Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur 2016 Il-prestazzjoni tas-suq tjiebet, iżda huma meħtieġa aktar sforzi fis-setturi tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija

Brussell, il-5ta' settembru 2016

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippubblikat it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur tal-2016 tagħha li tissorvelja l-klassifikazzjonijiet tal-konsumaturi tal-UE ta’ kif jaħdmu t-42 suq ta' prodotti u servizzi.

Dawn il-klassifikazzjonijiet juru li l-prestazzjoni tas-swieq tjiebet miż-żmien tal-aħħar tabella ta' valutazzjoni fl-2014. Ix-xejra pożittiva osservata sa mill-2010 qegħda żżid fil-pass, bis-servizzi finanzjarji jagħmlu l-akbar progress. L-aħjar tliet swieq tal-prodotti tal-konsumaturi huma dawk tal-kotba, tar-rivisti u tal-gazzetti, tas-suq għall-prodotti ta’ divertiment (pereżempju, ġugarelli u logħob) u tat-tagħmir kbir domestiku, bħal friġġis. Rigward is-servizzi, l-aħjar tlett iswieq huma dawk marbuta mar-rikreazzjoni, li jvarjaw minn akkomodazzjoni tal-vaganzi għal servizzi kulturali u ta’ divertiment kif ukoll servizzi sportivi bħal ċentri ta' eżerċizzju fiżiku.

“Mit-Tabella ta' Valutazzjoni ta' din is-sena nistgħu naraw li bis-saħħa ta' regoli adatti għall-konsumaturi, tar-riformi tas-suq, kif ukoll tal-infurzar effettiv tar-regoli dwar il-konsumatur, il-konsumaturi saru iktar kunfidenti fis-swieq”, qalet Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi. “Din it-tendenza inkoraġġanti rridu nżommuha għaddejja, speċjalment fejn jidħlu s-swieq li għad ma għandhomx prestazzjoni daqstant tajba, bħat-telekomunikazzjoni u l-enerġija. Huwa għalhekk li l-konsumaturi huma fil-qalba tal-proġetti prijoritarji tal-Kummissjoni, bħal ma huma s-Suq Uniku Diġitali u l-Unjoni tal-Enerġija.”

It-Tabelli ta’ Valutazzjoni tal-Konsumatur jintużaw minn dawk li jfasslu l-politiki nazzjonali u mill-partijiet interessati biex jivvalutaw l-impatt tal-linji ta’ politika fuq tul ta’ żmien u jqabblu s-sitwazzjoni bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tuża r-riżultati tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur bħala evidenza biex tiżviluppa l-politika tagħha.

Is-swieq jaħdmu aħjar fejn il-konsumaturi jħossuhom iktar kunfidenti. Pereżempju, il-fiduċja baxxa tal-konsumatur fis-servizzi finanzjarji kienet wasslet għad-Direttiva dwar il-Kreditu tal-Konsumatur. Issa li din il-leġiżlazzjoni hija fis-seħħ, qegħdin naraw li l-fiduċja f'dan is-settur qiegħda tiżdied. Il-konsumaturi jirrappurtaw diffikultajiet meta jkunu qegħdin jittrattaw mas-swieq tat-telekomunikazzjonijiet. Il-Kummissjoni se tippreżenta proposta f’dan il-qasam biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet. Il-proposta reċenti tal-Kummissjoni dwar il-kuntratti diġitali għandha l-għan li tkabbar il-fiduċja tal-konsumaturi fix-xiri transfruntier onlajn.

It-Tabella ta’ Valutazzjoni tikkonferma r-riżultati tas-Semestru Ewropew: setturi bħal ma huma s-servizzi ferrovjarji, il-provvista tal-ilma u tal-elettriku, jirrekjedu riformi strutturali f’xi pajjiżi, peress li l-valutazzjoni tagħhom tvarja ħafna bejn Stat Membru u ieħor.

Kostatazzjonijiet prinċipali tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur 2016:

  • It-titjib huwa ikbar fil-każ tas-swieq tas-servizzi milli f'dak tas-swieq tal-oġġetti. L-akbar progress sar fis-servizzi finanzjarji. Il-konsumaturi għandhom aktar fiduċja milli kellhom qabel fil-banek, il-pensjonijiet privati u l-fondi ta’ investiment tagħhom. Dan jindika li bdew jagħtu l-frott l-inizjattivi leġiżlattivi ta' dan l-aħħar f’oqsma bħal ma huma l-kontijiet ta' pagamenti u l-kreditu ipotekarju, l-infurzar effettiv u l-isforzi biex jiżdied l-għarfien. Fl-istess ħin, madankollu, is-servizzi bankarji għadhom is-settur li sejjer l-anqas tajjeb fost is-swieq tas-servizzi.
  • Il-prestazzjoni mhix uniformi madwar l-Istati Membri. L-akbar differenzi fil-klassifikazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE fil-prestazzjoni tas-suq jinsabu fis-swieq tas-servizzi tal-elettriku, tal-provvista tal-ilma, tat-trasport ferrovjarju, tal-ipoteki, u tas-servizzi tat-telefonija mobbli. Meta mqabbla ma’ swieq li marru aħjar, dawn is-swieq huma anqas miftuħa għall-kompetizzjoni transfruntiera.
  • Anki madwar is-swieq, il-prestazzjoni hija irregolari. Fost is-swieq mistħarrġa, is-servizzi tal-proprjetà immobbli, tal-ipoteki u tal-prodotti ta’ investiment, tal-pensjonijiet privati u t-titoli, kif ukoll tal-karozzi użati u tal-prodotti tal-laħam huma kklassifikati ‘l isfel nett.
  • Is-swieq tal-prodotti għadhom jiġu evalwati aħjar mis-swieq tas-servizzi, minkejja titjib sod għal dan tal-aħħar. Fost is-swieq tal-prodotti, is-swieq bl-imnut ta' prodotti li jimxu malajr – bħal ma huma x-xarbiet mhux alkoħoliċi u l-ħobż, iċ-ċereali u l-għaġin – li marru tajjeb f’edizzjonijiet preċedenti tat-Tabella ta’ Valutazzjoni, marru lura meta mqabbla ma’ swieq oħrajn tal-prodotti.
  • Il-klassifikazzjoni tal-konsumaturi għas-suq tas-servizzi ferrovjarji tjieb b’mod sinifikanti mill-2013. Is-suq tal-elettriku mhux qiegħed ikun ta' servizz sħiħ għall-konsumaturi. Hemm ukoll ħafna problemi fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet. F’dawn is-setturi, id-dannu kumplessiv li jbatu l-konsumaturi huwa l-ogħla fost is-setturi kollha analizzati.
  • Aktar konsumaturi biddlu l-fornitur, iżda l-bidla għadha diffiċli f’xi swieq. Għall-ewwel darba, it-Tabella ta’ Valutazzjoni tagħti ħarsa wkoll lejn ir-raġunijiet li minħabba fihom il-konsumaturi ma biddlux il-fornitur. Ir-riżultati juru li ħafna drabi l-konsumaturi għadhom imħassba li l-bidla tista’ tkun diffiċli, jew li pprovaw jibdlu iżda kellhom iħabbtuha ma' xi ostakli.

Sfond

It-Tabelli ta’ Valutazzjoni tal-Konsumatur jipprovdu ħarsa ġenerali ta’ kif jaħdem is-Suq Uniku għall-konsumaturi tal-UE. Ilhom jiġu ppubblikati mill-2008, u għandhom l-għan li jiżguraw monitoraġġ aħjar tar-riżultati għall-konsumaturi u jipprovdu evidenza li tgħin fil-formazzjoni tal-politika. Jeżistu żewġ tipi ta’ tabelli ta’ valutazzjoni, ippubblikati sena iva u sena le u abbażi ta’ stħarriġ fuq skala kbira:

- It-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur issegwi l-prestazzjoni ta’ aktar minn 40 suq tal-konsumatur fuq il-bażi ta’ indikaturi ewlenin bħalma huma l-fiduċja li l-bejjiegħa jkunu konformi mar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur, il-kumparabbiltà tal-offerti, l-għażla disponibbli fis-suq, il-livell sa fejn jintlaħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi, u d-dannu maħluq minn problemi li jiltaqgħu magħhom il-konsumaturi. Indikaturi oħrajn, bħal pereżempju, il-prezzijiet u l-bidla tal-fornitur, jiġu wkoll sorveljati u analizzati,-            

- It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet għall-Konsumatur tissorvelja l-kundizzjonijiet nazzjonali għall-konsumaturi fi tlett oqsma (1. l-għarfien u l-fiduċja, 2. il-konformità u l-infurzar, 3. l-ilmenti u riżoluzzjoni tad-disputi) u teżamina l-progress fl-integrazzjoni tas-suq tal-UE tal-kummerċ bl-imnut – (Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur 2015)

Għal iktar informazzjoni:

-         Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur 2016

-         Skeda Informattiva dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur 2016

-         Infografika dwar il-kostatazzjonijiet tat-Tabelle ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur 2016

Anness

Indikatur tal-Prestazzjoni tas-Suq

graph1

 Is-swieq bl-aħjar u bl-agħar prestazzjoni fis-suq tas-servizzi u tal-prodotti rispettivament

graph2

IP/16/2931

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Photos