Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni għall-2016: Ir-rieżami tal-baġit tal-UE jkompli jiffoka fuq il-prijoritajiet tal-baġit, jiżgura aktar flessibilità u inqas burokrazija

Strasburgu, I-14ta' settembru 2016

"Il-baġit Ewropew tagħna huwa prova ħajja ta' solidarjetà finanzjarja." - il-President Juncker, l-Istat tal-Unjoni għall-2016.

Fl-okkażjoni tad-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni għall-2016 tal-President Juncker, illum il-Kummissjoni ppreżentat ir-rieżami tagħha ta’ nofs it-terminu tal-baġit pluriennali tal-UE (2014-2020). Mingħajr ma jintmessu l-limiti ta’ nfiq massimi miftiehma mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, il-pakkett propost se jagħmel disponibbli €6.3 biljun addizzjonali f’finanzjament sal-2020. Il-flus se jintużaw biex irawmu l-ħolqien tax-xogħol, l-investiment u t-tkabbir ekonomiku u biex jindirizzaw il-migrazzjoni u l-kawżi ewlenin tagħha. Huwa jagħmel ukoll proposti dwar kif il-baġit tal-UE jista' jkun attrezzat aħjar u aktar malajr biex jirrispondi għal ċirkostanzi mhux previsti, filwaqt li regoli finanzjarji se jiġu simplifikati u ffukati fuq ir-riżultati.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Kristalina Georgieva, inkarigata mill-baġit u mir-riżorsi umani, qalet: "Ninsab kburija li l-baġit tal-UE ppermettitielna li nilħqu prijoritajiet politiċi, biex niżguraw l-investiment fl-impjiegi u t-tkabbir u s-sigurtà tan-nies fl-Ewropa u lil hinn minnha. Fil-pakkett ta' rieżami ta’ nofs it-terminu tal-lum qed nipproponu li dawn il-prijoritajiet jissaħħu iktar b’€6.3 biljun u nagħmlu l-użu tal-baġit tal-UE aktar sempliċi u aktar flessibbli. Dan ir-rieżami huwa l-bidu - mhux it-tmiem - ta' spinta biex niffokaw iktar fuq ir-riżultati, filwaqt li niżguraw li kull euro mill-baġit tal-UE jintefaq bl-aħjar mod possibbli."

Aktar flus għal oqsma vitali u programmi ta’ prestazzjoni għolja

Il-finanzjament addizzjonali propost sal-2020 jikkorrispondi għal żewġ prijoritajiet kbar tal-investiment u l-migrazzjoni. Dan jinqasam kif ġej:

  • €2.4 biljun se jmorru biex ikomplu jiġu stimulati t-tkabbir u l-impjiegi permezz ta’ aktar fondi għal programmi ta' prestazzjoni għolja bħall-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku (European Fund for Strategic Investment, EFSI) (ara l-Istqarrija għall-Istampa), l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-programm għar-riċerka u l-innovazzjoni “Orizzont 2020”, il-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi ż-Żgħar u ta' daqs Medju (Competitiveness of Enterprises and Small and Medium-sized Enterprises, COSME), l-Erasmus kif ukoll il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (Connecting Europe Facility, CEF) li tappoġġa l-iżvilupp ta’ netwerks trans-Ewropej fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija u s-servizzi diġitali. Dawn jinkludu €50 miljun għal WiFi4EU, li għandu l-għan li jgħin komunitajiet Ewropej joffru hotspots tal-WiFi b'xejn għal kull ċittadin, li jwassal għal pakkett totali ta' €120 miljun.
  • €2.5 biljun biex jappoġġaw il-ħidma attwali fl-oqsma tal-migrazzjoni, is-sigurtà u l-kontroll tal-fruntieri esterni, inkluż it-twaqqif tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Aġenzija tal-UE għall-Ażil, u r-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil.
  • €1.4 biljun għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, taħt il-“Pjan ta’ Investiment Estern”, (ara l-Iskeda Informattiva) li se jappoġġa investimenti f’reġjuni barra mill-UE u se jfittex sħab privati biex jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, filwaqt li jikkontribwixxu għall-kisba ta’ għanijiet oħra għall-iżvilupp; għal sħubiji ta’ migrazzjoni, għal assistenza finanzjarja makroekonomika u għal self estern sabiex jiġu stabbilizzati l-pajjiżi fil-viċinat.

Flimkien maż-żidiet fl-abbozz tal-baġit għall-2017 (€1.8 biljun) u l-aġġustament tekniku tal-pakketti ta' koeżjoni li se jiddedikaw fondi addizzjonali għal dawn il-prijoritajiet (€4.6 biljun), ir-rieżami ta' nofs it-terminu jinkludi pakkett finanzjarju ta' total ta' kważi €13-il biljun.

L-Istati Membri mhux se jintalbu jħallsu aktar minn dak li diġà impenjaw taħt il-QFP 2014-2020. Il-fondi se jiġu minn xi riżervi tal-baġit, bħal marġini mhux allokati u strumenti speċjali.

Simplifikazzjoni ta' regoli

Flimkien mar-rieżami ta’ nofs it-terminu, il-Kummissjoni qed tipproponi li tissimplifika r-regoli li taħthom l-Istati Membri u benefiċjarji oħrajn jirċievu fondi mill-UE. Xi riżultati mistennija jinkludu:

  • Aċċess aktar faċli għall-fondi tal-UE. Pereżempju, ir-riċerkaturi jew l-istudenti mhux se jkollhom iktar bżonn iqattgħu l-ħin jimlew il-formoli tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom u minflok se jkunu jistgħu jiddedikaw aktar ħin għar-riċerka.
  • Biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni, l-UE se tkun tista' tibbaża fuq awditi u kontrolli diġà eżistenti minn donaturi oħrajn, bħan-NU. Dan se jiffranka ħafna burokrazija lil NGOs li jirċievu flus minn bosta donaturi, filwaqt li jitħallew iqattgħu aktar ħin fil-post.
  • Se jiġi mħeġġeġ l-involviment taċ-ċittadini. Pereżempju, iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar jekk il-fondi għall-villaġġ tagħhom għandhomx jintefqu fuq pjazza ġdida jew fuq bandli.
  • Il-ġabra ta' regoli finanzjarji se tkun aktar faċli biex tinqara u 25 % iqsar minn dak li hemm attwalment.

Baġit iktar aġli b’Riżerva ta’ Kriżi ġdida tal-UE

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li ttejjeb il-kapaċità tal-baġit tal-UE biex jirreaġixxi b’mod rapidu u adegwat għal sitwazzjonijiet mhux mistennija li jinkludu:

  • Il-ħolqien ta’ Riżerva tal-Kriżi ġdida tal-Unjoni Ewropea ddedikata għall-infiq fuq prijoritajiet se tkun iffinanzjata minn fondi mhux użati.
  • L-irduppjar tad-daqs tal-Istrument ta’ Flessibbiltà (għal €1 biljun) u r-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza (għal €0.5 biljun).
  • L-introduzzjoni għall-ewwel darba ta’ “riżerva ta’ flessibbiltà” għal appoġġ barra mill-UE permezz ta’ riżerva ta’ sa 10 % tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn annwali.
  • Il-Fondi Fiduċjarji jitħallew għal azzjonijiet speċifiċi jew ta’ emerġenza fl-UE (li bħalissa huma permessi biss barra l-UE).

L-ibbażar fuq is-suċċessi fiċ-ċiklu tal-baġit attwali tal-UE

Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu jqis il-kisbiet ewlenin taċ-ċiklu baġitarju attwali ta' seba’ snin li matulu l-baġit tal-UE diġà kien strumentali fl-appoġġ tal-ogħla prijoritajiet politiċi:

  • Il-finanzjament biex jappoġġa l-integrazzjoni tar-refuġjati, is-sigurtà, il-kontroll fil-fruntieri, u l-ġestjoni tal-migrazzjoni kien kważi rduppjat għal aktar minn EUR 15-il biljun għall-2015–2017.
  • Sal-lum, aktar minn 1.4 miljun persuna bbenefikaw mill-azzjonijiet appoġġati mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, numru li jaqbeż l-istima inizjali.
  • Madwar EUR 200 biljun huma allokati f'bosta politiki għall-miżuri ta' mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima matul il-perjodu 2014–2020.
  • Il-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku (FEIS) immobilizza, fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni tiegħu, madwar EUR 115-il biljun f’investimenti li jagħtu spinta lill-impjiegi u t-tkabbir. Minħabba r-riżultati mogħtija, il-Kummissjoni llum qed tipproponi, b’mod parallel mal-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP, li testendi t-tul tal-FEIS sal-2020 u li tirdoppja l-kapaċità finanzjarja tiegħu.

Il-passi li jmiss

Il-proposti leġiżlattivi proposti issa se jkollhom jiġu miftiehma mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-istituzzjonijiet l-oħrajn biex tiżgura ftehim dwar kemm jista' jkun minn dak il-pakkett sa tmiem l-2016.

Sfond

Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu kien parti mill-ftehim politiku dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014–2020 u huwa previst fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill 1311/2013 (“ir-Regolament QFP”). Il-QFP attwali ntlaħaq qbil dwaru fl-2013 fl-isfond tal-kriżi ekonomika u l-impatt tagħha fuq il-finanzi pubbliċi. Għall-ewwel darba fl-istorja tal-UE l-baġit ta’ seba’ snin huwa iżgħar minn dak preċedenti.

 

Għal aktar informazzjoni

Il-pakkett leġiżlattiv propost

 

IP/16/2999

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar