Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Ewrobarometru Standard tar-Rebbiegħa 2016: Il-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni għandhom l-appoġġ qawwi tal-pubbliku

Brussell, id-29ta' lulju 2016

L-Ewropej jidhrilhom li l-akbar sfidi li l-UE qed tħabbat wiċċha magħhom bħalissa huma l-immigrazzjoni u t-terroriżmu, filwaqt li jappoġġaw il-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Ewropea. Dan it-tagħrif importanti joħroġ mill-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru Standard li ġie ppubblikat illum. L-istħarriġ sar bejn il-21 u l-31 ta’ Mejju 2015 f’34 pajjiż jew territorju [1].

Jidher li l-immigrazzjoni u t-terroriżmu huma l-akbar sfidi li għandha l-UE:

Meta ċ-ċittadini ntalbu jesprimu t-tħassib tagħhom, l-immigrazzjoni baqgħet fuq quddiem nett fost l-aktar kwistjonijiet imsemmija li l-UE qed taffaċċja (48%, -10). It-terroriżmu (39%, +14) għadu t-tieni l-aktar kwistjoni msemmija. F’dan l-istħarriġ, din il-kwistjoni ssemmiet ferm aktar milli ssemmiet fl-aħħar stħarriġ tal-ħarifa 2015, u rnexxielha taqbeż sew lis-sitwazzjoni ekonomika (19%, -2), lill-istat tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri (16%, -1), u lill-qgħad (15%, -2). L-immigrazzjoni hi l-akbar tħassib tal-UE f’għoxrin Stat Membru, u tħassib fost l-akbar tnejn fil-pajjiżi kollha, ħlief fil-Portugall. It-terroriżmu hu l-akbar tħassib tal-UE fi tmien Stati Membri, u tħassib fost l-akbar tnejn fil-pajjiżi kollha, ħlief fil-Greċja.

Fil-livell nazzjonali, it-tħassib ewlieni hu l-qgħad (33%, -3) u l-immigrazzjoni (28%, -8). Is-sitwazzjoni ekonomika tinsab fit-tielet post (19%, l-ebda bidla).

Appoġġ għall-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Ewropea:

Bħalma wera l-istħarriġ preċedenti ta’ Novembru 2015, iċ-ċittadini qed japprovaw bis-saħħa l-prijoritajiet li fasslet il-Kummissjoni Ewropea.

- Fejn tidħol il-kwistjoni tal-migrazzjoni, 67% tal-Ewropej jistqarru li jaqblu mal-politika komuni Ewropea dwar il-migrazzjoni. Kważi sitta minn kull għaxar Ewropej (58%) għandhom opinjoni pożittiva fuq il-migrazzjoni taċ-ċittadini minn Stati Membri oħra tal-UE. Iżda l-istess proporzjon hu negattiv fuq l-immigrazzjoni tal-persuni minn barra l-UE.

- 79% tal-Ewropej jaqblu mal-“moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE li jistgħu jgħixu, jaħdmu, jistudjaw u jagħmlu negozju fejn jixtiequ fl-UE”. Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu jaqblu mal-moviment liberu fil-pajjiżi kollha mir-Renju Unit (63%) sal-Latvja (95%). Barra minn hekk ħafna mill-Ewropej iqisu l-moviment liberu tal-persuni, tal-oġġetti u tas-servizzi fl-UE bħala wieħed mill-aktar kisbiet pożittivi tal-UE (56%), flimkien mal-paċi bejn l-Istati Membri (55%).

- L-Ewropej jaraw l-UE bħala attur globali: 68% jaħsbu li l-UE għandha vuċi fid-dinja.

- Fejn jidħol l-investiment fl-UE, 56% tal-Ewropej jaqblu li flus il-poplu għandhom jintużaw biex jistimulaw l-investiment tas-settur privat fil-livell tal-UE.

- 56% tal-Ewropej jaqblu wkoll ma’ suq uniku diġitali fl-UE.

- Fejn tidħol l-enerġija, 70% tal-Ewropej huma favur politika komuni dwar l-enerġija fost l-Istati Membri tal-UE.

- L-opinjoni pożittiva fuq l-ewro għadha stabbli (55% fl-UE b'mod ġenerali, 68% fiż-żona tal-ewro). Fi 22 Stat Membru, inklużi fil-pajjiżi taż-żona tal-ewro, il-maġġoranza huma favur il-munita unika.

- F’24 Stat Membru, il-maġġoranza jaqblu li għandu jsir ftehim ta’ kummerċ ħieles u investiment bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka. B’mod ġenerali, 51% ta’ dawk li wieġbu fl-UE huma favur.

Il-fiduċja fl-UE hi akbar mill-fiduċja fil-gvernijiet nazzjonali; iċ-ċittadinanza tal-UE tibqa’ l-istess

L-għadd ta’ Ewropej li stqarrew il-fiduċja fl-Unjoni Ewropea żdied għal 33%. Il-livell medju ta’ fiduċja fil-gvernijiet nazzjonali baqa’ stabbli: 27%,

u daqstant ieħor, il-proporzjon tal-Ewropej (38%) jgħidu li għandhom immaġni newtrali tal-UE baqa’ l-istess. L-għadd ta’ Ewropej li jistqarru li għandhom immaġni pożittiva tal-UE baqa’ 34% filwaqt li 27% għandhom immaġni negattiva.

L-għadd ta’ ċittadini li jħossu li l-vuċi tagħhom tinstema’ fl-UE baqa’ 38% (-1 punt), u dan jikkonferma ż-żieda fiċ-ċifra li seħħet wara l-elezzjonijiet Ewropej fl-2014.

Żewġ terzi tal-Ewropej (66%, +2) iħossuhom ċittadini tal-UE. Din hi fehma komuni fost il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu f’26 Stat Membru.

Il-kuntest

L-Ewrobarometru Standard tar-Rebbiegħa 2016 sar b’intervisti wiċċ imb wiċċ bejn il-21 u s-26 ta’ Mejju 2016. B’kollox ġew intervistati 31,946 persuna minn fost l-Istati Membri tal-UE u mill-pajjiżi kandidati.

Informazzjoni oħra

Ir-rapport bl-ewwel riżultati li ġie ppubblikat illum jiddeskrivi l-imġiba tal-Ewropej fejn tidħol l-UE, kif ukoll it-tħassib u l-perċezzjonijiet ewlenin taċ-ċittadini fuq is-sitwazzjoni ekonomika. Dan jinsab onlajn.

[1]It-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (l-UE), ħames pajjiżi kandidati (l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija) u l-Komunità Ċiprijotta Torka fil-parti tal-pajjiż li mhix kontrollata mill-gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru.

IP/16/2665

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar