Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Lejn titjib fl-istatistika soċjali għal Ewropa soċjali

Brussell, I-24ta' awissu 2016

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal Regolament dwar modi ġodda u integrati biex tinġabar u tintuża d-dejta minn stħarriġ soċjali biex tkun ta' għajnuna fit-tfassil tal-politika b’mod ġenerali u b’mod partikolari għall-politika soċjali.

Bażi ta' evidenza solida f’termini ta’ indikaturi soċjali se ttejjeb l-analiżi tal-iżviluppi soċjali u tikkontribwixxi għal Ewropa soċjali tal-ogħla livell.

Kif qalet Marianne Thyssen, il-Kummissarju responsabbli mill-Impjiegi, l-Affarijet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, kif ukoll mill-Istatistika Ewropea (EUROSTAT): "Illum qed nagħmlu pass importanti biex nimmodernizzaw l-istatistika soċjali. Madankollu, din mhijiex kwistjoni ta’ numri, imma ta' nies. Il-politiki tajba jibdew b’dejta tajba. Neħtieġu l-aktar informazzjoni preċiża fil-qasam soċjali. Għandna bżonn aktar dejta aġġornata u jeħtieġ li nirċevuha aktar malajr biex infasslu politiki soċjali li jikkorrispondu għall-bżonnijiet reali taċ-ċittadini fl-Ewropa llum. Il-proposta tal-lum hija eżempju ieħor ta’ kif il-Kummissjoni tpoġġi d-dimensjoni soċjali fil-qalba tal-aġenda tagħha.”

Ir-Regolament qafas propost se jippermetti li d-dejta tiġi ppubblikata aktar malajr, billi jnaqqas l-iskadenzi tat-trażmissjoni f’għadd ta’ oqsma. Dan se jżid ukoll il-komparabbiltà u l-koerenza tal-istatistika soċjali tal-UE, billi jiġbor flimkien seba’ stħarriġiet dwar l-unitajiet domestiċi li qed jitwettqu bħalissa fl-UE u billi jarmonizza xi varjabbli li huma komuni għal żewġ stħarriġiet jew aktar. Barra minn hekk, dan se jiffaċilita l-analiżi komuni ta’ fenomeni soċjali, ibbażati fuq metodi ġodda ta’ stħarriġ. Fl-aħħar nett, se jkollna sett ta' dejta usa' u aktar rikk għad-dispożizzjoni tagħna, grazzi għall-użu ta’ approċċi u metodi innovattivi mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u għall-ikkombinar ta’ dejta minn diversi sorsi. 

Sfond

Din l-inizjattiva hija parti minn programm kbir għall-modernizzazzjoni tal-istatistika soċjali imwettaq f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Tindirizza l-isfidi li dejjem qed jikbru f’dan il-qasam tal-istatistika, li jinkludu l-innovazzjoni rapida fil-metodoloġiji u fl-użi tal-IT, id-disponibbiltà ta’ sorsi ġodda ta’ dejta, il-ħtiġijiet emerġenti u l-aspettattivi tal-utenti tad-dejta kif ukoll il-pressjoni kontinwa fuq ir-riżorsi disponibbli. Se tappoġġja wkoll il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jeħtieġ bażi ta’ evidenza solida f’suġġetti bħall-inugwaljanzi, il-ħiliet, l-aċċess għall-impjiegi għal kulħadd u l-infiq fuq il-protezzjoni soċjali — li kollha kemm huma għandhom jiġu deskritti aħjar bi statistika tajba u f’waqtha. Din l-inizjattiva hija wkoll parti mill-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) u għandha l-għan li tissemplifika l-istatistika soċjali Ewropea miġbura minn kampjuni u tagħmel il-proċess tal-ġbir tad-dejta aktar effiċjenti u l-produzzjoni statistika aktar rilevanti.

Qed jiġu żviluppati inizjattivi simili f’oqsma oħra tal-istatistika, bħall-istatistika dwar in-negozji u dik agrikola.

Hemm seba’ stħarriġiet dwar l-unitajiet domestiċi fil-mira ta’ dan ir-Regolament qafas: Il-Labour Force Survey (LFS), il-European Statistics on Income and Living Conditions (EU-SILC), l-Adult Education Survey (AES), il-European Health Interview Survey (EHIS), is-Survey on Information and Communications Technologies (ICT) usage in households (ICT-HH), il-Household Budget Survey (HBS) u l-Harmonised European Time Use Survey (HETUS).

Għandu jiġi nnutat ukoll li din l-inizjattiva se tnaqqas l-ispejjeż għall-Istati Membri involuti fit-twettiq ta’ stħarriġ kampjunarju u l-piż minn fuq ir-residenti tal-UE li jirrispondu għall-mistoqsijiet tal-istħarriġ.

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tibda timplimenta gradwalment ir-Regolament Qafas mill-2019.

Il-proposta hija r-riżultat ta’ konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet interessati kollha: il-produtturi tad-dejta, il-fornituri tad-dejta u l-utenti tad-dejta. Ir-riżultati fil-qosor tal-konsultazzjoni jinsabu f’valutazzjoni tal-impatt disponibbli għall-pubbliku hawnhekk.

Is-Sistema Statistika Ewropea (SSE) tipproduċi d-dejta statistika użata biex tevalwa l-prestazzjoni tal-Istati Membri fil-kuntest tas-semestru Ewropew, biex tissorvelja l-miri ewlenin tal-Ewropa 2020, biex timplimenta ħafna oqfsa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-impjieg u l-iżviluppi soċjali u biex twitti t-triq għal viżjoni futura strateġika għal Ewropa lil hinn mill-Ewropa 2020. Barra minn hekk, il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni jitolbu għodod ta’ monitoraġġ analitiċi tajba fl-oqsma tal-impjiegi, tat-tkabbir u l-investiment, tas-suq uniku diġitali, ta' Unjoni Monetarja Ewropea (EMU) aktar profonda u ġusta, tal-migrazzjoni, tas-suq intern, tal-unjoni tal-enerġija u tal-klima.

Matul is-snin, l-SSE stabbiliet għodda avvanzata biex tipprovdi statistiki komparabbli għat-tfassil ta’ politika aħjar fil-livell Ewropew u fl-Istati Membri. Madankollu, l-SSE qed tħabbat wiċċha dejjem aktar ma’ ħtieġa li qed tikber għal informazzjoni statistika għall-analiżi, għar-riċerka u għat-tfassil tal-politika. Barra minn hekk, id-dejta statistika għandha tkompli tissodisfa l-istandards ta’ kwalità għolja tal-istatistika uffiċjali, inkluża t-tempestività.

L-istatistika soċjali tkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma (id-demografija, l-impjiegi, id-dħul u l-konsum, il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja, l-edukazzjoni, is-saħħa, eċċ.) u hija meħuda minn varjetà ta’ sorsi (id-dejta dwar persuni u l-unitajiet domestiċi tinġabar fuq livell individwali minn kampjuni, ċensimenti tal-popolazzjoni, dejta amministrattiva aggregata u dejta min-negozji). Dawn l-aspetti kollha qed jiġu analizzati b’mod konsistenti taħt il-programm ta’ modernizzazzjoni tal-istatistika soċjali. Ir-Regolament qafas li qed jiġi propost huwa pass importanti lejn il-modernizzazzjoni tal-istatistika soċjali b’mod partikolari f’termini ta’ dejta tal-istħarriġ soċjali.

Ħoloq utli

Ara wkoll il-MEMO/16/2868

Communication on the Commission's proposal

Għal aktar tagħrif dwar l-Eurostat, ara: http://ec.europa.eu/eurostat/

Segwi l-Eurostat fuq Twitter: https://twitter.com/EU_Eurostat

Il-paġna ewlenija tal-Kummissarju Thyssen:      http://ec.europa.eu/commission/2014-2019/thyssen_en

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Facebook u twitter

Abbona għall-bulettin dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea li jasallek bil-posta elettronika u bla ħlas

IP/16/2867

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar