Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Antitrust: Il-Kummissjoni tieħu aktar passi fl-investigazzjonijiet li jallegaw li l-prattiki ta' Google relatati mat-tqabbil tal-prezzijiet u tar-reklamar jiksru r-regoli tal-UE*

Brussell, I-14ta' lulju 2016

Il-Kummissjoni bagħtet żewġ Dikjarazzjonijiet tal-Oġġezzjonijiet lil Google. F'Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet supplementari, il-Kummissjoni saħħet il-konklużjoni preliminari tagħha li Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi ffavorixxiet b'mod sistematiku s-servizz tat-tqabbil tal-prezzijiet tagħha fil-paġni tar-riżultati tat-tiftix tagħha.

B'mod separat f'Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni infurmat ukoll lil Google bil-fehma preliminari tagħha li l-kumpanija abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi rrestrinġiet b'mod artifiċjali l-possibbiltà li siti web ta' terzi persuni juru reklami bbażati fuq it-tiftix mill-kompetituri ta' Google.

Il-Kummissarju Margrethe Vestager, li hija responsabbli mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet: "Google ħarġet b'ħafna prodotti innovattivi li għamlu differenza f'ħajjitna. Iżda dan ma jagħtix id-dritt lil Google li ċċaħħad lil kumpaniji oħra mill-opportunità li jikkompetu u joħorġu b'xi ħaġa innovattiva. Illum komplejna nsaħħu l-każ tagħna li Google iffavorixxiet b'mod mhux dovut is-servizz ta' tqabbil tal-prezzijiet tagħha fil-paġni tar-riżultati tat-tiftix ġenerali tagħha. Dan ifisser li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jaraw l-aktar riżultati rilevanti għat-tiftix tagħhom. Wisq nibżgħu wkoll li Google fixklet il-kompetizzjoni billi llimitat il-kapaċità tal-kompetituri tagħha li jpoġġu reklami bbażati fuq it-tiftix f'siti web ta' partijiet terzi, u dan joħnoq l-għażla u l-innovazzjoni tal-konsumaturi.

Issa Google għandha l-ooportunità li twieġeb għat-tħassib tagħna. Jien se nqis l-argumenti tagħhom bir-reqqa qabel ma niddeċiedi kif immexxi fiż-żewġ każijiet. Iżda jekk l-investigazzjonijiet tagħna jikkonkludu li Google kisret ir-regoli tal-antitrust tal-UE, il-Kummissjoni għandha d-dmir li taġixxi biex tipproteġi lill-konsumaturi Ewropej u l-kompetizzjoni ġusta fis-swieq Ewropej."

Id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet supplementari dwar it-tqabbil tal-prezzijiet issegwi Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet maħruġa fl-istess każ f'April 2015. Iż-żewġ Dikjarazzjonijiet tal-Oġġezzjonijiet huma indirizzati lil Google u lill-kumpanija prinċipali tagħha, Alphabet. Il-ħruġ ta' Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet ma jippreġudikax l-eżitu tal-investigazzjoni.

Tqabbil tal-prezzijiet

Wara d-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet maħruġa f'April 2015 u t-tweġiba ta' Google f'Awwissu 2015*, il-Kummissjoni wettqet aktar miżuri investigatorji. Id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet supplementari tal-lum tiddeskrivi firxa wiesgħa ta' evidenza addizzjonali u dejta li ssaħħaħ il-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni li Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi ffavorixxiet b'mod sistematiku s-servizz tat-tqabbil tal-prezzijiet tagħha stess fir-riżultati tat-tiftix ġenerali tagħha. Fost affarijiet oħrajn, din l-evidenza addizzjonali tirreferi għall-mod kif Google tiffavorixxi s-servizz tat-tqabbil tal-prezzijiet tagħha fuq dawk tal-kompetituri tagħha, l-impatt tal-prominenza tal-wiri ta' sit web fir-riżultati tat-tiftix ta' Google fuq it-traffiku tagħha, u l-evoluzzjoni tat-traffiku għas-servizz tat-tqabbil tal-prezzijiet ta' Google meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Il-Kummissjoni tinsab imħassba li l-utenti mhux bilfors jaraw l-aktar riżultati rilevanti bi tweġiba għat-tiftix tagħhom - dan huwa għad-detriment tal-konsumaturi, u joħnoq l-innovazzjoni.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat fid-dettall l-argument ta' Google li s-servizzi ta' tqabbil tal-prezzijiet ma għandhomx jitqiesu f'iżolament,iżda flimkien mas-servizzi pprovduti mill-pjattaformi merkantili, bħal Amazon u eBay. Il-Kummissjoni tkompli tqis li s-servizzi ta' tqabbil tal-prezzijiet u l-pjattaformi merkantili jappartjenu għal swieq separati. Fi kwalunkwe każ, id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet supplementari tal-lum issib li anki jekk il-pjattaformi merkantili jkunu inklużi fis-suq affettwat mill-prattiki ta' Google, is-servizzi ta' tqabbil tal-prezzijiet huma parti sinifikanti minn dak is-suq u l-imġiba ta' Google dgħajfet jew anki mmarġinalizzat il-kompetizzjoni mill-eqreb rivali tagħha.

Permezz tal-wasla tad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet supplementari, il-Kummissjoni saħħet il-konklużjoni preliminari tagħha filwaqt li fl-istess ħin ipproteġiet id-drittijiet ta' difiża ta' Google billi tatha l-opportunità li twieġeb b'mod formali għall-evidenza addizzjonali. Google u Alphabet għandhom tmien ġimgħat biex iwieġbu għad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet supplementari.

AdSense

Il-Kummissjoni bagħtet ukoll Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet lil Google dwar ir-restrizzjonijiet li l-kumpanija poġġiet fuq il-kapaċità li ċerti siti web ta' partijiet terzi juru reklami bbażati fuq it-tiftix mill-kompetituri ta' Google.

Il-fehma preliminari tal-Kummissjoni stabbilita fid-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet hija li dawn il-prattiki ippermettew li Google tipproteġi l-pożizzjoni dominanti tagħha fir-reklamar ibbażat fuq it-tiftix onlajn. Hija waqqfet lill-kompetituri eżistenti u potenzjali, inklużi fornituri tat-tiftix u pjattaformi tar-reklamar onlajn oħrajn, milli jidħlu u jikbru f'dan il-qasam kummerċjalment importanti.

Google tpoġġi r-reklami bbażati fuq it-tiftix direttament fuq is-sit web tat-tiftix ta' Google iżda anki bħala intermedjarja f'siti web ta' partijiet terzi permezz tal-pjattaforma tagħha "AdSense for Search" ("intermedjazzjoni tar-reklamar ibbażat fuq it-tiftix"). Dawn jinkludu siti web ta' bejjiegħa bl-imnut onlajn, operaturi tat-telekomunikazzjonijiet u ġurnali. Is-siti web joffru kaxxa tat-tiftix li tippermetti li l-utenti jfittxu għal informazzjoni. Kull meta utent idaħħal tiftixa, apparti r-riżultati tat-tiftix, jintwerew ukoll reklami bbażati fuq it-tiftix. Jekk l-utent jikklikkja fuq ir-riklam ibbażat fuq it-tiftix, kemm Google kif ukoll il-parti terza jirċievu kummissjoni.

F'dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li Google hija dominanti fis-suq għall-intermedjazzjoni tar-reklamar ibbażat fuq it-tiftix fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), b'ishma tas-suq ta' madwar 80% f'dawn l-aħħar 10 snin. Parti kbira mid-dħul ta' Google mill-intermedjazzjoni tar-reklamar ibbażat fuq it-tiftix jirriżulta mill-ftehimiet tagħha ma' għadd limitat ta' partijiet terzi, l-hekk imsejħa "Sħab Diretti". Il-Kummissjoni tinsab imħassba li, f'dawn il-ftehimiet mas-Sħab Diretti, Google kisret ir-regoli tal-antitrust tal-UE billi imponiet dawn il-kundizzjonijiet:

  • Esklussività: li titlob li l-partijiet terzi ma jużawx lill-kompetituri ta' Google bħala sors għar-reklami bbażati fuq it-tiftix tagħhom.
  • L-aħjar tqegħid ta' għadd minimu ta' reklami bbażati fuq it-tiftix ta' Google: li titlob li l-partijiet terzi jieħdu għadd minimu ta' reklami bbażati fuq it-tiftix mingħand Google u jirriservaw l-aktar spazju prominenti fuq il-paġni tar-riżultati tat-tiftix tagħhom għar-reklami bbażati fuq it-tiftix ta' Google. Barra minn hekk, ir-reklami bbażati fuq it-tiftix tal-kompetituri ma setgħux jitpoġġew fuq ir-reklami bbażati fuq it-tiftix ta' Google jew ħdejhom.
  • Dritt li tawtorizza r-reklami tal-kompetituri: li titlob lill-partijiet terzi jiksbu l-permess ta' Google qabel kull bidla fid-dehra tar-reklami bbażati fuq it-tiftix tal-kompetituri.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma preliminari li dawn il-prattiki li ilhom fis-seħħ għal 10 snin ifixklu l-kompetizzjoni f'dan is-suq kummerċjalment importanti. Id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet ilha ssib oġġezzjoni għall-prattika tal-esklussività sa mill-2006. Din ġiet gradwalment sostitwita mill-2009 f'ħafna kuntratti bir-rekwiżit tal-aħjar tqegħid / għadd minimu ta' reklami u d-dritt li Google tawtorizza r-reklami kompetituri. Il-Kummissjoni tinsab imħassba li dawn il-prattiki naqqsu l-għażla b'mod artifiċjali u ħonqu l-innovazzjoni fis-suq matul dan il-perjodu. Dawn naqqsu b'mod artifiċjali l-opportunitajiet għall-kompetituri ta' Google f'dan is-suq kummerċjalment importanti, u għaldaqstant naqqsu wkoll il-kapaċità li siti web ta' partijiet terzi jinvestu biex joffru għażla u servizzi innovattivi lill-konsumaturi tagħhom.

Il-Kummissjoni nnutat li, fil-kuntest tal-proċedimenti tal-antitrust tagħha, dan l-aħħar Google iddeċidiet li tibdel il-kundizzjonijiet fil-kuntratti tal-AdSense tagħha mas-Sħab Diretti biex ittihom aktar libertà li juru reklami bbażati fuq it-tiftix ta' kompetituri. Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib dawn il-bidliet fil-prattiki ta' Google biex tivvaluta kif se jkollhom impatt fuq is-suq.  

Google u Alphabet għandhom 10 ġimgħat biex iwieġbu għad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet.

 

Sfond

Il-proġett ewlieni ta' Google huwa t-tiftix ġenerali fuq l-internet. Dan jagħti riżultati ta' tiftix lill-konsumaturi, inklużi reklami onlajn li jirriflettu t-tiftix. Google tiġġenera proporzjon sinifikanti mid-dħul tagħha mir-reklami bbażati fuq it-tiftix. Għaldaqstant, Google għandha interess li timmassimizza l-għadd ta' utenti li jaraw ir-reklami li hija tpoġġi, kemm fuq is-siti web tagħha stess kif ukoll fuq dawk ta' partijiet terzi.

Il-Kummissjoni tqis li Google għandha pożizzjoni dominanti fil-forniment ta' servizzi ta' tiftix ġenerali fuq l-internet kif ukoll fit-tqegħid ta' reklamar ibbażat fuq it-tiftix f'siti web ta' partijiet terzi madwar iż-ŻEE, b'ishma mis-suq 'il fuq minn 90% u 80% rispettivament. Id-dominanza, minnha nnifisha, mhijiex problema skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE. Madankollu, il-kumpaniji dominanti għandhom ir-responsabbiltà li ma jabbużawx mill-pożizzjoni b'saħħitha fis-suq billi jirrestrinġu l-kompetizzjoni, kemm fis-suq fejn ikunu dominanti kif ukoll fis-swieq ġirien.

Il-Kummissjoni kienet fetħet proċedimenti f'Novembru 2010 dwar it-trattament favorevoli ta' Google lejn is-servizz tat-tqabbil tal-prezzijiet kif ukoll ir-restrizzjonijiet li poġġiet fuq il-kapaċità ta' ċerti siti web ta' partijiet terzi biex juru reklami bbażati fuq it-tiftix mill-kompetituri ta' Google. Id-Dikjarazzjonijiet tal-Oġġezzjonijiet tal-lum jiddeskrivu l-fehmiet preliminari tal-Kummissjoni li l-mod li bih Google fittxet li timmassimizza t-traffiku lejn is-siti web tagħha stess u tillimita l-kapaċità li l-kompetituri jpoġġu reklami bbażati fuq it-tiftix f'siti web ta' partijiet terzi jikser ir-regoli tal-antitrust tal-UE.

Il-Kummissjoni kienet fetħet ukoll proċedimenti u se tkompli tinvestiga t-trattament favorevoli minn Google fir-riżultati tat-tiftix ġenerali tas-servizzi tat-tiftix speċjalizzati, u t-tħassib rigward l-ikkupjar tal-kontenut web tar-rivali (magħruf bħala "scraping"), u restrizzjonijiet mhux dovuti fuq ir-reklamaturi.

Barra minn hekk, id-Dikjarazzjonijiet tal-Oġġezzjonijiet tal-lum huma indipendenti mill-investigazzjoni tal-antitrust li għaddejja mill-Kummissjoni rigward is-sistema operattiva tal-Android ta' Google u ċerti applikazzjonijiet mobbli. F'dan ir-rigward, f'April 2016, il-Kummissjoni indirizzat Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet lil Google u Alphabet

 

Sfond proċedurali

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi wkoll il-proċedimenti kontra Alphabet, il-kumpanija prinċipali ta' Google, li nħolqot wara li l-Kummissjoni kienet nediet proċedimenti kontra Google. Iż-żewġ Dikjarazzjonijiet tal-Oġġezzjonijiet miġbura fil-qosor hawn fuq huma indirizzati lil Google u Alphabet. Barra minn hekk, id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet ta' April 2015 ġiet innotifikata lil Alphabet.

L-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprojbixxi l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti li tista' taffettwa l-kummerċ u tipprevjeni jew tirrestrinġi l-kompetizzjoni. L-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni hija ddefinita fir-Regolament dwar l-Antitrust (ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003), li jista' jiġi applikat mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri tal-UE.

Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet hija pass formali fl-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-ksur suspettat tar-regoli tal-antitrust tal-UE. Il-Kummissjoni tinforma lill-kumpanija kkonċernata bil-miktub bl-oġġezzjonijiet li tressqu kontrihom. Il-kumpanija mbagħad tista' teżamina d-dokumenti fil-fajl tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, twieġeb bil-miktub u titlob seduta tas-smigħ biex tippreżenta l-kummenti tagħha dwar il-każ quddiem ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet supplementari tippermetti li l-Kummissjoni ssaħħaħ il-konklużjonijiet preliminari tagħha u tindirizza l-punti li l-kumpanija tkun qajmet fit-tweġiba tagħha għall-ewwel Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet. Tipproteġi wkoll id-drittijiet ta' difiża tal-kumpanija billi tagħtiha opportunità twieġeb b'mod formali għal evidenza addizzjonali.

Il-wasla ta' dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet (supplementari) ma tippreġudikax l-eżitu tal-investigazzjoni, billi l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni finali biss wara li l-partijiet ikunu eżerċitaw id-drittijiet ta' difiża tagħhom.

Ma hemm l-ebda data tal-għeluq legali biex il-Kummissjoni tlesti l-inkjesti tal-antitrust fi mġiba antikompetittiva. It-tul ta' żmen li tieħu investigazzjoni tal-antitrust jiddependi fuq għadd ta' fatturi, inkluż il-kumplessità tal-każ, il-limitu sa fejn l-impriża kkonċernata tikkoopera mal-Kummissjoni u l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża.

Tista' ssib aktar informazzjoni fis-sit web tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni, fir-reġistru tal-każi pubbliċi bin-numri 39740 (it-tqabbil tal-prezzijiet ta' Google) u 40411 (Google AdSense).

 

*aġġornat fl-14/07/2016, 17:30 CET: "Awwissu 2015" minflok "Settembru 2015"

IP/16/2532

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar