-elementi kostitwenti għas-CMU jitqiegħdu f'posthom sal-2019 l-iktar tard.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Valdis Dombrovskis, inkarigat mill-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: "Li niżviluppaw swieq tal-kapital iktar b'saħħithom u iktar fondi fl-UE huwa importanti minn qatt qabel biex nippermettu li l-finanzi jmorru għand il-kumpaniji tagħna għall-benefiċċju tal-ekonomija reali, it-tkabbir, u l-investiment. Issa wasal il-waqt li nlestu l-ewwel elementi kostitwenti tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u li nimxu 'l quddiem bi prijoritajiet ġodda. Se naħdmu mill-qrib mal-koleġiżlaturi ħalli nimxu 'l quddiem malajr u s-CMU nagħmluha realtà."

Il-Viċi President tal-Kummissjoni tal-UE responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, Jyrki Katainen qal: "L-iktar parti importanti mill-Pjan ta' Investiment hija t-titjib tal-ambjent tan-negozju fl-Istati Membri u t-tneħħija tal-ostakli għall-investiment. It-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali se tgħin biex jitkissru dawn l-ostakli ħalli nkunu nistgħu nixprunaw l-investiment tas-settur privat fl-infrastruttura u l-SMEs. Diġà ħadna passi taħt is-CMU, bħal li għamilnieha iktar faċli u rħisa għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni li jinvestu fi proġetti infrastrutturali fuq terminu twil. Se nkompu mmexxu 'l quddiem ix-xogħol fil-Pjan ta' Azzjoni tagħna u nistennew l-appoġġ mingħand l-Istati Membri biex inwettqu r-riformi meħtieġa fil-livell nazzjonali."

Il-finalizzazzjoni tal-ewwel miżuri tas-CMU

Il-Komunikazzjoni tal-lum titlob li l-ewwel miżuri proposti fil-Pjan ta' Azzjoni jitlestew malajr.

L-implimentazzjoni rapida tal-pakkett tat-titolizzazzjoni għandha l-potenzjal li tiġġenera malajr finanzjament addizzjonali fl-ekonomija reali: il-Kunsill diġà laħaq ftehim dwar titolizzazzjoni Sempliċi, Trasparenti u Standardizzata (STS) u issa jinħtieġ b'mod urġenti li jsir progress fil-Parlament Ewropew. It-titolizzazzjonijiet STS se jilliberaw il-kapaċità fil-karta bilanċjali tal-banek u jagħtu opportunitajiet ta' investiment għall-investituri. Jekk it-titolizzazzjonijiet tal-UE jistgħu jingħataw spinta - b'mod sigur - għal-livelli ta' qabel il-kriżi, dan jista' jforni l-ekonomija b'EUR 100 biljun u jagħti spinta lill-istabbiltà finanzjarja. 

Il-Kummissjoni se tagħmel dak kollu li tista' biex tappoġġa lill-koleġiżlaturi biex jilħqu ftehim dwar il-modernizzazzjoni tar-regoli dwar il-Prospectus sa tmiem is-sena. Din se żżid l-aċċess għas-swieq tal-kapital, b'mod partikolari għal kumpaniji iżgħar.

Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiffinalizzaw il-proposta biex jissaħħu s-swieq ta' kapital ta' riskju u l-investimenti soċjali sa tmiem l-2016. Din se tagħti spinta lill-investiment fil-kapital ta' riskju u l-proġetti soċjali u tagħmilha iktar faċli għall-investituri biex jiffinanzjaw kumpaniji innovattivi żgħar u ta' daqs medju. Barra minn hekk, il-Kummissjon beħsiebha tmexxi 'l quddiem programm biex jappoġġa l-iżvilupp ta' swieq ta' kapital nazzjonali u reġjonali fl-Istati Membri.

L-aċċellerazzjoni tal-fażi li jmiss tas-CMU

Il-Kummissjon issa se tmexxi 'l quddiem malajr il-fażi li jmiss ta' azzjonijiet ewlenin oħrajn tas-CMU. Id-differenzi fir-reġimi ta' insolvenza huma ostaklu għall-iżvilupp tas-swieq tal-kapital fl-UE li ilu hemm. Il-Kummissjoni dalwaqt tippreżenta proposta dwar ir-ristrutturar tan-negozji u l-insolvenza biex jitħaffef l-irkupru tal-assi u tagħti t-tieni opportunità lill-kumpaniji jekk ma jirnexxilhomx l-ewwel darba.

Se nwaqqgħu l-ostakli tat-taxxa li qegħdin ixekklu l-iżvilupp tas-swieq tal-kapital. Se nħeġġu lill-Istati Membri biex ineħħu l-ostakli ta' taxxa minn ras il-għajn u ninkoraġġixxu l-aħjar prattiki ta' taxxa fil-promozzjoni tal-kapital ta' riskju, bħaż-żieda tal-finanzjament b'ekwità fuq id-dejn. Dan se jħeġġeġ lill-investimenti ta' ekwità u jibbenefika l-istabbiltà finanzjarja minħabba li kumpaniji b'bażi kapitali iktar b'saħħitha jkunu inqas vulnerabbli għax-xokkijiet. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li toħroġ proposta dwar id-distorsjoni fir-rapport bejn id-dejn u l-ekwità f'Novembru, fil-kuntest tal-proposta tagħha dwar il-BKKTK, u tħeġġeġ lill-Kunsill jadotta dik il-miżura malajr kemm jista' jkun. Il-Kummissjoni se temeda wkoll il-leġiżlazzjoni tal-assigurazzjoni u l-banek sa tmiem is-sena, biex jiġi sfruttat iktar il-potenzjal ta' investiment privat fl-infrastruttura u l-SMEs.

L-iżvilupp ta' prijoritajiet ġodda għas-CMU

Il-Kummissjoni se tiżviluppa iktar prijoritajiet. Se tappoġġa l-iżvilupp ta' suq tal-pensjonijiet personali u servizzi finanzjarji għall-konsumatur oħrajn, sabiex tħeġġeġ liċ-ċittadini Ewropej jużaw it-tfaddil tagħhom aħjar.

Se tistabbilixxi grupp espert biex jiżviluppa strateġija Ewropeja dwar il-finanzjament sostenibbli komprensiva, kemm biex tappoġġa l-investiment fit-teknoloġiji ekoloġiċi kif ukoll biex tiżgura li s-sistema finanzjarja tista' tiffinanzja t-tkabbir b'mod li huwa sostenibbli.

It-teknoloġija qiegħda twassal għal tibdil rapidu fis-settur finanzjarju u għandha s-saħħa li żżid ir-rwol tas-swieq tal-kapital, u li ġġibhom eqreb lejn il-kumpaniji u l-investituri. Din hija wkoll ta' benefiċċju għall-konsumaturi minħabba li toffri għażla usa' ta' servizzi. Dan il-potenzjal għall-innovazzjoni għandu jiġi sfruttat. Il-Kummissjoni se taħdem biex tiżviluppa approċċ politiku koordinat li jappoġġa li-iżvilupp tal-FinTech f'ambjent regolatorju xieraq. 

Is-sorveljanza effettiva u konsisteni hija essenzjali biex tiżgura l-protezzjoni tal-investituri, tiġi promossa l-integrazzjoni tas-swieq kapitali u tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja. Il-Kummissjoni se tikkunsidra, f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-passi li jmiss f'dak li jirrigwarda l-qafas superviżorju li huma meħtieġa biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-CMU.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-iżviluppi u tidentifika azzjonijiet ulterjuri li huma meħtieġa biex jiġi żviluppat is-CMU fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tas-CMU tal-2017 li se jitnieda dalwaqt.

Sfond

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha l-għan li tgħaqqad iktar it-tfaddil mal-investiment u li ssaħħaħ is-sistema finanzjarja Ewropea billi tipprovdi sorsi alternattivi ta' finanzjament u li żżid l-għażliet għal investituri istituzzjonali u fil-livell ta' konsumatur. It-tneħħija tal-ostakli għall-moviment liberu tal-kapital mill-fruntieri se ssaħħaħ l-Unjoni ekonomika u monetarja billi tkun ta' sostenn għall-konverġenza ekonomika u tgħin biex jiġu assorbiti l-iskossi ekonomiċi fiż-Żona tal-Euro u lil hinn minnha, u b'hekk l-ekonomija Ewropea ssir iktar reżiljenti.

Fit-30 ta' Settembru 2015 il-Kummissjoni adottat Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bini ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU). Il-Pjan ta' Azzjoni jistabbilixxi programm ta' azzjonijiet li għandhom l-għan li jistabbilixxu l-komponenti ewlenin ta' suq tal-kapital integrat fl-Unjoni Ewropea sal-2019.

Il-Pjan ta’ Azzjoni huwa mibni madwar il-prinċipji ewlenin li ġejjin:

  • Il-ħolqien ta' aktar opportunitajiet għall-investituri

  • Nikkollegaw l-iffinanzjar mal-ekonomija reali

  • It-trawwim ta’ sistema finanzjarja aktar reżiljenti u aktar b’saħħitha

  • L-approfondiment tal-integrazzjoni finanzjarja u ż-żieda tal-kompetizzjoni

Fil-25 ta' April 2016, il-Kummissjoni għamlet rendikont tal-progress li sar fl-ewwel sitt xhur mindu ġie adottat il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u ppubblikat l-ewwel rapport tal-i tas-CMU.

Il-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2016 talab li jkun hemm progress malajr u determinat biex jiġi żgurat aċċess iktar faċli għall-finanzjament għan-negozji u biex jiġi appoġġat l-investiment fl-ekonomija reali billi jkun hemm progress fl-aġenda tas-CMU.

Għal aktar informazzjoni: 

Mistoqsija u Tweġiba dwar il-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali

Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali - Naċċelleraw ir-Riforma

Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali: L-Ewwel Rapport tal-Istatus

IP/16/3001

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar