Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tipproponi l-2018 bħala “Is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali”

Brussell, it-30ta' awissu 2016

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex l-2018 tissejjaħ “Is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali”. B’dan il-ġest, il-Kummissjoni qed tfittex li tenfasizza r-rwol tal-wirt kulturali Ewropew biex jitrawwem sens ta’ storja u identità komuni għal kulħadd.

Mis-siti arkeoloġiċi sal-arkitettura, mill-kastelli medjevali sat-tradizzjonijiet folkloristiċi u x-xogħlijiet artistiċi, il-wirt kulturali Ewropew jinsab fil-qalba tal-memorja kollettiva u tal-identità taċ-ċittadini Ewropej. Id-diversità kbira lokali, reġjonali u nazzjonali tal-UE hija fattur uniku li jixpruna l-iskambji bejn nies ta’ kull età li ġejjin minn kulturi u minn sfondi soċjali differenti. Fil-livell lokali, il-wirt kulturali Ewropew irawwem il-koeżjoni soċjali u l-integrazzjoni permezz tar-riġenerazzjoni ta’ żoni minsijin, tal-ħolqien ta’ impjiegi li għandhom għeruq lokali u tal-promozzjoni ta’ sens ta’ komunità komuni għal kulħadd. Dan jgħodd ukoll fil-livell Ewropew, meta viżitaturi Ewropej u minn kontinenti oħra jżuru, pereżempju, l-Abbazija ta’ Cluny fi Franza, l-Arkivju tal-Kuruna ta’ Aragona fi Spanja jew it-Tarzna storika ta’ Gdańsk fil-Polonja, u jitgħallmu aktar dwarhom.

Din hija r-raġuni għalfejn, speċjalment fi żmien meta l-patrimonju kulturali dinji qed jiġi mhedded u qed jinqered apposta fiż-żoni ta’ kunflitt, il-Kummissjoni tħoss li l-wirt kulturali jixraqlu jingħata Sena Ewropea fl-2018. Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Tibor Navracsics, qal: “Il-wirt kulturali tagħna huwa ferm iktar minn memorja tal-imgħoddi tagħna; dan huwa essenzjali għall-ġejjieni tagħna. Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali tippreżentalna opportunità biex inqajmu kuxjenza dwar l-importanza soċjali u ekonomika tal-wirt kulturali u biex nippromwovu l-eċċellenza Ewropea f’dan il-qasam. Napella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jappoġġaw il-proposta tagħna u nistieden lill-partijiet interessati kollha jagħmlu l-parti tagħhom biex din is-sena tkun waħda ta’ suċċess.

Barra minn hekk, il-wirt kulturali għandu rwol ekonomiku kbir. Iktar minn 300,000 ruħ huma impjegati direttament fis-settur tal-wirt kulturali fl-Ewropa u 7.8 miljun impjieg fl-Ewropa huma marbutin indirettament mal-wirt kulturali, pereżempju fit-turiżmu u fix-xogħlijiet tal-bini, f’servizzi anċillari bħat-trasport, fis-servizzi tal-interpretar, f’xogħlijiet ta’ manutenzjoni u fil-qasam tas-sigurtà. Fl-2011 biss, fi Franza l-wirt kulturali ġġenera EUR 8.1 biljun mill-mużewijiet, mill-operat ta’ siti storiċi, ta’ ċerti binjiet u ta’ attrazzjonijiet li jiġbdu lill-viżitaturi, kif ukoll mil-libreriji u mill-arkivji.

Is-Sena tal-Wirt Kulturali tal-2018 se tkun okkażjoni biex nenfasizzaw l-importanza tal-kultura Ewropea u x’tista’ tagħmel l-UE b’rabta mal-konservazzjoni, mad-diġitalizzazzjoni, mal-infrastruttura, mar-riċerka u mal-iżvilupp tal-ħiliet, biex insemmu biss ftit mill-oqsma li jirċievu appoġġ mill-programmi ta’ finanzjament tal-UE bħal, pereżempju, dak imsejjaħ “Ewropa Kreattiva”. Se jiġu organizzati avvenimenti madwar l-Ewropa kollha, flimkien ma’ kampanji ta’ informazzjoni, edukazzjoni u sensibilizzazzjoni. Is-Sena tal-Wirt Kulturali se toffrilna l-opportunità li nfittxu li nwieġbu għall-isfidi ta’ baġits pubbliċi li qegħdin dejjem jonqsu fil-qasam tal-kultura, ta’ parteċipazzjoni dejjem tonqos f’attivitajiet kulturali tradizzjonali, ta’ pressjonijiet ambjentali fuq is-siti ta’ patrimonju, ta’ ktajjen tal-valur li qegħdin dejjem jevolvu u tat-trasformazzjoni diġitali. Skont il-Komunikazzjoni Konġunta li ġiet adottata dan l-aħħar imsejħa “Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali”, is-Sena tal-Wirt Kulturali se tippromwovi l-preservazzjoni tal-wirt kulturali bħala element ewlieni tal-politiki esterni tal-UE u se tfittex li twieġeb għall-qerda kriminali tal-patrimonju kulturali fiż-żoni ta’ kunflitt u għat-traffikar illegali ta’ oġġetti artistiċi ta’ valur kulturali.

Għal aktar informazzjoni

Il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali fl-2018

L-Aġenda Ewropea għall-Kultura

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-wirt kulturali bħala riżorsa strateġika għal Ewropa sostenibbli

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejħa “Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali”

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Settembru 2015

Ir-rapport imsejjaħ “Cultural Heritage Counts for Europe” (“Il-Wirt Kulturali jgħodd għall-Ewropa”)

 

 

 

 

 

 

IP/16/2905

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar