Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Għajnuna mill-Istat: L-Irlanda tat benefiċċji fiskali illegali lil Apple li jiswew sa EUR 13-il biljun

Brussell, it-30ta' awissu 2016

Il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet li l-Irlanda tat benefiċċji fiskali mhux dovuti sa EUR 13-il biljun lil Apple. Dan huwa illegali skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, għaliex dan ippermetta lil Apple li tħallas livell sostanzjalment anqas ta' taxxa minn negozji oħra. L-Irlanda trid issa tirkupri l-għajnuna illegali.

Il-Kummissarju Margrethe Vestager, inkarigata mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet: "L-Istati Membri ma jistgħux jagħtu benefiċċji fiskali lil kumpaniji magħżula - dan huwa illegali skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni kkonkludiet li l-Irlanda tat benefiċċji fiskali llegali lil Apple, li permezz tagħhom din setgħet tħallas livell sostanzjalment anqas ta' taxxa minn negozji oħra għal bosta snin. Fil-fatt, dan it-trattament selettiv ippermetta lil Apple li tħallas rata tat-taxa korporattiva effettiva ta' 1 fil-mija fuq il-qligħ tagħha fl-Ewropa fl-2003 li niżlet għal 0.005 fil-mija taxxa fl-2014."

Wara investigazzjoni dettaljata dwar l-għajnuna mill-Istat imnedija f'Ġunju 2014, il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet li żewġ deċiżonijiet tat-taxxa maħruġa mill-Irlanda rigward Apple niżżlu b'mod sostanzjali u artifiċjali t-taxxa mħallsa minn Apple fl-Irlanda mill-1991 lil hawn. Id-deċiżjonijiet approvaw mod kif jiġi stabbilit il-qligħ taxxabbli ta' żewġ kumpaniji inkorporati Irlandiżi tal-grupp Apple (Apple Sales International u Apple Operations Europe), li ma jikkorrispondix għar-realtà ekonomija: kważi l-qligħ kollu mill-bejgħ irreġistrati miż-żewġ kumpaniji ġie attribwit internament għal "uffiċċju ewlieni". L-evalwazzjoni tal-Kummssjoni uriet li dawn l-"uffiċċji ewlenin" kienu jeżistu biss fuq il-karta u ma jistax ikun li huma ġġeneraw tali qligħ. Dan il-qligħ allokat lill-"uffiċċji ewlenin" ma kien suġġett għat-taxxa fl-ebda pajjiż skont dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi tat-taxxa Irlandiża, li ma għadhomx fis-seħħ. Bħala riżultat tal-metodu ta' allokazzjoni approvat fid-deċiżjonijiet tat-taxxa, Apple ħallset biss rata tat-taxxa korporattiva effettiva li niżlet minn 1% fl-2003 għal 0.005% fl-2014 fuq il-qligħ ta' Apple Sales International.  

Dan it-trattament fiskali selettiv ta' Apple fl-Irlanda huwa illegali skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat peress li jagħti lil Apple vantaġġ sinifikanti fuq negozji oħra li huma suġġetti għall-istess regoli nazzjonali tat-taxxa. Il-Kummissjoni tista' tordna l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat illegali għal perjodu ta' għaxar snin li jiġu qabel l-ewwel talba tal-Kummissjoni għall-informazjzoni fl-2013. L-Irlanda trid issa tirkupra t-taxxi mhux imħallsa fl-Irlanda mingħand Apple għas-snin 2003 sa 2014 ta' massimu ta' EUR 13-il biljun, flimkien mal-imgħax.

Fil-fatt, it-trattament fiskali fl-Irlanda ippermetta lil Apple biex tevita t-taxxa fuq kważi l-qligħ kollu ġġenerat mill-bejgħ ta' prodotti ta' Apple fis-Suq Uniku kollu tal-UE. Dan minħabba d-deċiżjoni ta' Apple li tirreġistra l-bejgħ kollu fl-Irlanda minflok fil-pajjiżi fejn il-prodotti nbiegħu. Din l-istruttura madankollu hija barra mill-kompitu ta' kontroll tal-UE fuq l-għajnuna mill-Istati. Kieku pajjiżi oħra kellhom jobbligaw lil Apple biex tħallas aktar taxxa fuq il-qligħ taż-żewġ kumpaniji matul l-istess perjodu skont ir-regoli fiskali nazzjonali, dan inaqqas l-ammont li għandu jiġu rkuprat mill-Irlanda.
 

L-istruttura fiskali ta' Apple fl-Ewropa

Apple Sales International u Apple Operations Europe huma żewġ kumpaniji inkorporati Irlandiżi li huma proprjetà għal kollox tal-grupp Apple, fl-aħħar mill-aħħar ikkontrollati mill-kumpanija omm fl-Istati Uniti, Apple Inc. Huma għandhom id-drittijiet li jużaw il-proprjetà intellettwali ta' Apple biex ibiegħu u jimmanifatturaw prodotti ta' Apple barra l-Amerika ta' Fuq u ta' Isfel skont l-hekk imsejjaħ "ftehim ta' qsim tal-kosti" ma' Apple Inc. Skont dan il-ftehim Apple Sales International u Apple Operations Europe jagħmlu pagamenti annwali lil Apple fl-Istati Unti biex jiffinanzjaw l-isforzi ta' riċerka u żvilupp li jsiru f'isem il-kumpaniji Irlandiżi fl-Istati Uniti. Dawn il-pagamenti kienu ta' valur totali ta' madwar żewġ biljun dollaru Amerikan fl-2011 u żdiedu b'mod sinifikanti fl-2014. Dawn l-ispejjeż, li kienu qegħdin jinġarru l-aktar minn Apple Sales International, ikkontribwew biex jiġu ffinanzjati aktar minn nofs l-isforzi kollha ta' riċerka mill-grupp Apple fl-Istati Uniti biex tiġi żviluppata l-proprjetà intelletwali tagħha madwar id-dinja. Dawn l-ispejjeż jitnaqqsu mill-qligħ irreġistrat minn Apple Sales International u Apple Operations Europe fl-Irlanda kull sena, f'konformità ma' regoli applikabbli.

Il-qligħ taxxabbli ta' Apple Sales International u ta' Apple Operations Europe fl-Irlanda huwa ddeterminat minn deċiżjoni tat-taxxa meħuda mill-Irlanda fl-1991, li fl-2007 ġiet sostitwita minn deċiżjoni sussegwenti simili tat-taxxa. Din id-deċiżjoni tat-taxxa kienet ġiet itterminata meta Apple Sales International u Apple Operations Europe biddlu l-istrutturi tagħhom fl-2015.

Apple Sales International

Apple Sales International hija responsabbli mix-xiri ta' prodotti tal-Apple minn manifatturi tal-apparat madwar id-dinja u mill-bejgħ ta' dawn il-prodotti fl-Ewropa (kif ukoll fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika u fl-Indja). Apple stabbiliet l-operat tal-bejgħ tagħha fl-Ewropa b'tali mod li l-klijenti kienu marbuta bil-kuntratt li jixtru l-prodotti minn Apple Sales International fl-Irlanda aktar milli mill-ħwienet li fiżikament ibiegħu l-prodotti lill-klijenti. B'dan il-mod, Apple irreġistraw il-bejgħ kollu, u l-qligħ ġej minn dan il-bejgħ, direttament fl-Irlanda.

Iż-żewġ deċiżjonijiet tat-taxxa maħruġa mill-Irlanda kienu jikkonċernaw l-allokazjoni interna ta' dan il-qligħ fi ħdan Apple Sales International (pjuttost milli l-istabbiliment aktar wiesa' tal-operazzjonijiet ta' bejgħ ta' Apple fl-Ewropa). B'mod speċifiku huma approvaw qasma tal-qligħ għal finijiet tat-taxxa fl-Irlanda: Bil-metodu maqbul, il-biċċa l-kbira tal-qligħ ġie allokat internament lil hinn mill-Irlanda lejn "uffiċċju ewleini" fi ħdan Apple Sales International. Dan l-"uffiċċju ewlieni" ma kien ibbażat fl-ebda pajjiż u ma kellux impjegati jew uffiċċji. L-attivitajiet tiegħu kienu jikkonsistu biss minn laqgħat tal-bord darba kultant. Kienet biss parti żgħira mill-qligħ ta' Apple Sales International li kien allokat lill-fergħa Irlandiża tagħha u suġġett għat-taxxa fl-Irlanda. Il-bqija, il-parti l-kbira vasta tal-qligħ kien allokat lill-"uffiċċju ewlieini", fejn baqa' mhux intaxxat.

Għalhekk, kienet biss perċentwali żgħira tal-qligħ ta' Apple Sales International li ġiet intaxxata fl-Irlanda, u l-bqija ma ġie ntaxxat imkien. Pereżempju fl-2011 (skont ċifri maħruġa waqt is-seduti pubbliċi fis-Senat Amerikan), Apple Sales International irreġistrat qligħ ta' 22 biljun dollaru Amerikan (madwar EUR 16-il biljun[1]) iżda skont it-termini tad-deċiżjoni tat-taxxa kienu biss madwar EUR 50 miljun li kienu meqjusa taxxabbli fl-Irlanda, biex b'hekk EUR 15.95 biljun fi qligħ baqgħu mhux intaxxati. Bħala riżultat, Apple Sales International ħallset anqas minn EUR 10 miljun f'taxxa korporattiva fl-Irlanda fl-2011 - rata tat-taxxa effetiva ta' madwar 0.05% fuq il-qligħ kumplessiv annwali tagħha. Fi snin sussegwenti, il-qligħ irreġistrat ta' Apple Sales International kompla jiżdied iżda l-qligħ meqjus taxxabbli fl-Irlanda skont it-termini tad-deċiżjoni tat-taxxa ma żdiedx. Għalhekk, din ir-rata effettiva tat-taxxa kompliet tonqos għal biss 0.005% fl-2014.

Apple Operations Europe

Abbażi tal-istess żewġ deċiżjonijiet tat-taxxa mill-1991 sal-2007, Apple Operations Europe ibbenefikat minn arranġament simili tat-taxxa matul l-istess perjodu. Il-kumpanija kienet responsabbli għall-manifattura ta' ċerti linji ta' kompjuters għall-grupp Apple. Il-biċċa l-kbira tal-qligħ ta' din il-kumpanija kien ukoll allokat internament lejn l-"uffiċċju ewlieni" tagħha u ma kienu ntaxxati mkien.

 

L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni

Id-deċiżjonijiet tat-taxxa bħala tali huma għal kollox legali. Huma ittri ta' konfort maħruġa mill-awtoritajiet tat-taxxa biex kumpanija jkollha tagħrif ċar dwar kif se tiġi kkalkulata t-taxxa korporattiva tagħha jew dwar l-użu ta' dispożizzjonijiet fiskali speċjali.

Ir-rwol tal-kontroll fuq l-għajnuna mill-Istat fl-UE huwa li jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jagħtux lil xi kumpaniji magħżula trattament fiskali aħjar minn oħrajn permezz ta' deċiżjonijiet tat-taxxa jew b'xi mod ieħor. B'mod aktar speċifiku, il-qligħ għandu jiġi allokat bejn il-kumpaniji fi grupp korporattiv, u bejn il-partijiet differenti tal-istess kumpanija, b'mod li jirrifletti r-realtà ekonomika. Dan ifisser li l-allokazzjoni trid tkun konformi mal-arranġamenti li jsiru taħt kundizzjonijiet kummerċjali bejn negożji indipendenti (il-prinċipju hekk imsejjaħ "ta' distakkament").

B'mod partikolari, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat kienet tikkonċerna żewġ deċiżjonijiet konsekuttivi tat-taxxa maħruġa mill-Irlanda, li approvaw metodu għall-allokazzjoni interna tal-qligħ fi ħdan Apple Sales International u Apple Operations Europe, żewġ kumpaniji inkorporati Irlandiżi. Hija evalwat jekk dan il-metodu approvat biex jiġi kkalkulat il-qligħ taxxabbli ta' kull kumpanija fl-Irlanda jagħtix lil Apple xi vantaġġ mhux mistħoqq li huwa illegali skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE.

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni uriet li d-deċiżjonijiet tat-taxxa maħruġa mill-Irlanda approvaw allokazzjoni interna artifiċjali tal-qligħ fi ħdan Apple Sales International u Apple Operations Europe, li ma għandha l-ebda ġustifikazzjoni fattwali jew ekonomika. Bħala riżultat tad-deċiżjonijiet tat-taxxa, il-biċċa l-kbira tal-qligħ mill-bejgħ ta' Apple Sales International kien allokat għall-"uffiċċju ewlieni" tagħha meta dan l-"uffiċċju ewlieni" ma kellu l-ebda kapaċità operattiva li jimmaniġġja u jmexxi n-negozju ta' distribuzzjoni, jew xi negozju sostantiv ieħor fil-verità. Kienet biss il-fergħa Irlandiża ta' Apple Sales International li kellha l-kapaċità li tiġġenera xi dħul mill-kummerċ, jiġifieri mid-distribuzzjoni ta' prodotti ta' Apple. Għalhekk, il-qligħ mill-bejgħ ta' Apple Sales International kellu jkun irreġistrat mal-fergħa Irlandiża u ntaxxat hemmhekk.

L-"uffiċċju ewlieni" ma kellu l-ebda impjegati jew uffiċċji tiegħu stess. L-uniċi attivitajiet li jistgħu jiġu assoċjati mal-"uffiċċji ewlenin" huma deċiżjonijiet limitati meħuda mid-diretturi tagħha (li ħafna minnhom fl-istess mument kienu qegħdin jaħdmu full-time bħala uffiċjali eżekuttivi għal Apple Inc.) fid-distribuzzjoni tad-dividendi, l-arranġamenti amministrattivi u l-ġestjoni tal-flus kontanti. Dawn l-attivitajiet iġġeneraw qligħ f'termini ta' imgħax li, abbażi tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, huwa l-uniku qligħ li jista' jiġi attribwit għall-"uffiċċji ewlenin".

B'mod simili, kienet biss il-fergħa Irlandiża ta' Apple Operations Europe li kellha l-kapaċità li tiġġenera xi dħul mill-kummerċ, jiġifieri mill-produzzjoni ta' ċerta linji ta' kompjuters għall-grupp Apple. Għalhekk, il-qligħ mill-bejgħ ta' Apple Operations Europe kellu jkun irreġistrat mal-fergħa Irlandiża u ntaxxat hemmhekk.

Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-deċiżjonijiet tat-taxxa maħruġa mill-Irlanda approvaw allokazzjoni artifiċjali tal-qligħ mill-bejgħ ta' Apple Sales International u Apple Operations Europe lejn l-"uffiċċji ewlenin" tagħhom fejn ma kinux ġew intaxxati. Bħala riżultat, id-deċiżjonijiet ta' taxxa ppermettew lil Apple li tħallas sostanzjalment anqas taxxa minn kumpaniji oħra, li hija illegali skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE.

Din id-deċiżjoni ma titfax dubji fuq is-sistema fiskali ġenerali tal-Irlanda jew fuq ir-rata tagħha ta' taxxa korporattiva.

Barra minn dan, l-istruttura tat-taxxa ta' Apple fl-Ewropa, bħala tali, u jekk il-qligħ setax jiġi rreġistrat fil-pajjiżi fejn effettivament ikun sar il-bejgħ, ma humiex kwistjonijiet koperti mir-regolamenti tal-għajnuna mill-Istat tal-UE. Kieku l-qligħ kellu jiġi rreġistrati f'pajjiżi oħra, dan jista', madankollu, jaffettwa l-ammont ta' rkupru mill-Irlanda (ara aktar dettalji hawn taħt).

picture EN

The infographic is available in high resolution here.

 

L-irkupru

Bħala prinċipju, ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE jirrekjedu li tiġi rkuprata għajnuna mill-Istat inkumpatibbli sabiex titneħħa d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna. Ma hemm l-ebda multi skont it-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat u l-irkupru ma jippenalizzax lill-kumpanija milquta. Dan sempliċement jerġa' jġib it-trattament ugwali ma' kumpaniji oħra.

Il-Kummissjoni fissret fid-deċiżjoni tagħha l-metodoloġija għall-kalkolu tal-valur tal-vantaġġ kompetittiv mhux dovut li gawdiet Apple. B'mod partikolari, l-Irlanda trid talloka lil kull fergħa l-qligħ kollu minn bejgħ li kien ġie preċedentement allokat lill-"uffiċċju ewlieni" ta' Apple Sales International u ta' Apple Operations Europe, rispettivament, u tapplika t-taxxa korporattiva normali tal-Irlanda fuq dan il-qligħ riallokat. Id-deċiżjoni ma titlobx ir-riallokazzjoni ta' xi dħul mill-imgħax taż-żewġ kumpaniji li jista' jiġi assoċjat mal-attivitajiet tal-"uffiċċju ewlieni".

Il-Kummissjoni tista' biss tordna l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat illegali għal perjodu ta' għaxar snin li jiġu qabel l-ewwel talba tal-Kummissjoni għall-informazzjoni fl-2013. L-Irlanda għandha għalhekk tirkupra minn Apple t-taxxa mhux imħallsa għall-perjodu mill-2003, li jammonta għal massimu ta' EUR 13-il biljun, flimkien mal-imgħax. Madwar EUR 50 miljun f'taxxi mhux imħallsa huma marbuta mal-allokazzjoni mhux dovuta tal-qligħ lejn l-"uffiċċju ewlieni" ta' Apple Operations Europe. Il-kumplament jirriżulta mill-allokazzjoni mhux dovuta ta' qligħ lejn l-"uffiċċju ewlieni" ta' Apple Sales International. Il-perjodu tal-irkupru jieqaf fl-2014, peress li Apple biddlet l-istruttura tagħha fl-Irlanda mill-2015 u d-deċiżjoni tal-2007 ma għadhiex tapplika.

L-ammont ta' taxxi mhux imħallsa li għandu jiġi rkuprat mill-awtoritajiet Irlandiżi jitnaqqas li kieku pajjiżi oħra kellhom jobbligaw lil Apple li tħallas aktar taxxi fuq il-qligħ irreġistrat minn Apple Sales International u Apple Operations Europe għal dan il-perjodu. Dan jista' jkun il-każ jekk huma jikkunsidraw, fid-dawl tal-informazzjoni żvelata permezz tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, li r-riskji kummerċjali, il-bejgħ u l-attivitajiet l-oħra ta' Apple kellhom jiġu rreġistrati fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom. Dan huwa għaliex il-qligħ taxxabbli ta' Apple Sales International fl-Irlanda jitnaqqas kieku l-qligħ kellu jiġi rreġistrat u ntaxxat f'pajjiżi oħra minflok ma jiġu rreġistrati fl-Irlanda.

L-ammont ta' taxxi mhux imħallsa li għandu jiġi rkuprat mill-awtoritajiet Irlandiżi kien jitnaqqas ukoll kieku l-awtoritajiet tal-Istati Uniti kellhom jobbligaw lil Apple tħallas ammonti akbar ta' flus lill-kumpanija omm tagħha fl-Istati Uniti għal dan il-perjodu biex jiġu ffinanzjati l-isforzi ta' riċerka u ta' żvilupp. Dawn isiru minn Apple fl-Istati Uniti f'isem Apple Sales International u Apple Operations Europe, li għalihom iż-żewġ kumpaniji diġà jagħmlu pagamenti annwali.

Fl-aħħar nett, id-deċiżjonijiet kollha tal-Kummissjoni huma suġġett għall-iskrutinju mill-qrati tal-UE. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jappella deċiżjoni tal-Kummissjoni, huwa xorta jkun irid jirkupra l-għajnuna mill-Istat illegali iżda jista', pereżempju, iqiegħed l-ammont irkuprat f'kont miżmum minn terzi sakemm ikun hemm l-għeluq tal-proċeduri fil-qorti tal-UE.

 

L-isfond

Sa minn Ġunju 2013, il-Kummissjoni kienet qiegħda tinvestiga l-prassi dwar id- deċiżjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri. Hija estendiet din l-inkjesta għall-informazzjoni għall-Istati Membri kollha f'Diċembru 2014. F'Ottubru 2015, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Lussemburgu u n-Netherlands kienu taw vantaġġi fiskali selettivi lil Fiat u lil Starbucks rispettivament. F'Jannar 2016, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-vantaġġi fiskali selettivi mogħtija mill-Belġju lil mill-anqas 35 multinazzjonali, l-aktar mill-UE, skont l-iskema ta' taxxa tal-"profitt eċċessiv" huma illegali skont ir-regoli tal-għajnuna mill-istat tal-UE. Il-Kummissjoni għandha wkoll għaddejja żewġ investigazzjonijiet dettaljati rigward preokkupazzjonijiet li xi deċiżjonijiet tat-taxxa jista' jkun li qegħdin iwasslu għal kwistjonijiet dwar għajnuna mill-Istat fil-Lussemburgu, għar-rigward ta' Amazon uta' McDonald's.

Din il-Kummissjoni segwiet strateġija wiesgħa lejn tassazzjoni ġusta u aktar trasparenza u dan l-aħħar rajna progress kbir ħafna. Wara l-proposti tagħna dwar it-trasparenza tat-taxxa ta' Marzu 2015, l-Istati Membri laħqu ftehim politiku f'Ottubru 2015 rigward l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni fejn jidħlu d-deċiżjonijiet tat-taxxa. Din il-leġiżlazzjoni se tgħin biex jinkiseb grad ħafna akbar ta' trasparenza u biex tipprevjeni li jintużaw deċiżjonijiet tat-taxxa bħala strument għall-abbuż tat-taxxa. F'Ġunju 2015 aħna żvelajnal-Pjan ta' Azzjoni tagħna għal tassazzjoni ġusta u effettiva: sensiela ta' inzjattivi li għandhom l-għan li l-ambjent tat-taxxa korporattiva fl-UE isir aktar ġust u aktar effiċjenti. Azzjonijiet ċentrali jinkludu qafas li jiżgura tassazzjoni effettiva fejn il-qligħ jiġu ġġenerati u strateġija għar-rilanċ tal-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva li għaliha mistennija proposta ġdida aktar tard din is-sena. Il-Kummissjoni nediet pakkett ulterjuri ta' inizjattivi biex tiġġieled l-evitar tat-taxxa korporattiva fi ħdan l-UE u madwar id-dinja fis-27 ta' Jannar ta' din is-sena. Bħala riżultat dirett, l-Istati Membri diġà kienu qablu li jittrattaw l-aktar toqob prevalenti fil-liġijiet nazzjonali li jippermettu li jseħħ l-evitar tat-taxxa u biex jestendu l-iskambju awtomatiku tagħhom tal-informazzjoni biex isir rappurtar minn pajjiż għal pajjiż ta' informazzjoni finanzjarja relatata mat-taxxa tal-multinazzjonali. Hemm ukoll proposta biex parti minn din l-informazzjoni tkun pubblika. Il-ħidma tagħna kollha tistrieħ fuq il-prinċipju sempliċi li l-kumpaniji kollha, kbar u żgħar, iridu jħallsu t-taxxa fil-post fejn huma jagħmlu l-qligħ.

Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet isiru disponibbli bin-numru tal-każ SA.38373 fir-reġistru dwar l-għajnuna mill-Istat fis-sit web tad-DĠ Kompetizzjoni hekk kif ikun ġew solvuti xi kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità. Il-pubblikazzjoni State Aid Weekly e-News telenka pubblikazzjonijiet ġodda ta' deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat fuq l-internet u fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.

 

[1]         Abbażi ta' rati tal-kambju fil-passat.

IP/16/2923

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Photos


Documents


Apple_graph_en.pdf