Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-UE titlob biex ikun hemm kumitat tad-WTO dwar id-diskriminazzjoni tal-Kolombja kontra l-ispirti importati

Brussell, it-22ta' awissu 2016

Illum l-UE talbet biex jitwaqqaf kumitat tad-WTO biex jiddeċiedi dwar tilwima marbuta mat-trattament diskriminatorju tal-Kolombja dwar l-ispirti (xorb alkoħoliku) importati.

Aktar kmieni din is-sena (bejn it-8 u d-9 ta' Marzu 2016) l-UE u l-Kolombja kellhom konsultazzjonijiet, madankollu l-konsultazzjonijiet naqsu milli jsibu soluzzjoni għat-tilwima. Filwaqt li l-UE tirrikonoxxi l-isforzi tal-Kolombja biex iddaħħal riforma fl-iskema tal-ispirti sa mill-bidu tat-tilwima, l-ispirti tal-UE xorta qed jibqgħu jiġu diskriminati fis-suq Kolombjan

Għal perjodu twil l-UE kellha tħassib dwar id-diskriminazzjoni tal-ispirti tal-UE fis-suq Kolombjan. L-ispirti tal-UE huma soġġetti għal taxxi ogħla u taxxi lokali minn dawk applikati għall-marki lokali. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet tas-suq japplikaw fid-dipartimenti jew fis-subdiviżjonijiet tal-Kolombja. Id-dipartimenti jimponu restrizzjonijiet għall-aċċess fis-suq li jfixklu l-kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq bi żvantaġġ għall-ispirti tal-UE. Dan kollu jmur kontra l-obbligi tal-Kolombja dwar in-nondiskriminazzjoni skont ir-regoli tad-WTO.

Skont il-Ftehim tal-Kummerċ bilaterali mal-Unjoni Ewropea, il-Kolombja impenjat lilha nnifisha biex twaqqaf id-diskriminazzjoni sal-1 ta' Awwissu tas-sena li għaddiet. L-UE semmiet din il-kwistjoni mal-Kolombja f'bosta okkażjonijiet, fosthom fil-laqgħat bilaterali, fil-laqgħat tad-WTO u fid-diskussjonijiet ta' sħubija mal-OECD L-Unjoni Ewropea tkompli tappoġġa l-isforzi tal-Kolombja biex iddaħħal ir-riforma f'dan is-settur.

Kuntest

Fatti u ċifri tal-kummerċ

L-UE hija l-esportatur ewlieni tal-ispirti lejn is-suq tal-Kolombja, b'riżultat ta' dan, is-sieħeb kummerċjali l-aktar wieħed affettwat minn dawn il-miżuri (segwita mill-Messiku, il-Costa Rica u l-Istati Uniti tal-Amerika) Fl-2014, l-esportazzjonijiet tal-ispirti tal-UE lejn il-Kolombja - b'valur ta' €43 miljun - irrappreżentaw madwar 14% tal-esportazzjonijiet agrikoli totali lejn il-Kolombja u 77% tal-importazzjonijiet tal-ispirti totali Kolombjani.  Fl-ispirti differenti esportati mill-UE lejn il-Kolombja, it-tipi differenti ta' wiski jirrappreżentaw l-ogħla sehem (€35 miljun) segwit mil-likuri u mill-kordjali (€4 miljun) Il-Kolombja tipproduċi primarjament rum u aguardiente, li jammontaw għal 83% tal-konsum tal-ispirti fil-Kolombja fiċ-ċifri tal-2013 (10.8 miljun 9LC[1], meta mqabbla ma' 2.3 miljun kaxxa ta' spirti importati).

It-taxxa tal-konsum nazzjonali dwar l-ispirti nqassmet f'żewġ gruppi ta' taxxa fl-1995 u ilha "speċifika" sa mill-2002 (Liġi Nru 788 tas-27 ta' Diċembru 2002), li jfisser li t-taxxa tiġi kkalkulata skont il-perċentwali tal-kontenut alkoħoliku għal kull unità ta' 0.75 litru. Punt ta' tqassim artifiċjali ġie stabbilit fil-35% tal-kontenut alkoħoliku, bir-riżultat li l-prodotti l-aktar prodotti importati jaqgħu fil-grupp ta' taxxa ogħla, fejn l-ispirti li jiġu prodotti l-aktar lokalment jaqgħu fil-grupp ta' taxxa baxxa.  Is-sitwazzjoni hija simili fid-dipartimenti (departamentos) - subdiviżjonijiet amministrattivi tal-Kolombja - fejn jintalab biex titħallas taxxa lokali minflok it-taxxa tal-konsum nazzjonali.

Barra minn hekk, fil-Kolombja għadd ta' dipartimenti jeżerċitaw l-hekk imsejjaħ monoporju fiskali fuq l-introduzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ispirti. B'riżultat ta' dan, id-dħul tal-ispirti importati huwa soġġett għall-konklużjoni ta' "kuntratti ta' introduzzjoni" mad-dipartiment li jinkludu klawżoli restrittivi ta' kummerċ, jimponu valuri massimi u prezzijiet minimi ta' bejgħ, u jirrikjedu lill-kummerċjanti biex jiżguraw il-ħlas tal-ammont ta' dejn fiskali futur, eċċ. Barra minn hekk, id-dipartimenti jgawdu minn diskrezzjoni kbira għall-aċċess miċħud arbitrarju lill-marki importati.

L-Unjoni Ewropea talbet konsultazzjonijiet mal-Kolombja taħt id-WTO fit-13 ta' Jannar 2016 fid-DS 502, Colombia- Measures Concerning Imported Spirits; il-konsultazzjonijiet saru bejn it-8 u d-9 ta' Marzu 2016 imma naqsu milli jsibu soluzzjoni pożittiva għat-tilwima.

Il-passi li jmiss fil-proċeduri tas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO

It-talba tal-UE biex jitwaqqaf kumitat tad-WTO se tiġi diskussa fil-laqgħa tat-2 ta' Settembru tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim (KST) tad-WTO. Jekk il-Kolombja ma taqbilx mat-twaqqif ta' kumitat f'din il-laqgħa, l-UE tista' tippreżenta talba oħra fil-laqgħa segwenti tal-KST li, skont ir-regoli tad-WTO, il-Kolombja ma tistax twaqqaf.

F'kull stadju tat-tilwima l-proċeduri ta' soluzzjoni, il-Kolombja tista' tirriforma l-iskema tal-ispirti fil-Kolombja u telimina d-diskriminazzjoni tal-ispirti importati, b'hekk turi li nstabet soluzzjoni mingħajr ma jkun hemm l-istennija għal sentenza minn kumitat tad-WTO.

Aktar tagħrif

Sommarju tas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO:

http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/dispute-settlement/

Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kolombja:

http://ec.europa.eu/trade/policy/countries-and-regions/regions/andean-community/

 

[1] kaxxa ta' disa' litri jew kaxxa ta' 12-il flixkun ta' 75cl.

IP/16/2846

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar