Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta l-Ħarsien tal-Privatezza (Privacy Shield) bejn l-Istati Uniti u l-UE: ħarsien aktar b’saħħtu għal flussi ta’ dejta transatlantiċi

Brussell, it-12ta' lulju 2016

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Ħarsien tal-Privatezza ( Privacy Shield) bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Dan il-qafas ġdid jipproteġi d-drittijiet fundamentali ta’ kulħadd fl-UE li d-dejta personali tagħhom tiġi trasferita lejn l-Istati Uniti tal-Amerika u ġġib ċarezza legali għan-negozji li jiddependu fuq it-trasferimenti transatlantiċi tad-dejta.

Il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, Andrus Ansip, qal: "Illum approvajna l-Ħarsien tal-Privatezza (Privacy Shield) il-ġdid bejn l-UE u l-Istati Uniti. Dan se jipproteġi d-dejta personali tan-nies tagħna u tiġi pprovduta ċarezza għan-negozji. Ħdimna ħafna mas-sħab kollha tagħna fl-Ewropa u fl-Istati Uniti biex naslu għal ftehim tajjeb u biex dan isir malajr kemm jista’ jkun. Il-flussi tad-dejta bejn iż-żewġ kontinenti tagħna huma essenzjali biex is-soċjetà u l-ekonomija tagħna - issa għandna qafas b’saħħtu li jiżgura dawn it-trasferimenti jsiru fl-aħjar kundizzjonijiet u b'mod sikur.”

Il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, Věra Jourová, qalet: “Il-Ħarisen tal-Privatezza (Privacy Shield) bejn l-UE u l-Istati Uniti hija sistema ġdida u soda biex titħares id-dejta personali tal-Ewropej u tkun żgurata ċ-ċertezza legali għan-negozji. Dan iġib miegħu standards ta’ protezzjoni tad-dejta iktar b’saħħithom li jiġu infurzati aħjar, salvagwardji dwar l-aċċess tal-gvernijiet, u rimedju aktar faċli għall-individwi f’każ ta’ lmenti. Il-qafas il-ġdid se jerġa’ jikseb lura l-fiduċja tal-konsumaturi meta d-dejta tagħhom tiġi ttrasferita in-naħa l-oħra tal-Atlantiku. Ħdimna flimkien mal-awtoritajiet Ewropej għall-protezzjoni tad-dejta, il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u l-kontropartijiet Amerikani biex nistabbilixxu arranġament bl-ogħla standards ta' protezzjoni tad-dejta personali għaċ-ċittadini Ewropej.

Il-Ħarsien tal-Privatezza (Privacy Shield) bejn l-UE u l-Istati Uniti hija bbażata fuq il-prinċipji li ġejjin:

  • Obbligi b’saħħithom fuq il-kumpaniji li jittrattaw mad-dejta: skont l-arranġament il-ġdid, id-Dipartiment tal-Kummerċ Amerikan iwettaq aġġornamenti u rieżamijiet regolari tal-kumpaniji parteċipanti, biex ikun żgurat li l-kumpaniji jsegwu r-regoli li impenjaw ruħhom għalihom. Jekk il-kumpaniji ma jikkonformawx fil-prattika jaffaċċjaw sanzjonijiet u tneħħija mil-lista. L-issikkar tal-kundizzjonijiet għal trasferimenti ta’ dejta lil terzi persuni jiggarantixxi l-istess livell ta’ protezzjoni f’każ ta’ trasferiment minn kumpanija fil-Privacy Shield.
  • Obbligi ċari ta' salvagwardja u trasparenza dwar l-aċċess tal-Gvern Amerikan: L-Istati Uniti tat lill-UE assigurazzjoni bil-miktub li l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà nazzjonali jkun soġġett għal mekkaniżmi ċari ta' limitazzjonijiet, salvagwardji u sorveljanza. Kulħadd fl-UE, għall-ewwel darba wkoll, jibbenefika minn mekkaniżmi ta’ rimedju f’dan il-qasam. L-Istati Uniti eskludew sorveljanza tal-massa indiskriminata tad-dejta personali trasferita lejn l-Istati Uniti permezz tal-arranġament dwar il-Ħarsien tal-Privatezza (Privacy Shield) bejn l-UE u lstati Uniti L-Uffiċċju tad-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali kompla jiċċara li l-ġbir massiv ta’ dejta jista' jintuża biss f'kundizzjonijiet speċifiċi u minn qabel u jeħtieġ li jkun immirat u ffokat kemm jista’ jkun. Din il-parti tiddeskrivi s-salvagwardji li hemm għall-użu tad-dejta f'dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali. Is-Segretarju tal-Istat Amerikan stabbilixxa l-possibbiltà ta’ rimedju fil-qasam tal-intelligence nazzjonali għall-Ewropej permezz ta’ mekkaniżmu ta’ Ombudsman fid-Dipartiment tal-Istat.
  • Ħarsien effettiv tad-drittijiet individwali: Kull ċittadin li jqis li d-dejta tiegħu ntużat b’mod ħażin fl-iskema tal-Ħarsien tal-Privatezza (Privacy Shield) jibbenefika minn diversi mekkaniżmi ta’ soluzzjoni tat-tilwim affordabbli u aċċessibbli. Idealment, l-ilment jissolva mill-kumpanija nnifisha; jew jkunu offruti soluzzjonijiet għal Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (Alternative Dispute resolution, ADR) mingħajr ħlas. L-individwi jistgħu wkoll imorru għand l-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Dejta nazzjonali tagħhom, li jaħdmu mal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ biex jiżguraw li l-ilmenti miċ-ċittadini tal-UE jkunu investigati u solvuti. Jekk każ ma jissolviex b’xi mezz ieħor, bħala l-aħħar alternattiva, ikun hemm mekkaniżmu ta’ arbitraġġ. Il-possibbiltà ta’ rimedju fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali għaċ-ċittadini tal-UE jkun trattat minn Ombudsman indipendenti minn servizzi tal-intelligence Amerikani.
  • Mekkaniżmu ta' rieżami konġunt annwali: il-mekkaniżmu jagħmel monitoraġġ tat-tħaddim tal-Ħarsien tal-Privatezza (Privacy Shield), fosthom l-impenji u l-assigurazzjoni fir-rigward l-aċċess għad-dejta għall-finijiet ta' infurzar tal-liġi u s-sigurtà nazzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea u d-Dipartiment tal-Kummerċ Amerikan iwettqu r-rieżami u jistiednu lill-esperti tal-intelligence nazzjonali mill-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Dejta Amerikani u Ewropej biex ikunu parti minnu. Il-Kummissjoni tibbaża fuq kull sors ieħor ta’ informazzjoni disponibbli u toħroġ rapport pubbliku lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Mindu ġie ppreżentat fi Frar l-abbozz tal-Ħarsien tal-Privatezza (Privacy Shield), il-Kummissjoni qagħdet fuq l-opinjonijiet tal-awtoritajiet Ewropej għall-protezzjoni tad-dejta (il-grupp ta' ħidma dwar l-Artikolu 29) u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, bl-iskop li jiġu introdotti għadd ta’ titjib u kjarifiki addizzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Uniti qablu dwar kjarifiki addizzjonali, notevolment fuq il-ġbir enormi ta’ data, it-tisħiħ l-Ombudsman u iktar espliċita ta’ obbligi fuq il-kumpaniji fir-rigward ta’ limiti dwar iż-żamma u t-trasferimenti ulterjuri.

Il-passi li jmiss: Id-“deċiżjoni ta’ adegwatezza” tiġu notifikata lill-Istati Membri llum u b’hekk tidħol fis-seħħ minnufih. Min-naħa tal-Istati Uniti, il-qafas tal-Ħarsien tal-Privatezza (Privacy Shield) jiġi ppubblikat fir-Reġistru Federali Amerikan, ekwivalenti għall-Ġurnal Uffiċjali tagħna. Id-Dipartiment tal-Kummerċ Amerikan jibda jħaddem il-Ħarsien tal-Privatezza (Privacy Shield). Ladarba l-kumpaniji jkollhom l-opportunità li jirrevedu l-qafas u jaġġornaw il-konformità tagħhom, il-kumpaniji jkunu jistgħu jiċċertifikaw mad-Dipartiment tal-Kummerċ sa mill-1 ta' Awwissu. B’mod parallel, il-Kummissjoni tippubblika gwida qasira għaċ-ċittadini li tispjega r-rimedji disponibbli f'każ li individwu jqis li d-dejta personali tiegħu tkun ġiet użata mingħajr ma ttieħed kont tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta.

Sfond

Fit-2 ta’ Frar 2016 il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Amerikan għamlu ftehim politiku dwar qafas ġdid għal skambji transatlantiċi tad-dejta personali għal skopijiet kummerċjali: il-Ħarsien tal-Privatezza (Privacy Shield) bejn l-UE u l-Istati Uniti (IP/16/216). Il-Kummissjoni ppreżentat it-testi tall-abbozz tad-deċiżjoni fid-29 ta’ Frar 2016. Wara l-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Artikolu 29 (l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta) tat-13 ta’ April u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Mejju, il-Kummissjoni temmet il-proċedura ta’ adozzjoni fit-12 ta’ Lulju 2016.

Il-Ħarsien tal-Privatezza (Privacy Shield) bejn l-UE u l-Istati Uniti jirrifletti r-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Ottubru 2015, li tiddikjara bħala invalidu l-qafas l-antik tal-Isfera ta' Sikurezza (Safe Harbour).

Għal aktar tagħrif

Deċiżjoni ta’ adegwatezza

Annessi

Mistosqija u Tweġiba

Skeda informattiva

Communication: Flussi ta’ Dejta Transatlantiċi: Il-Kisba Lura tal-Fiduċja permezz ta’ Salvagwardji b'Saħħithom

IP/16/2461

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar