Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Nimplimentaw l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni: Progress dwar l-Azzjonijiet ta’ Prijorità

Brussell, I-10ta' frar 2016

Nimplimentaw l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni: Progress dwar l-Azzjonijiet ta’ Prijorità

L-aktar kriżi tar-refuġjati serja mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn, b’aktar minn 60 miljun refuġjat jew persuni spustati internament madwar id-dinja, tirrikjedi tisħiħ radikali tas-sistema tal-migrazzjoni tal-UE u rispons Ewropew ikkoordinat. Filwaqt li huwa tant mixtieq li jonqsu l-flussi minħabba li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali spiss ma jkunux jistgħu jlaħħqu magħhom, m’għandu jkun hemm l-ebda illużjoni li l-kriżi tar-refuġjati se tintemm qabel ma l-għeruq tagħha — l-instabilità, il-gwerer u t-terrur fil-viċinat immedjat tal-Ewropa, notevolment il-gwerra u l-atroċitajiet li għadhom għaddejjin fis-Sirja - jiġu indirizzati b’mod definit.

Matul l-aħħar sitt xhur, il-Kummissjoni Ewropea ħadmet fuq reazzjoni Ewropea rapida u kkoordinata billi ressqet serje ta’ proposti mfassla biex jipprovdu lill-Istati Membri l-għodod meħtieġa biex jiġġestixxu aħjar l-għadd kbir ta’ migranti li jaslu. Mill-ittripplar tal-preżenza fuq il-baħar; permezz ta’ sistema ġdida ta’ solidarjetà f’emerġenza biex dawk li jfittxu l-ażil minn pajjiżi l-aktar affettwati jiġi rilokati; permezz ta' mobilizzazzjoni bla preċedenti tal-baġit tal-UE ta’ aktar minn EUR 10 biljun biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati u jiġu mgħejjuna l-pajjiżi l-aktar affettwati; it-tfassil ta’ qafas ġdid ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; il-bidu ta’ partenarjat ġdid mat-Turkija; it-triq kollha lejn proposta ambizzjuża għal Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta, l-Unjoni Ewropea qed isaħħaħ il-politika tal-asil u l-migrazzjoni tal-Ewropa biex ikunu jistgħu jiġu ffaċjati l-isfidi l-ġodda li qiegħda ssib quddiemha. Madankollu, filwaqt li elementi importanti daħlu fis-seħħ, l-implimentazzjoni sħiħa fil-prattika ma kinitx suffiċjenti. Huwa ċar li jeħtieġ li jsir ħafna aktar biex tinkiseb sistema sostenibbli ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni.

Fid-dawl tal-Kunsill Ewropew tal-ġimgħa d-dieħla, il-Kummissjoni llum qed toħroġ rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ prijorità taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u qed tenfasizza oqsma ewlenin fejn jeħtieġ li tittieħed azzjoni immedjata biex jerġa’ jkun hemm kontroll tas-sitwazzjoni.

L-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans qal: "Fit-tieni nofs tal-2015 kien hemm għadd bla preċedenti ta' nies li sabu ruħhom fl-Ewropa permezz ta' modi irregolari. Dawk li jeħtieġu protezzjoni jridu japplikaw għall-asil fl-ewwel pajjiż tal-UE li jaslu fih. Jekk ikun meħtieġ, dawn jistgħu jiġu rilokati lejn Stati Membri oħra sabiex tintlaħaq distribuzzjoni aktar ġusta. Iżda dawk li ma jitolbux l-ażil, jew li ma jikkwalifikawx għalih, għandhom jiġu identifikati u rritornati malajr u b’mod effettiv. L-akbar prijorità urġenti tal-lum hija li tiġi ristawrata ġestjoni ordnata tal-flussi. Il-Kummissjoni Ewropea qed tappoġġja l-Istati Membri fl-għoti ta’ reazzjoni Ewropea kkoordinata, inkluż f’termini ta’ sostenn finanzjarju u prattiku sostanzjali.”

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: "Fil-waqt li l-għadd ta' migranti li qed jaslu l-Ewropa għadu għoli, hemm bżonn li nħaffu l-pass tal-implimentazzjoni tar-reazzjoni Ewropea maqbula li tikseb bilanċ bejn ir-responsabilità u s-solidarjetà. Irid ikun ċar għal dawk li jaslu fl-Unjoni li jekk huma għandhom bżonn ta’ protezzjoni huma ser jirċevuha, iżda mhux dritt tagħhom li jiddeċiedu fejn; u li jekk ma jikkwalifikax għall-protezzjoni, huma jiġu rritornati. Sabiex tiġġestixxi aħjar il-fluss tal-migranti u jiġu protetti l-fruntieri Ewropej, l-Istati Membri kollha għandhom iwettqu l-impenji tagħhom, japplikaw b’mod strett ir-regoli Ewropej dwar l-asil u l-kontroll tal-fruntieri u jipprovdu l-appoġġ meħtieġ għal dawk l-Istati Membri li huma l-aktar esposti.”

F’Diċembru, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet rapport dwar il-progress li sar fejn tidħol l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri u sabet li l-implimentazzjoni kienet bil-mod wisq. Xahrejn wara, sar xi progress dwar għadd ta’ kwistjonijiet. Pereżempju, sar progress fir-rata ta’ teħid tal-marka tas-swaba’, li huwa element kruċjali fil-ġestjoni xierqa tas-sistema tal-ażil. Il-proporzjon ta’ migranti li l-marki tas-swaba’ tagħhom ġew inklużi fid-database tal-Eurodac fil-Greċja żdied minn 8 % f’Settembru 2015 għal 78 % f’Jannar 2016, u fl-Italja minn 36 % għal 87 % matul l-istess perjodu. Xorta jibqa’ l-fatt, madankollu, li għadd ta' skadenzi ma ġewx issodisfati u li l-impenji qed jitwettqu bil-mod.

Sabiex jiġi ppreżentat il-progress miksub sa issa, u l-ħidma li għad trid titlesta, il-Kummissjoni llum ippreżentat Rapporti ta’ Progress dwar is-sistema tal-hotspots u l-iskema ta’ rilokazzjoni fl-Italja u l-Greċja u l-miżuri meħuda biex jiġu implimentati l-impenji fid-Dikjarazzjoni maqbula fil-Laqgħa tal-Mexxejja dwar ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent f’Ottubru 2015. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll toħroġ opinjonijiet motivati rigward 9 proċeduri ta’ ksur bħala parti mill-impenn tagħha taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni li tagħti prijorità lill-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil. Barra minn dan, il-Kummissjoni qed tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni bejn l-UE u t-Turkija.

Il-Kummissjoni llum adottat ukoll Rakkomandazzjoni indirizzata lill-Greċja dwar il-miżuri urġenti li għandhom jittieħdu fid-dawl li ftit ftit se jerġgħu jibdew it-trasferimenti taħt ir-Regolament ta' Dubin. Il-Kulleġġ ppropona ukoll is-sospensjoni temporanja tal-iskema ta’ rilokazzjoni fir-rigward ta’ 30 % ta’ applikanti li jridu jiġu rilokati lejn l-Awstrija din is-sena. Fl-aħħar nett, il-Kulleġġ iddiskuta l-abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 19b tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li għandhom jiġu indirizzati lill-Greċja.

L-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri taħt l-akbar pressjoni: rakkomandazzjoni dwar il-bidu mill-ġdid ta' trasferimenti ta’ Dublin lill-Greċja

Sabiex is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil taħdem, għandu jkun hemm opportunità reali biex dawk li jfittxu l-ażil jiġu rritornati lejn il-pajjiż fejn ikunu daħlu l-ewwel fl-UE, kif previst skont ir-regoli tal-UE li dwarhom hemm qbil komuni. Sa mill-2010-11, l-Istati Membri ma kinux fil-pożizzjoni li jwettqu t-trasferimenti ta’ Dublin lejn il-Greċja minħabba nuqqasijiet sistemiċi mqajma mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ).

Il-Kummissjoni llum adottat ukoll Rakkomandazzjoni indirizzata lill-Greċja dwar il-miżuri urġenti li għandhom jittieħdu fid-dawl tal-possibbiltà li jerġgħu jibdew isiru xi trasferimenti taħt ir-Regolament ta’ Dublin Minn mindu kienet ingħatat is-sentenza tal-QĠE fl-2011, il-Greċja għamlet xi titjib u ħadet azzjoni sabiex tirrimedja n-nuqqasijiet fis-sistema tal-asil tagħha, taħt sorveljanza mill-qrib mill-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil, u tal-Istati Membri.

Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li minkejja li ġew stabbiliti strutturi tal-asil aktar adegwati, bħal ma huma s-Servizz tal-Ażil u s-Servizz tal-Ewwel Akkoljenza, għad hemm oqsma ewlenin tal-proċess tal-asil li jeħtieġu li jittejbu qabel ma r-Regolament ta’ Dublin ikun jista’ jerġa' jiġi applikat b’mod sħiħ għall-Greċja, notevolment fl-oqsma tal-kapaċitajiet u l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza u l-aċċess għall-proċedura, l-appelli u l-għajnuna legali tal-ażil.

Ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi l-passi konkreti li jridu jittieħdu sabiex il-Greċja titreġġa’ lura lejn is-sistema ta’ Dublin, b'attenzjoni fuq it-tisħiħ tal-kapaċità ta’ akkoljenza u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien għal persuni li jfittxu l-asil fil-Greċja u li jippermettu aċċess effettiv għall-proċedura tal-ażil, inklużi l-appelli, billi jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet rilevanti jkunu kompletament operattivi, ikollhom biżżejjed persunal u tagħmir xieraq biex jeżaminaw aktar applikazzjonijiet. Fl-istess ħin għandu jittieħed kont tal-piż fuq il-Greċja ġej min-numru ogħli attwali ta’ dawk li jfittxu l-asil.

Se jkun f’idejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, taħt il-kontroll tal-qrati tagħhom u tal-Qorti tal-Ġustizzja li jiddeċiedu jekk iqisux li l-kundizzjonijiet huma tali li jista' jibda ċertu trasferiment limitat mill-ġdid. Ir-Rakkomandazzjoni titlob lill-Greċja biex tirrapporta dwar il-progress f’Marzu, u dan jiċċara l-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet humiex tali li jippermettu li l-Istati Membri jerġgħu jibdew it-trasferimenti individwali lejn il-Greċja skont ir-Regolament Dublin fid-dawl tal-progress speċifiku li jkun sar.

L-iżgurar ta’ fruntieri b’saħħithom

Il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE iġib miegħu responsabbiltajiet. F’dawn l-aħħar xhur, il-kontrolli fil-fruntieri tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent saru b’mod mhux ikkoordinat, li rriżulta f’miżuri unilaterali li wasslu għall-issikkar tal-fruntieri b’effett ta' domino fuq il-pajjiżi aktar 'l fuq fir-rotta tal-migranti. Il-Kummissjoni f’dan ir-rigward insistiet fuq l-importanza tar-reġistrazzjoni tal-migranti, ir-reżiljenza tal-fruntieri u fuq iż-żieda fil-kapaċità ta’ akkoljenza sabiex tiżgura soluzzjonijiet strutturali għall-isfida li qed tiffaċċja l-Ewropa.

Sabiex tindirizza din it-tendenza, hu neċessarju li l-pajjiżi tul ir-rotta jgħaġġlu t-twettiq tal-impenji li ttieħdu fil-Laqgħa tal-Mexxejja tal-Balkani tal-Punent u jaraw li d-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu kkoordinati bis-sħiħ u, fejn rilevanti, fi ħdan il-qafas tal-liġi tal-Unjoni. Aktar importanti minn dan, l-Istati Membri kollha għandhom jimpemjaw ruħhom biex itemmu l-approċċ tagħhom li jħallu għaddej lil kull min juri interess li japplika għall-ażil xi mkien ieħor. Dawk li mhumiex fil-bżonn ta’ protezzjoni għandhom jintbagħtu lura bla dewmien, b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali.

Il-ħila tal-Unjoni li żżomm fis-seħħ żona mingħajr kontroll fuq il-fruntieri interni huwa dipendenti fuq l-eżistenza ta’ fruntieri esterni sikuri. Is-sistema ta’ Schengen fiha ammont kbir ta’ flessibbiltà li tippermetti lill-Istati Membri jirreaġixxu għal ċirkustanzi li qed jevolvu. Iż-żieda kontinwa fl-għadd ta’ migranti u refuġjati li qed jaslu wassal biex l-Istati Membri jieħdu miżuri eċċezzjonali tal-aħħar rikors, bħall-introduzzjoni temporanja mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

Illum il-Kulleġġ tal-Kummissarji ddiskuta wkoll abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Greċja skont l-Artikolu 19b tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen Wara li Rapport ta’ Evalwazzjoni ta’ Schengen ikkonkluda li hemm nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Greċja, il-Kunsill issa qiegħed jikkunsidra rakkomandazzjonijiet biex jirrimedja dawn in-nuqqasijiet serji. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tieħu il-miżuri ta’ implimentazzjoni xierqa ladarba l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan. L-istabbilizzazzjoni tas-sistema ta’ Schengen permezz tal-użu tal-mekkaniżmi ta’ salvagwardja tagħha hija essenzjali sabiex jiġi żgurat li eventwalment jitneħħew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni.

L-implimentazzjoni tar-rilokazzjoni

Ir-rilokazzjoni hija għodda essenzjali biex jitnaqqas il-piż fuq l-Istati Membri taħt l-akbar pressjoni u sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni aktar ġusta ta’ dawk li jfittxu l-ażil madwar l-Ewropa, u biex jerġa’ jkun hemm l-ordni fil-ġestjoni tal-migrazzjoni. Iżda dan jirrikjedi kooperazzjoni effikaċi bejn pajjiżi ta’ rilokazzjoni u l-Istati Membri riċevituri, u r-rieda politika biex ir-rilokazzjoni taħdem.

Din hija r-raġuni għaliex illum il-Kummissjoni kitbet lill-Istati Membri kollha biex tfakkarhom dwar l-obbligi tagħhom taħt iż-żewġ deċiżjonijiet ta’ rilokazzjoni u biex tappella għal aċċellerazzjoni fil-pass ta’ implimentazzjoni fid-dawl tal-obbjetiv ċar li tingħata assistenza urġenti. Hekk kif jiġu ssikkati l-kontrolli fuq il-fruntiera tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, il-pressjonijiet li dawn id-deċiżjonijiet kienu maħsuba biex itaffu x’aktarx li se jiżdiedu, biex b’hekk il-ħtieġa għas-solidarjetà saret aktar urġenti.

Id-deċiżjoni ta’ rilokazzjoni tipprovdi għall-possibbiltà li jiġi adattat il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każijiet fejn l-Istati Membri jkunu kkonfrontati b’ċaqliq qawwi ta’ flussi migratorji li jirriżultaw fi fluss f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Minħabba s-sitwazzjoni ta’ emerġenza li qiegħda taffaċċja l-Awstrija bħalissa, il-Kummissjoni pproponiet sospensjoni temporanja ta' sena tar-rilokazzjoni ta’ 30 % tal-applikanti allokati lill-Awstrija. Is-sitwazzjoni preżenti fl-Awstrija hija ikkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fuq it-territorju tagħha li huwa riżultat ta' movimenti sekondarji madwar l-Ewropa, li wassal għal żieda qawwija tan-numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali. F’Diċembru, il-Kummissjoni kienet diġà pproponiet li l-obbligi tal-Iżvezja dwar ir-rilokazzjoni jiġu sospiżi b’mod temporanju għal sena.

Sfond

Il-Kummissjoni Ewropea ilha taħdem fuq il-front tar-rifuġjati u l-migrazzjoni b’mod konsistenti u kontinwu biex titfassal reazzjoni Ewropea kkoordinata.

Mal-ħatra tiegħu, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker ħatar Kummissarju b'responsabbiltà speċjali għall-Migrazzjoni, Dimitris Avramopoulos, biex jaħdem flimkien mal-Kummissarji oħra, ikkoordinati mill-Ewwel Viċi President Frans Timmermans, dwar politika ġdida tal-migrazzjoni bħala waħda mill-10 prijoritajiet tal-Linji Gwida Politiċi.

Fit-13 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni li ppreżentat approċċ komprensiv biex tittejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni fl-aspetti kollha tagħha.

Diġà ġew adottati tliet pakketti ta' implimentazzjoni taħt l-Aġenda, fis-27 ta' Mejju, 2015, fid-9 ta' Settembru, 2015 u l-15 ta' Diċembru

Għal iżjed tagħrif

Il-Komunikazzjoni dwar is-Sitwazzjoni Attwali tal-Implimentazzjoni ta’ Azzjonijiet ta’ Prijorità taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Stqarrija għall-istampa - Nimplimentaw l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni: Il-Kummissjoni tirrapporta dwar is-sitwazzjoni attwali fil-Greċja, l-Italja u l-Balkani tal-Punent

Stqarrija għall-istampa - L-Implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil: il-Kummissjoni teskala 9 proċedimenti ta' ksur

Stqarrija għall-istampa - Il-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: Rapporti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni konġunt bejn l-UE u t-Turkija

SKEDA INFORMATTIVA: Il-Ġestjoni tal-Kriżi tar-Refuġjati - il-Greċja: Ir-rapport tas-sitwazzjoni attwali

SKEDA INFORMATTIVA: Il-Ġestjoni tal-Kriżi tar-Refuġjati - l-Italja: Ir-rapport tas-sitwazzjoni attwali

SKEDA INFORMATTIVA: Il-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati — ir-rotta tal-Balkani tal-Punent: Ir-rapport tas-sitwazzjoni attwali

SKEDA INFORMATTIVA: Pjan ta' Azzjoni Konġunt UE - it-Turkija

SKEDA INFORMATTIVA: Bilanċ bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà dwar il-migrazzjoni u l-ażil

SKEDA INFORMATTIVA: Ir-regoli ta’ Schengen spjegati

Anness 1: Pjan ta' Azzjoni Konġunt UE - it-Turkija

Anness 2: Il-Greċja – Rapport ta' Progress

Anness 3: L-Italja – Rapport ta' Progress

Anness 4: Ir-rikolazzjoni – Rapport ta' Progress

Anness 5: Segwitu għal-laqgħa tal-mexxejja tal-Balkani tal-Punent — Rapport ta’ progress

Anness 6: Azzjonijiet ippjanati li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tat-tfal fil-Migrazzjoni

Anness 7: Il-wegħdi tal-Istati Membri għall-fondi fiduċjari - Tabella dwar is-sitwazzjoni attwali

Anness 8: L-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE — sitwazzjoni attwali

Anness 9: Appoġġ aċċettat tal-Istati Membri għall-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili għas-Serbja, is-Slovenja, il-Kroazja u l-Greċja

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri urġenti li għandhom jittieħdu mill-Greċja fil-kuntest tat-tkomplija ta’ trasferimenti taħt ir-Regolament ta’ Dublin

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar sospensjoni temporanja tar-rilokazzjoni ta’ 30 % tal-applikanti allokati lill-Awstrija

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Il-Komunikazzjoni tat-23 ta' Settembru 2015: Ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: miżuri operazzjonali, baġitarji u legali immedjati skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Il-Komunikazzjoni tal-14 ta' Ottubru 2015: Ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: Sitwazzjoni Attwali tal-Implimentazzjoni ta’ Azzjonijiet ta’ Prijorità taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Il-Komunikazzjoni tal-15 ta' Diċembru: Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta u l-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-Ewropa

Id-dikjarazzjoni tal-Lagħa tal-Mexxejja tal-Balkani tal-punent

IP/16/271

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar