Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tapprova l-ħolqien tal-Malta Development Bank

Brussell, I-24ta' awissu 2016

Il-Kummissjoni sabet li l-pjanijiet ta’ Malta għall-istabbiliment ta’ bank ta’ żvilupp huma konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-bank se jwettaq attivitajiet mhux kummerċjali sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs u biex jappoġġa l-investiment fl-infrastruttura, mingħajr ma jfixkel indebitament il-kompetizzjoni.

F’Lulju 2016, Malta nnotifikat lill-Kummissjoni bil-pjanijiet biex tappoġġa l-ħolqien tal-Malta Development Bank (MDB) b’injezzjoni ta’ kapital ta’ EUR 200 miljun u garanziji u eżenzjonijiet mit-taxxa b’valur ta’ madwar EUR 55 miljun.

Il-MDB se jipprovdi finanzjament lil kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) li qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiffinanzjaw lilhom infushom mis-suq. Il-MDB jista’ wkoll jappoġġa proġetti infrastrutturali meta l-finanzjament ma jkunx biżżejjed jew mhux disponibbli fis-suq. Jista’ wkoll jipparteċipa fi strumenti finanzjarji tal-UE, bħal COSME (programm tal-UE għall-SMEs), Orizzont 2020 jew il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), li għandu l-għan li jappoġġa investimenti strateġiċi f’oqsma ewlenin fl-UE kollha.

Il-Kummissjoni vvalutat dawn il-miżuri skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, li bis-saħħa tagħhom l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni sabet li l-MDB se jipprovdi finanzjament lill-SMEs u proġetti ta’ infrastruttura biss fejn tali finanzjament ma jkunx disponibbli fis-suq. Dan se jevita li l-investiment privat jiġi eliminat mill-bank ta’ żvilupp appoġġat mill-Istat. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għan tal-attività tal-MDB mhux se jfixkel il-kompetizzjoni fis-Suq Uniku.

Minħabba li s-suq għall-SMEs u l-finanzjament tal-proġetti ta’ infrastruttura u partikolarment il-kamp ta' applikazzjoni u n-natura tal-fallimenti tas-suq jistgħu jevolvu, il-Kummissjoni se terġa’ teżamina s-sejbiet tagħha fl-2019. Dan ir-rieżami se jkun ibbażat fuq rapport minn Malta dwar l-operazzjonijiet tal-MDB skont il-kamp ta' applikazzjoni approvat.

 

Sfond

Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jippermettu li l-Istati Membri jagħtu għajnuna lil Banek Promozzjonali Nazzjonali bħall-MDB, bil-kundizzjoni li jipprovdu finanzjament f’oqsma fejn il-fallimenti tas-suq iwasslu għal nuqqas ta’ finanzjament minn operaturi privati, jew fejn is-suq privat ma jipprovdix tali finanzjament waħdu.  

Għal aktar dettalji, ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2015 dwar ir-rwol tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali b’appoġġ għall-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa.

Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni se tkun disponibbli taħt in-numru tal-każ SA.39793 fir-Reġistru tal-Għajnuna mill-Istat u fuq is-sit web tad-DĠ Kompetizzjoni ladarba jkunu riżolti xi kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità li jista’ jkun hemm. Pubblikazzjonijiet ġodda dwar id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat fuq l-internet u fil-Ġurnal Uffiċjali huma elenkati fuq State Aid Weekly e-News.

IP/16/2881

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar